Il-firxa tal-Kristjaneżmu fil-bidu (1)


L-ewwel artiklu minn serje ta’ ħamsa fuq il-firxa tal-Kristjaneżmu.

Ġesù waqqaf il-Knisja u ħallieha f’idejn l-appostli li kellhom ikunu l-ewwel rgħajja tal-istess Knisja. Bħal Ġesù, l-appostli kellhom id-dmir ixandru t-tagħlim tal-Knisja fost il-Lhud, imma minn hemm huma kellhom ukoll jgħaddu dan it-tagħlim lill-ġnus kollha.

Ġesù kien fiehem l-appostli dwar xinhi l-Knisja iżda huma ftit li xejn setgħu jifmuh. Aktar tard bdew jifhmu li din il-Knisja kellha tkun xi ħaġa li jarawha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom. L-appostli baqgħu jimxu wara Kristu sakemm tela’ s-sema, iżda wara ħakmithom il-biża’ u nagħlqu ġewwa ċ-ċenaklu sakemm kif nafu, rċevew l-Ispirtu s-Santu. Min dan iż-żmien il-Knisja ħarġet fil-beraħ u l-appostli bdew jippriedkaw il-Ġesù. Malajr, għalhekk din ir-reliġjon bdiet tinfirex mad- dinja u daħlet ukoll fil-qalba tal- Imperu Ruman u fil-belt ta’ Ruma. Fl-ewwel żminijiet tagħha, l-imperu Ruman kien għal Knisja l-aqwa mezz biex dan seta’ jinfirex fost il-ġnus. Madanakollu l-Lhudija kienet il-benniena tal-fidi Kristjana. Mill-Palestina l-Knisja għaddiet għas-Sirja li kienet tinsab f’nofs l-Imperu Ruman u l-Medirterran u baqgħet tinfirex ma’ kullimkien.

It-Tifrix tal-Kristjaneżmu

Meta nħarsu lejn il-vjaġġi li għamel San Pawl u dawk li għamlu l-appostli l-oħra, malajr nifhmu tajjeb li l-messaġġ tal-aħbar it-tajba kien qabad egħruq sodi f’ħafna partijiet tal- provinċji Rumani iżda aktar tard l-aħbar it-tajba bdiet tinfirex f’provinċji oħra u f’reġjunijiet oħra li ma kienux jiddependu mill-lmperu Ruman.

Ġewwa l-ibliet il-kbar malajr bdew jiġu mwaqqfin xi kommunitajiet insara, iżda għal ftit taż-żmien konsiderevoli l-Kristjaneżmu baqa’ reliġjon ta’ l-ibliet u ftit li xejn daħal fiż-żoni tal-kampanja. lr-reliġjon Nisranija għall- ewwel bdiet tiġi mħaddna biss minn ċertu klassi ta’ nies bħalma kienu l-ilsira, negozjanti u artiġjani. Barra dan il-fatt nsibu wkoll lista ta’ nies jemmnu li kienu nies għonja u ta’ skola bħalma nsibu mfisser fl-Atti ta’ l-Appostli, kif ukoll fl-lttri ta’ San Pawl. Iżda mill-aħħar tas-seklu ll, in-numru ta’ l-insara għonja u ta’ skola, kif ukoll minn nobilta’ għolja rumana, suldati u nies oħra kien dejjem jikber iżjed. Tant kien qabad tajjeb il- Kristjaneżmu lejn is-sena 250, li ebda persekuzzjoni kbira kemm kienet kbira ma setgħet toħrog rebbieħa. Nsibu mniżżel li fil-bidu tas-seklu IV, minn popolazzjoni komplessiva ta’ l- Imperu Ruman, li kienet bejn wieħed u ieħor xi 50 miljun, in-numru ta’ l-insara minnhom kien 7 miljuni. Iżda l-aktar li beda jinfirex il-Kristjanezmu kien fl-Asja Minuri, Maċedonja, Sirja u l-Eġittu, kif ukoll f’ċerti reġjunijiet ta’ l-ltalja Ċentrali u meridjonali. Dwar kif beda jinfirex il-Kristjaneżmu ġewwa Ruma nsibu xhieda ta’ Tacitu fejn igħid li Neruni kien bagħat għall-mewt numru kbir ta’ nsara. Il- Papa Kornelju wkoll jitkellem fuq numru kbir ta’ nsara Rumani li kienu sejrin jingħataw il-mewt u li kienu mmexxija minn sitta w erbgħin presbiteru, sebgħa djakni u xi mitt kjerku.

Fil-bqija ta’ l-Italja t-tifrix tal-Kristjaneżmu beda jsir permezz ta’ xi ċentri prinċipali, speċjalment minn Ruma. Dwar din l-ewwel espansjoni ftit li xejn għandna tagħrif storiku li aħna ċerti minnhom għaliex insibu ħafna leġġendi li bihom ippruvaw jagħqdu l-oriġini ta’ diversi knejjes maż- żminijiet apostoliċi. Tajjeb iżda li ngħidu lit-tifrix tal-Kristjaneżmu, l-aktar li kien kbir kien fl-Italja tan-nofs u fl-Italja ta’ fuq, fejn sahansitra bdew jiġu mwaqqfa sedi veskovili anke f’ċentri żgħar.

Il-Knisja ta’ Aquileia

Fis-sinodu li ġie ċċelebrat ġewwa Ruma fis-sena 251 W.K. mill- Papa Kornelju nsibu li kienu preżenti xi sittin isqof li ħafna minnhom kienu minn dawn ir-reġjunijiet. Aħna ma nafux is-sedi li kellhom dawn l-isqfijiet, iżda nistgħu naħsbu li kienu ilhom jeżistu minn żminijiet appostoliċi, waqt li s-sedi veskovili ta’ Capua u ta’ Napli jaħsbu li ġew imwaqqfa fl-aħħar ta’ l-ewwel seklu. F’Milan nsibu wkoll l-iktar Knisja mportanti li hi l-unika metropolitana ta’l-Italja ta’ fuq, u kienet antika ħafna, tant li diġa fil-bidu tas-seklu V kienu jgħidu li kellha oriġini minn nofs is-seklu II. Illum il- ġurnata iżda ħafna jżommu li l-aktar Knisja antika hija dik ta’ Ravenna li kellha isqof tagħha Severo li nsibuh li kien preżenti għas-sinodu ta’ Sardica. Dan kollu llum aħna nafuh peress li nstabu xi oqbra ta’ isqfijiet u ta’ nsara ta’ dawk iż-żminijiet.

Il-knisja ta’ Aquileia minn ġewwa

Jekk imbaghad nagħtu daqqa t’għajn lejn il-Knisja ta’ Aquileia naraw li twaqqfet lejn in-Nofs tas-seklu III, li kienet iċ- ċentru tat-tifrix tal-Kristjaneżmu għall-Venezja u reġjunijiet oħra fil-qrib. Dwar din il-Knisja hemm hafna leġġendi li għadhom mhux aċċertati mill-istoriċi, fosthom nsibu l- ewwel isqof S. Ermagora li kien ikkonvertit minn San Mark u kkonsagrat minn San Pietru. Din kienet ħarsa żgħira ta’ kif il-Kristjaneżmu beda jinfirex l hawn u ‘l hemm sakemm iktar tard sar waħda mir-reliġjonijiet qawwija li jeżistu.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm