Noti mis-Sinodu tal-Familja (4). Il-Familja bi ħtiġijiet speċjali


Noti mis-Sinodu (4)

 IL-FAMILJI BI ĦTIĠIJIET SPEĊJALI

Fl-imgħoddi ntqal ħafna dwar Saddam Hussein, imma qatt ma smajt li dak li kienu jaħsbuh kollu iswed, kellu qalb li tħoss għal persuni diżabbli tant li ħa ħsieb jipprovdilhom kenn u futur.  Fil-fatt, kien Saddam li talab lis-Sorijiet ta’ Mother Theresa biex imorru l-Iraq u jiftħu dar biex jilqgħu persuni diżabbli gravament.  Billi dawn is-sorijiet ma setgħux ilaħħqu mal-persuni li kellhom fil-kura tagħhom, kien hemm madwar għoxrin mara Musulmana li tliet darbiet kuljum kienu jmorru jgħinu volontarjament f’din id-dar.

Dan il-fatt semmieh il-kap tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni meta llum komplejna niltaqgħu fil-workshop u ddiskutejna diversi qagħdiet li taf issib ruħha fihom il-familja: meta l-ġenituri jikbru u jsiru anzjani, meta l-mard iżur il-familja, meta l-familja tkun f’luttu għax titlef lil xi membru tagħha, tkellemna dwar ir-romol, dwar il-familji milquta mill-immigrazzjoni, kif ukoll dwar il-familja li jkollha persuna diżabbli.

Id-diversi interventi u suġġerimenti li saru jikkonfermaw kemm il-Knisja għandha għal qalbha dawn il-mumenti umanament tqal tal-familja u li għal darba oħra f’dan is-Sinodu l-Knisja qed terġa’ turi li hija tixtieq tkun qrib tal-familji li jsibu ruħhom fi ħtiġijiet drammatiċi, u filwaqt li tissensibilizza lill-komunità Nisranija dwar dawn is-sitwazzjonijiet partikulari, qed tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha b’riżq il-bniedem li jkun għaddej mit-tbatija.

Fuq kull suġġett li semmejt fil-workshop kien hemm fehmiet u proposti interessanti.  Hawnhekk ser nillimita ruħi u ngħid kelma żgħira dwar xi ntqal dwar il-familji u l-persuni b’ħiliet diversi.  L-Isqfijiet kellhom kliem ta’ apprezzament għal dawk il-familji li minkejja li setgħu jibagħtu lil tifel/tifla b’diżabbiltà f’istituzzjoni, misjuqin mill-imħabba għażlu li jibqgħu jgħożżuh fid-dar tagħhom anki jekk dan jiswielhom prezz emozzjonali, ekonomiku u soċjali konsiderevoli.  Xi ħadd semma l-fatt li anki l-adulti (il-ġenituri) ikollhom bżonn jiġu mħarrġa kif jirrelataw ma’ wliedhom bi ħtiġijiet speċjali – għax jekk ġenitur juri kompassjoni falza, jista’ jiggrava d-diżabbiltà.  Il-familja u s-soċjetà tajjeb idaħħluha f’rashom li l-persuna b’diżabbiltà ma għandhiex biss limiti, imma għandha wkoll il-valur propju tagħha.

Fid-diskussjoni konna konxji ħafna tal-fatt li normalment il-ġenituri ta’ persuna diżabbli jkollhom toqol enormi fuq moħħhom għax ma jafux x’ser jiġri minn uliedhom wara li huma jiġu nieqsa.  Għalkemm huwa importanti li jkollna istituzzjonijiet li jilqgħu lil dawn il-persuni, huwa importanti wkoll li l-komunità ekkleżjali tħoss id-dmir li tinkludi lil dawn il-persuni diżabbli fi ħdanha u toffrilhom esperjenza ta’ familja wiesgħa.

Il-Knisja trid tkompli turi lilha nfisha bħala “dar li tilqa’” li kulħadd, speċjalment lil dawn il-familji b’persuni diżabbli.  Meta fis-Sinodu ġie nnutat li fl-imgħoddi fil-Knisja kien hemm għadd sabiħ ta’ persuni li ħadu inizjattivi meritevoli u profetiċi b’riżq dawn il-persuni, jien ftakart f’dak li sar fil-Knisja f’pajjiżna f’dan il-qasam – biżżejjed insemmi d-Dar tal-Providenza f’Malta u l-Arka f’Għawdex.  Nistgħu ngħidu li b’dawn l-inizjattivi favur il-persuni diżabbli, il-Knisja ġabet bidla fil-kultura ta’ kif nittrattaw lil dawn ħutna.  Mhux biss, imma bi proposti bħal dawn il-Knisja wriet li l-karità (imħabba) tiġi qabel il-ġustizzja (dak li jagħti l-Istat).

Ħassejt li għandi nikteb din in-nota biex nuri li s-Sinodu dwar il-Familja ma jittrattax biss aspetti morali tal-ħajja tal-familja, imma għandu viżjoni wiesa’ li tħaddan aspetti varji tal-ħajja ordinarja tal-familja kif semmejt aktar ’il fuq.

 

8 ta’ Ottubru 2015

+ Mario Grech

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.