It-tifsira tat-tbatija fid-dawl tal-Passjoni ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 1988

70. It-tifsira tat-tbatija fid-dawl tal-Passjoni ta’ Kristu.

“Jekk iż-żerriegħa tal-qamħ . . . tmut, din tagħti ħafna frott” (Ġw 12, 24).

  1. Il-fidwa mwettqa minn Kristu bi prezz il-passjoni u l-mewt fuq is-salib, hija ġrajja deċisiva u determinanti fl-istorja tal-umanità, mhux biss għaliex twettaq il-pjan divin suprem ta’ ġustizzja u ta’ ħniena, imma wkoll għaliex tiżvela lill-koxjenza tal-bniedem sinifikat ġdid tat-tbatija. Nafu li mhemmx problema li tgħabbi iktar minn din lill-bniedem, ukoll u b’mod speċjali fir-rapport tiegħu ma’ Alla. Nafu li mis-soluzzjoni tal-problema tat-tbatija huwa kkondizzjonat il-valur tal-eżistenza tal-bniedem fuq l-art, Nafu li f’ċertu kejl dan jikkorrispondi mal-problema tal-ħażen, li l-preżenza tiegħu fid-dinja hija hekk diffiċli li taċċettaha.

Is-salib ta’ Kristu – il-passjoni – jitfà fuq din il-problema dawl għal kollox ġdid,  waqt li jagħti sens ieħor lit-tbatija umana inġenerali.

  1. Fit-testment il-qadim t-tbatija tiġi, meta tqis kollox ma’ kollox, meqjusa bħala piena li l-bniedem irid iġarrab, minn naħa ta’ Alla ġust, għal dnubietu. Madankollu, waqt li nibqgħu fil-qasam ta’ tali orizzont ta’ ħsieb, msejjes fuq rivelazzjoni divina inizjali, il-bnieem isib ruħu f’diffiultà fli jagħti raġuni tat-tbatija ta’ min m’għandux ħtija, ngħiduha wkoll tal-innoċenti. Problema tremenda, li l-espressjoni “klassika” tagħha tinsab fil-ktieb ta’ Ġobb. Però ta’ min iżid ukoll li fil-ktieb ta’ Iżaija il-problema diġa tidher f’dawl ġdid, meta l-figura tal-qaddej ta’ Jaħwè donnha tikkostitwixxi tħejjija b’mod partikolari sinifikattiva u effikaċi fir-rigward tal-misteru paskwali, li fiċ-ċentru tiegħu tasal biex issib post, maġemb il-“bniedem tan-niket” Kristu, il-bniedem batut taż-żmenijiet u tal-ġnus kollha.

Il-Kristu li jbati huwa, bħal ma kanta poeta modern, “il-qaddis li jbati”, l-innoċenti li jbati, u propju minħabba dan it-tbatija tiegħu għandha profondità ferm ikbar fir-rigward ta’ dik tal-bnedmin l-oħra kollha, ukoll tal- Ġobbijiet kollha, jew aħjar ta’ dawk kollha li fid-dinja jbatu mingħajr ebda ħtija tagħhom. Għaliex Kristu huwa l-uniku li tassew huwa bla dnub, u li anzi, linqas jistà jidneb.

Dan huwa mela – l-uniku – li assolutament ma ħaqqux it-tbatija. Madankollu huwa wkoll dak li aċċettaha bil-mod l-iktar sħiħ u riżolut, aċcettaha b’mod volontarju u b’imħabba. Dan ifisser dik ix-xewqa tiegħu, u kważi dik it-tensjoni nterna tiegħu li jixrob għal kollox il-kalċi tan-niket (cf. Ġw 18, 11), u dan “għal dnubietna; mhux biss għal tagħna, imam wkoll għal dawk tad-dinja kollha” kif jispjega l-appostlu Ġwanni (1 Ġw 2, 2). F’tali xewqa, li tikkomunika ruħha wkoll għal ruħ mingħajr ħtija, jinsab l-għerq tal-fidwa tad-dinja permezz tas-salib. Il-qawwa feddejja tat-tbatija tinsab fl-imħabba.

