Noti mis-Sinodu tal-Familja (3). Il-leħen ta’ min hu bla leħen.


Noti mis-Sinodu (3)

IL-LEĦEN TA’ MIN HU BLA LEĦEN

“Hemm bżonn li s-Sinodu jkun il-leħen ta’ dawk il-familji li ma għandhomx leħen”.  Din is-sentenza li lissen wieħed mill-Isqfijiet laqtitni.  Huwa kien qed jirreferi għal ħafna familji tajbin li b’mod ordinarju kuljum jagħmlu ħwejjeġ żgħar imma li jħallu l-effett fuq ħafna.  Fost dawn hemm dawk il-ġenituri li fis-skiet jgħixu għal uliedhom.  Kull filgħodu jmorru jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum, jagħmlu l-faċendi tad-dar, jgħinu lil uliedhom fl-iskola, u ħafna aktar.  Dan jgħodd għal kull tip ta’ familja – kemm dawk li għandhom storja sabiħa u kemm dawk li l-ewwel esperjenza tal-ħajja miżżewġa ġiethom ħażin u daħlu f’relazzjoni oħra.  Kull min qed jissara biex jimbotta l-familja ’l quddiem qed jagħti sehem importanti fit-tiswir tal-membri fi ħdan il-familja tiegħu u fil-binja tas-soċjetà.  Veru li idealment il-familja tistrieħ fuq iż-żwieġ u din għandha tkun l-arkitettura tal-familja, imma dan mhux dejjem huwa possibbli.

Propju għax nemmen f’dan, ma qbiltx mal-proposta li t-tema tas-Sinodu tinbidel u flok ma tkun “Is-sejħa u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”, issir “Is-sejħa għaż-żwieġ u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”.  Kieku kellha tintlaqa’ din l-emenda, konna nkunu qegħdin nillimitaw il-viżjoni tas-Sinodu, għaliex fis-soċjetà hemm familji fejn ir-raġel u l-mara ma humiex miżżewġa; mentri x-xewqa tal-Papa hija li l-Knisja Omm tipprova tħaddan lil kulħadd.

Sentenza oħra li laqtitni llum kienet l-affermazzjoni sabiħa li ma nistgħux inxebbhu l-familja ma’ pazjent li għandu marda għall-mewt.  Għalkemm il-familja għandha sfidi kbar u hemm waqtiet fejn tinstaram, taqa’ mal-art u tingiref, il-familja għandha enerġija fiha nfisha li, jekk tagħraf tużaha, ikollha l-ħila tegħleb id-diffikultajiet.  Huwa minnu li l-familja hija influwenzata mill-kultura ta’ żminijietna; imma huwa minnu wkoll li l-familja taf tkun riżorsa biex tibdel il-kultura.

Meta nkunu lkoll flimkien, inkunu madwar 370 ruħ: minnhom hemm 270 isqof u l-oħrajn awdituri esperti.  Mill-bieraħ wara nofsinhar, illum u għada ser niltaqgħu fi gruppi li jissejħu circoli minori fejn inkunu madwar tletin persuna f’kull grupp.  Bdejna niflu paragrafu paragrafu l-working paper tas-Sinodu.  Wieħed isqof mill-Perù spjega li f’dawn il-gruppi l-isqfijiet qed “jitkellmu bil-lingwaġġ tal-imħabba għax huma ragħajja li għandhom għal qalbhom il-familji u jridu jakkumpanjawhom”.  Isqof Franċiż kellu dan il-kumment: fid-diskussjonijiet li qed isiru fil-gruppi jidher ċar li l-Isqfijiet għandhom kliem li jagħmel kuraġġ u akkoljenti fil-konfront tal-familji u l-valuri li għandhom li jagħnu lis-soċjetà”.  Fil-grupp tiegħi, wieħed kardinal għamel insistenza biex fir-riflessjoni tagħna noħorġu ħafna aktar l-aspetti pożittivi u sbieħ li għandha l-familja llum: “Neħtieġu perspettiva aktar simpatika tal-familji tal-lum”.

Dan ma jfissirx li l-istorja tal-familja llum hija kollha ward u żahar.  Inkunu nonqsu jekk nagħlqu għajnejna għall-isifdi.  Biex nagħti eżempju, kienu ħafna li għamlu referenza għall-kampanja feroċi li għaddejja favur il-ġender – kampanja mqartsa f’karti sbieħ għax hija ppreżentata bħala inizjattiva biex ma jkunx hemm bullying, diskriminazzjoni, u l-bqija.  Imma din it-teorija għandha l-effetti diżastrużi tagħha.  Wieħed min-naħa ta’ fuq tal-Italja semma li f’xi skejjel tal-Kinder fejn jattendu subien u bniet, xi ħadd fettillu jgħid lit-tfal biex jibdlu l-ħwejjeġ ma’ ta’ xulxin – allura s-subien jilbsu l-ilbies tal-bniet u l-bniet jieħdu dawk tas-subien.  Għaliex?  Biex minn età żgħira jdaħħlulhom f’rashom li jistgħu jibdlu l-ġeneru u tifel jibda jgħid li hu tifla u bil-kontra!

Nagħlaq b’sentenza oħra sabiħa li smajt illum: li filwaqt li għandna nagħmlu ħilitna kollha biex ma jkunx hawn familji li jgħixu fil-miżerja, fl-istess waqt nippruvaw nedukaw biex il-familja tgħix ħajja sobrja, bil-qies.

7 ta’ Ottubru 2015

+ Mario Grech

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.