5. Il-Ħolqien jirrivela l-Glorja ta’ Alla.


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Ħolqien. Udjenza Ġenerali –  12/03/1986.

1. Il-verità tal-fidi dwar il-ħolqien mix-xejn (“ex nihilo”), li fuqha waqafna fil-katekeżi preċedenti, tintroduċina fil-profondità tal-misteru ta’ Alla, Ħallieq “tas-sema u tal-art”. Skont l-espressjoni tas-Simbolu apostoliku: “Nemmen f’Alla l-Missier omnipotenti, ħallieq . . .”, il-ħolqien huwa attribwit priċipalment lill-Missier. Fir-realtà dan huwa opra tat-tliet persuni tat-Trinità skont it-tagħlim diġa preżenti b’xi mod fit-Testment il-Qadim u rivelat għal kollox fil-Ġdid, b’mod partikolari fit-testi ta’ Pawlu u Ġwanni.

2. Fid-dawl ta’ dawn it-testi apostoliċi, nistgħu niddikjaraw li l-ħolqien tad-dinja jsib il-mudell tiegħu fil-ġenerazzjoni eterna tal-Verb, tal-Iben, tal-istess sustanza tal-Missier, u s-sors tiegħu fl-Imħabba li huwa l-Ispirtu Santu. Dan huwa l-Imħabba-Persuna, konsustanzjali mal-Missier u mal-Iben, sors tal-ħolqien tad-dinja mix-xejn, jiġifieri tad-don tal-eżistenza lil kull esseri. Minn tali don gratwit tipparteċipa il-multepliċità kollha tal-esseri “viżibbli u inviżibbli” hekk varja li tidher kważi bla limiti u dak kollu li l-lingwaġġ tal-kożmoloġija jindika bħala “makroiżmu” u “mikroiżmu”.

3. Il-verità ta’ fidi dwar il-ħolqien tad-dinja, waqt li tgħinna nippenetraw fil-profonditajiet tal-misteru trinitarju, tiżvelalna dak li l-Bibja ssejjaħ “Glorja ta’ Alla” (“Kabod Jahvè”, “doxa tou Theou”), Il-Glorja ta’ Alla hija qabel xejn fih innifsu: hija l-glorja “interna”, li, biex ngħidu hekk, timla mill-ġdid l-istess profondità illimitata u l-perfezzjoni nfinita tal-unika Divinità fit-Trinità tal-Persuni. Din il-perfezzjoni nfinità, ġaladarba pjenezza assoluta ta’ Esseri u ta’ Qdusija, hija wkoll pjenezza ta’ Verità u ta’ Mħabba fil-kontemplazzjoni u fl-għoti reċiproku ( u allura fil-komunjoni) tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

Permezz tal-opra tal-ħolqien il-glorja interna ta’ Alla, li tgelgel mill-misteru stess tad-Divinità, tiġi f’ċertu sens ittrasferita “’il barra”: fil-krejaturi tad-dinja viżibbli u ta’ dik inviżibbli, skont il-grad tagħhom ta’ perfezzjoni.

4. Bil-ħolqien tad-dinja (viżibbli u inviżibbli) tibda bħal dimensjoni ġdida tal-glorja ta’ Alla, imsejħa “esterna” biex tiddistingwiha minn dik preċedenti. L-Iskrittura Mqaddsa titkellem dwarha f’bosta passi u b’modi differenti. Ikunu biżżejjed ftit eżempji.

Is-Salm 18 (Sal 18, 1. 2. 4) ixandar: “Is-smewwiet jirrakkontaw il-glorja ta’ Alla, u l-opra ta’ jdejh tħabbar il-firmament . . . Mhuwiex lingwaġġ u linqas kliem li fihom wieħed ma jismax il-ħoss. Mad-dinja kollha jixtered leħinha u sa truf l-art kelmithom”. Il-Ktieb ta’ Sirak  (Sir 42, 16) jiddikjara minn naħa tiegħu: “Ix-xemx bid-dija tagħha ddawwal kollox, bil-glorja tal-Mulej hija mimlija l-opra tiegħu”. Il-Ktieb ta’ Baruk (Bar 3, 34) għandu mpressjoni tassew singolari u suġġestiva: “Il-kwiekeb jiddu mill-għoli tagħhom u jifirħu; huwa jsejħilhom u huma jwieġbu: «Hawn aħna!» u jiddu bil-ferħ għal dak li ħalaqhom”.

5. X’imkien ieħor it-test bibbliku jdoqq donnu appell indirizzat lill-krejaturi sabiex ixandru l-glorja ta’ Alla Ħallieq. Hekk per eżempju l-Ktieb ta’ Danjel (Dn 3, 57): “Bierku, opri kollha tal-Mulej, il-Mulej, faħħruh u għolluh tul is-sekli” Inkella s-Salm 65, 1-4: “Ċapċpu lil Alla mill-art kollha, għannu l-glorja ta’ ismu, agħtu lilu tifħir manifiku. Għidu lil Alla: «Stupendi l-opri tiegħek! Quddiemek tinxteħet l-art, lilek tgħanni innijiet, tgħanni lil ismek»”.

