Mudell ta’ koppja qaddisa għall-żminijietna


Il-Qaddejja ta’ Alla, Henru u Inez Casolani

Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’ Diċembru 1999. Inez Casolani née Vassallo twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice u Giuseppina née Portelli. Inez mietet fit-13 ta’ Lulju 1992. Henry u Inez iżżewġu fid-19 ta’April 1944 fil-knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’ wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li baqgħet unika. Meta kibret din wieġbet ghas-sejħa ta’ ħajja kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’ St Joseph fl-1964.

casolani4Henry u Inez kienu żewġ persuni b’karattri kompletament differenti minn  xulxin. Iżda kienu  ta’ fehma waħda f’dik li hija fundamentali jiġifieri fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu l-ħajja nisranija flimkien fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin. Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna stqarrew li l-koppja Casolani kienu inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien; il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija. Kienu kuntenti u koppja li jgħixu fl-armonija. Kien jitkellmu b’imħabba u entużjażzmu fuq xulxin.Qabel u wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Inez lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu. Inez kellha ideat ċari tal-imġieba tal-mara mar-raġel. Lil Cecilia Inez dejjem għallmitha tirrispetta lil missierha b’kull mod u manjiera.

Inez kienet taħdem għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem iżda wkoll permeżż tal-kitba tagħha. Fil-ħafna artikli li kitbet, u li gew ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn. Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri. Hekk il-familja tkun unita u tgħix fil-hena u l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità mingħajr ħela. Kitbet kemm fellħet biex iġġib paci u għaqda.

Il-koppja Henry u Inez Casolani kienet miftuħa ghall-oħrajn. Dejjem jippruvaw jgħinu lil bagħtut. Kienu jżuru lill-morda fl-isparijiet. Inez baqgħet tagħmel dan anki meta hija stess mardet gravament b’qalbha. Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor. Għalihom is-sagrifiċċju kien okkazjoni biex jagħtu akbar glorja lil Alla.

Bil-karattru ferrieħi tagħha u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu jfittxu lil Inez għal parir  u biex jiftħu qalbhom magħha. Henry, bil-karizma tiegħu ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxhielu jiġbed lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Inez dejjem stqarrew pubblikament l-opposizzjoni tagħhom għal dak li kien ħazin.

Il-mikbi Isqof Emeritus Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Inez Casolani: “Kienu koppja ta’ nsara ferventi, ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’ nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom okkazzjoni li jagħmlu opra tajba.”

Il-ferħ tagħhom kien xhieda tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin fit-talb. Monsinjur Lawrence Gatt ikkummenta:

‘Timpressjonak koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem tal-età u l-esperjenza li kellu Henry Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.’

It-tnejn stinkaw biex il-Madonna tkun izjed maħbuba minn kulħadd! Inez kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju tal-familja ma fallewh qatt. L-ahhar kelmiet li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn għalija!’

Fuq kollox dak li kien tispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’ kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali quddiem is-Sagrament! Kif staqqru l-ħafna xhieda, kienu magħqudin mhux biss fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika kostanti tal-Kelma t’Alla.

Henry u Inez Casolani imxew dejjem fuq it-tagħlim ta’ Kristu.  Ma kienux jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u jinsew d-deni li kien jircievu. Henry kien jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha għall-glorja t’Alla.’ u per eżempju ‘Int qed issostni li dan ir-raġel ma jixtiqlix il-ġid? Dan huwa l-ħabib tieghi! Ma qatgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla! Meta marad, kull ma kien jghid Henry kien: ‘Min jaf Kristu x’sofra!’ Inez sejħet is-sofferenżi tagħha ‘bukkett ward’!

casolani3

Inez u Henry Casolani kienu l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom Cecilia. Meta din, l-uniku wilt taghhom, ta’ dsatax il-sena dahlet soru, is-sofferenza li l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom. Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru qatt kontra l-Volontà Tieghu, lit-tifla bierkuha u baqgħu dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u l-missjoni tagħha.

“Naraw f’Henry u Inez Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix fl-affarijiet straordinarji, imma tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek, f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u dak li jixtieq Alla.”  Prof Fr. Maurice Eminjan, s.j.

Din il-familja Casolani, familja domestika skont il-Konċilju Vatikan II, xandret bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’ trombi li l-familja hija teżor tal-knisja, ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità. L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani hija prova li, skond il-pjan ta’ Alla, il-familja hija l-qafas li fih il-persuna umana, magħmula xbiha t’Alla, titwieled, titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’ mħabba.

Meta Henry u Inez Casolani qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl Cremona o.p., illum l-Arċisqof ta’ Malta kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel it-tajjeb.  Din l-istess sempliċità Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja li kellu fil-Mulej.”

Ftit mumenti qabel ma’ ttajret lejn is-sema Inez kellha il-kuraġġ tikteb: ‘I take record of God… in Thee I have had my earthly joy’!

Imħabba qawwija għal Alla! Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu f’ħajjtihom kollha Henry u Inez Casolani.

Kitba ta’ Anton Quintano

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.