Noti mis-Sinodu tal-Familja (7). Sajmin mill-Ewkaristija


Noti mis-Sinodu (7)

SAJMIN MILL-EWKARISTIJA

Wara li lbieraħ u llum komplejna niltaqgħu bħala workshops, għada l-Erbgħa nerġgħu nibdew niltaqgħu kollha flimkien.  Minn issa ’l quddiem ser nibdew nitkellmu dwar temi prattiċi, uħud minnhom sensittivi ħafna bħal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-familja bħala “sptar tal-gwerra”.  Dwar dan nikteb aktar ’il quddiem; imma lllum ser naqsam magħkom erba’ “stejjer” ħelwin li xi isqfijiet irrakkontawlna fil-jiem li għaddew.

 

  • Wieħed Kardinal irrakkonta li darba marret għandu mara li kien telaqha r-raġel u reġgħet iżżewġet ċivilment ma’ ieħor. Din il-mara daħlet fit-tieni żwieġ għax kienet tħobb – mhux lis-sieħeb il-ġdid, imma lil binha mill-ewwel żwieġ!  Fil-fatt, l-unika possibbiltà li kellha biex setgħet tagħti futur lil binha kienet li terġa’ tiżżewweġ biex tikseb appoġġ.  Kieku wara li ħalliha żewġha, baqgħet waħidha, ma kinitx tkun kapaċi trabbi lil binha!  Lis-sieħeb il-ġdid tagħha wegħditu li kienet ser tirrispettah u tieħu ħsiebu għax kienet tħossha midjuna miegħu.  Din il-mara staqsiet lill-Kardinal jekk minkejja l-qagħda tagħha setgħetx titqarben.  Lilna ma qalilniex xi tweġiba taha.  Waqaf ħesrem.  Imma staqsa lill-Knisja xi tweġiba għandha għal persuni bħal din il-mara.  Temm hekk id-diskors tiegħu: “Huma l-foqra li jeħtieġu l-ħniena, u nafu li Alla tant ixaqleb lejhom li bagħat lil Ibnu mhux biex jikkundanna, imma biex idewwaq il-ħelsien”.

 

  • Storja oħra interessanti smajtha mingħand Isqof Franċiż: Claire u Bruno ma kinux Insara u żżewġu bir-Reġistru. Kienu ilhom għaxar snin miżżewġa.  Claire u Bruno ma kellhom ebda diffikultà li wliedhom imorru wkoll mal-ħbieb għad-duttrina.  Bir-riħa tat-tfal, Claire bdiet tinteressa ruħha fil-Vanġelu u ddeċidiet li titgħammed.  Xtaqet ukoll tiżżewweġ fil-Knisja, imma Bruno ma aċċettax għax ma kienx jemmen.  Claire ma setgħetx timponi l-fidi tagħha fuq żewġha u għalhekk baqgħet titlob għalih biex hu wkoll jilqa’ d-don tal-fidi.  Dan l-Isqof staqsa għaliex f’dan il-każ, Claire ma setgħetx tersaq għas-sagramenti tal-Qrar u tat-Tqarbin!

 

  • Isqof qal li ftit ilu żewweġ kopja li kienu għamlu snin jgħixu flimkien tant li kellhom l-ulied. Ma setgħux ingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ qabel għax parti minnhom kienet miżżewġa u qagħdet tistenna sakemm kisbet dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ tagħha.  Lejlet li kien ser isir it-tieġ, il-mara ċemplet lil dan l-Isqof u talbitu biex l-omelija jagħmilha kollha dwar l-Ewkaristija!  Din fissritlu hekk: “Nixtiquk titkellem dwar il-ġmiel tal-Ewkaristija għax peress li ma konniex nitqarbnu, aħna mxennqin għaliha.  Il-fatt li konna sajmin minnha, aħna nafu kemm dan huwa sagrament kbir”.

 

  • Esperjenza oħra tassew sabiħa rrakkontahielna Isqof Taljan. Qal li meta darba kien qed jagħmel xi home visits, daħal f’familja u sab lit-tfal jilagħbu madwar mejda.  Wieħed kellu ktieb f’idejh u taparsi kien qed jaqra storja dwar Ġesù; tifel ieħor kien qed jagħmel “prietka”, filwaqt li t-tifla kienet tkanta xi hallelujah.  Meta dan l-Isqof staqsiehom x’kienu qed jagħmlu, dawn it-tlett itfal weġbuh: “Nilagħbu ta’ papà u mamà!”.  Għall-ewwel ma fhimniex, għax is-soltu t-tfal jilagħbu ta’ mamà u papà billi jippruvaw jimitawhom fit-tisjir, fil-ħjata, f’xi sengħa, u l-bqija.  Dawn it-tlett it-tfal hekk kienu qed jagħmlu.  Kienu qed jimitaw lill-ġenituri tagħhom li kuljum kienu jiġbruhom u flimkien magħhom “jiċċelebraw” il-Kelma ta’ Alla fid-dar tagħhom.

 

 

13 ta’ Ottubru 2015

+ Mario Grech

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.