L-Iskrittura Mqaddsa hija mfawra b’espressjonijiet simili: “Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek! Kollox għamilt bil-għaqal, l-art hi mimlija bil-krejaturi tiegħek” (Sal 104 (103), 24). L-univers kollu maħluq huwa appell varju, qawwi u inċessanti biex ixandar il-glorja tal-Ħallieq: “għal ħajti, bħal ma huwa minnu li l-art kollha tkun mimlija bil-glorja tal-Mulej” (Nm 14, 21); għaliex “minnek jiġu l-għana u l-glorja (1 Cr 29, 12).

6. Dan l-innu ta’ ġlorja, miktub fil-ħolqien, jistenna esseri kapaċi li jtih espressjoni adegwata konċettwali u verbali, esseri li jfaħħar l-isem qaddis ta’ Alla u jirrakkonta l-kobor tal-opri tiegħu (cf. Sir 17, 8). Dan l-esseri fid-dinja viżibbli huwa l-bniedem. Lilu huwa ndirizzat l-appell li jitlà mill-univers; u l-bniedem  il-kelliemi tal-krejaturi u l-interpretu tagħhom quddiem Alla.

7. Nerġgħu  lura mill-ġdid għal waqt wieħed għall-kliem, li bih il-Konċilju Vatikan I jifformula l-verità dwar il- Ħallieq tad-dinja. “Dan l-uniku veru Alla, fi tjubitu u «virtù omnipotenti», mhux biex iżid il-bejatitudni tiegħu, linqas biex jakkwista, imma biss biex jimmanifesta l-perfezzjoni tiegħu permezz tal-ġid li jqassam lill-krejaturi, b’deċiżjoni għal kollox libera, «simultanjament sa mill-bidu taż-żmien joħroġ mix-xejn il-waħda u l-krejatura l-oħra . . .»” (DS 3002).

Dan it-test jiżviluppa b’lingwaġġ propju tiegħu l-istess verità dwar il-ħolqien u dwar l-iskop tiegħu, li nsibu preżenti fit-testi bibbliċi. Il-Ħallieq fl-opra tal-ħolqien ma jfittex ebda “kompliment” tiegħu nnifsu, Mod simili ta’ raġunar ikun f’antitesi miftuħa ma’ dak li Alla hu fih innifsu. Huwa infatti hu l-Esseri assolutament u infinitament perfett. M’għandu mela ebda bżonn tad-dinja. Il-krejaturi, dawk viżibbli u dawk inviżibbli, ma jistgħu “iżidu” xejn mad-Divinità ta’ Alla Wieħed u Tlieta.

8. Bdanakollu, Alla joħloq! Il-krejaturi, msejħa minn Alla għall-eżistenza b’deċiżjoni għal kollox libera u sovrana, jipparteċipaw b’mod reali, ukoll jekk limitat u parzjali, għall-perfezzjoni tal-milja assoluta ta’ Alla. Huma huma differenti bejniethom minħabba l-grad ta’ perfezzjoni li rċivew, nibdew mill-esseri inanimati, u nitilgħu għal dawk animati, sal-bniedem; anzi iktar ‘il fuq, sal-krejaturi ta’ natura purament spiritwali. It-totalita tal-krejaturi tikkostitwixxi l-univers: il-kożmu viżibbli u inviżibbli, li fil-kumpless tiegħu u fil-parijiet tiegħu jirrifletti l-Għerf etern u jesprimi l-Imħabba ineżawribbli tal-Ħallieq.

9. Fir-rivelazzjoni tal-Għerf u tal-Imħabba ta’ Alla, hemm l-ewwel u l-iskop ewlieni tal-ħolqien u fiha jattwa ruħu l-misteru tal-glorja ta’ Alla, skont il-kelma tal-Iskrittura: “Bierku, opri kollha tal-Mulej, il-Mulej” (Dn 3, 57). Fil-misteru tal-glorja l-krejaturi kollha jakkwistaw is-sinifikat tagħhom: “jissuperaw” lilhom infushom biex jinfetħu għal Dak, li fih jinsab il-bidu tagħhom . . . u  d-destinazzjoni tagħhom.

Nammiraw mela b’fidi l-opra tal-Ħallieq u nfaħħru l-kobor tiegħu: “Kemm huma kbar, Mulej, l-opri tiegħek! / Kollox wettaqt b’għaqal, / l-art hija mimlija bil-krejaturi tiegħek. / / Il-glorja tal-Mulej tkun għal dejjem; / jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu. / Irrid ngħanni lill-Mulej sakemm jien ħaj, / ngħanni lil Alla tiegħi sakemm neżisti” (Sal 104 (103), 24. 31. 33-34).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.