  1. U hekk, bl-opra ta’ Kristu, jinbidel b’mod radikali s-sens tat-tbatija. Mhuwiex iktar biżżejjed li fiha naraw il-kastig għad-dnubiet. Huwa meħtieġ li nagħrfu l-qawwa redentriċi, feddejja tal-imħabba. Il-ħażin tat-tbatija, fil-misteru tal-fidwa ta’ Kristu, jiġi megħlub u, fi kwalunkwè każ, ittrasformat: huwa jsir l-qawwa għall-ħelsien mill-ħażin, għar-rebħa tat-tajjeb. Kull tbatija umana, magħquda ma’ dik ta’ Kristu, ittemm “dak li jonqos mit-tbatijiet ta’Kristu fil-persuna li tbati, favur ġismu” (cf. Col 1, 24): u il-ġisem huwa l-Knisja bħala komunità feddejja universali.
  2. Fit-tagħlim tiegħu kif jgħidu pre-paskwali, Ġesù għarraf iktar minn darba li l-kunċett tat-tbatija, mifhuma b’mod esklussiv bħala kastig tad-dnub, kien insuffiċjenti u saħansitra impropju. Hekk, meta rriferewlu dwar xi galilej li d-demm tagħhom Pilatu kien ħalltu ma’ dak tas-sagrifiċċji tagħhom”, Ġesù għamel il-mistoqsija: “Taħsbu li dawk il-galilej kienu iktar midimba mill-galilej kollha, biex sofrew tali xorti? . . . Jew dawk it-tmintax li waqà fuqhom it-torri ta’ Siloe u qatilhom, taħsbu li kienu ikar ħatja mill-abitanti kollha ta’ Ġerusalem?” (Lq13, 1-2. 4). Ġesù hawn iqiegħed b’mod ċar fid-dubju tali mod ta’ ħsieb, imxerred u komunament aċċettat f’dak iż-żmien, u jġiegħel jiftiehem li d-“diżgrazzja” li ġġib it-tbatija ma tistax tiġi mifhuma b’mod esklussiv bħala kastig għad-dnubiet personali. “Le, ngħidilkom” – jiddikjara Ġesù, u jżid: “Imma jekk ma tikkonvertux, ilkoll tintilfu bl-istess mod” (Lq13, 3-4). Fil-kuntest, waqt li nqabblu dan il-kliem ma’ dak preċedenti, ikun faċli li niskopru li Ġesù jrid jenfasizza l-bżonn li jkun evitat id-dnub, għaliex dan huwa l-veru ħażen, il-ħażen fih innifsu u, minħabba s-solidarjetà li torbot bejniethom l-esseri umani, hu l-aħħar għerq ta’ kull tbatija.  Mhux biżżejjed tevita d-dnub biss minħabba l-biżà tal-kastig li jistà joħrog minnu għal min jikkommettih. Jeħtieġ tassew li “jikkonverti” għall-ġid, hekk li l-liġi tas-solidarjetà tkun tistà tbiddel  l-effett tagħha u tiżviluppa, grazzi għall-għaqda mat-tbatija ta’ Kristu, influss pożittiv fuq l-membri l-oħra tal-familja umana.
  3. F’tali sens idoqq il-kliem ippronunzjat minn Ġesù waqt li kien qed ifejjaq wieħed għama minn twelidu. Meta d-dixxipli jistaqsuh: “Rabbi, min dineb, hu jew il-ġenituri tiegħu, biex hu twieled għama?”, Ġesù wieġeb: “La hu u linqas il-ġenituri, imma ġara hekk sabiex jimmanifestaw ruħhom fih l-opri ta’ Alla” (Ġw9, 1-3). Waqt li ta d-dawl, Ġesù għarraf l-“opri ta’ Alla”, li kellhom jirrivelaw ruħhom f’dak il-bniedem immankat, a vantaġġ tiegħu u ta dawk kollha li saru jafu b’din il-ġrajja. Il-fejqan mirakoluż tal-għama kien “sinjal” li wassal lill-imfejjaq biex jemmen fi Kristu u introduċa fil-moħħ ta’ oħrajn żerriegħa b’saħħitha ta’ inkwiet (cf. Ġw 9, 16). Fil-professjoni ta’ fidi tal-mirakolat timmanifesta ruħha l-“opra ta’ Alla” essenzjali, id-don feddej li huwa rċieva flimkien mad-don li jara: “Int temmen f’Bin il-bniedem? . . .U min hu, Mulej, sabiex jien nemmen fih? . . . Inti rajtu: dak li qed jitkellem miegħek huwa propju hu . . . Jiena nemmen Mulej!” (Ġw 9, 35-38).
  4. Fuq l-isfond ta’ din il-ġrajja nilmħu xi aspetti tal-verità tan-niket fid-dawl tas-salib. Fir-realtà, ħaqq li jara t-tbatija b’mod esklussiv bħala kastig tad-dnub, imur kontra l-imħabba tal-bniedem. Dan hu dak li jidher diġa fil-każ tal-kelliema ta’ Ġobb, li jakkużawh fuq il-bażi ta’ argumenti miksuba minn idea tal-ġustizzja nieqsa minn kull ftuħ għall-imħabba (cf. Ġb 4 ss). Dan jidher aħjar fil-każ tal-għama minn twelidu: “Min dineb, hu, jew il-ġenituri, sabiex hu twieled għama?” (Ġw 9, 2). Dan huwa bħal ippuntar tas-sebgħa kontra xiħadd, Dan huwa ssentenzjar li jgħaddi mit-tbatija murija bħala torment fiżiku, għal dak il-fehim bħala kastig għad-dnub: Xiħadd f’ dan il-każ dineb, l-interessat jew il-ġenituri tiegħu. Din hija stigmatizzazzjoni morali: ibati, mela jrid ikun hemm ħati!

Biex jintemm dan il-mod fqir u nġust ta’ ħsieb, kien hemm bżonn li jkun rivelat fir-radikalità tiegħu l-misteru tat-tbatija tal-Innoċenti, tal-Qaddis, tal-“Bniedem tan-niket”! Minn meta Kristu għażel is-salib u miet fuq il-Golgota, dawk kollha li jbatu, b’mod partikolari dawk li jbatu bla ħtija, jistgħu jiltaqgħu mal-wiċċ tal-“Qaddis li jbati”, u jsibu fil-passjoni tiegħu l-verità kollha dwar it-tbatija, is-sens sħiħ tagħha, l-importanza tagħha.

  1. Fid-dawl ta’ din il-verità, dawk kollha li jbatu jistgħu jħossuhom imsejħa biex jieħdu sehem fl-opra tal-fidwa mwettqa permezz tas-salib. Li tieħu sehem fis-salib ta’ Kristu jfisser li temmen fil-qawwa feddejja tas-sagrifiċċju li kull kredent jistà joffri mal-Feddej. Allura t-tbatija tinħeles mid-dell tal-assurdità li donnu jiksiha, u takkwista dimensjoni profonda, tirrivela s-sinifikat u l-valur krejattiv tagħha. Allura wieħed ikun jistà jgħid li jinbidel ix-xenarju tal-eżistenza, li minnu titbieġhed dejjem iktar l-qawwa distruttiva tal-ħażen, propju għaliex it-tbatija ġgib il-frott għani tagħha. Dan jirrivelahulna Ġesù stess u jwiegħed, meta jgħid: “Waslet is-siegħa li jkun igglorifikata Bin il-bniedem. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: jekk iż-zerriegħa tal-qamħ li taqà fl-art ma tmutx, tibqà weħedha; jekk iżda tmut, tagħti ħafna frott” (Ġw12, 23-24). Mis-salib għall-glorja!
  2. Aspett ieħor tal-verità tat-tbatija jeħtieġ li jitpoġġa fid-dawl bl-għajnuna tal-Vanġelu. Jgħidilna Mattew li “Ġesù dar l-ibliet u l-irħula . . . ixandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u lil kull min kien nieqes minn saħħtu” (Mt9, 35). Minn naħa tiegħu Luqa jirrakkonta li meta staqsew lil Ġesù fuq is-sinifikat ġust tal-kmandament tal-imħabba, huwa weġibhom bil-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb (cf.Lq 10, 30-37). Minn dawn it-testi joħroġ li, skont Ġesù, it-tbatija jeħtieġ tinkuraġġixxi b’mod partikolari għall-imħabba tal-proxxmu u għall-impenn li nipprovdulu s-servizzi meħtieġa. Tali mħabba u tali servizzi, imwettqa f’kull forma possibbli, jikkostitwixxu valur morali fondamentali, li “jakkumpanja” t-tbatija. U anzi Ġesù, waqt li jitkellem dwar l-aħħar ħaqq, enfasizza b’mod partikolari l-kunċett li kull opra ta’ mħabba mwettqa favur il-bniedem batut hija ndirizzta lill-istess Feddej: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni; kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu żżuruni, il-ħabs u ġejtu tarawni” (Mt 25, 35-36). Fuq dan il-kliem tibbaża ruħha l-etika nisranija kollha tas-servizzi, ukoll soċjali, u l-valorizzazzjoni tat-tbatija aċċettata fid-dawl tas-salib.

Ma nistgħux minn hawn niġbdu t-tweġiba li wkoll llum l-umanità tistenna? Hija tistà tirċievi biss mingħand Kristu msallab, “il-Qaddis li jbati”, li jistà jippenetra fil-qalb stess tal-iktar problemi umani itturmentati, għaliex diġa jinsab qrib dawk kollha li jbatu u jitolbu lilu l-infużjoni ta’ tama ġdida.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading