Il-firxa tal-Kristjaneżmu fil-bidu (2)


Motivi li ġiegħlu l-Kristjaneżmu jinfirex hekk malajr

Biex nifhmu sewwa l-kawżi għaliex din ir-reliġjon infirxet hekk malajr hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna t-tħejjijiet pożittivi u negattivi li d-dinja antika kellha għall-fidwa. F’dawn iż-żminijiet kienu jeżistu ħafna religjonijiet u kulturi differenti, iżda l-Kristjaneżmu kien r-reliġjon li ma kellha x’taqsam xejn ma’ reliġjonijiet oħra.

Ir-reliġjon nisranija kienet qed tiġbed ħafna nies warajha għaliex kienet qed turi bid-dieher il-qawwa tal-verità li fih il-Vanġelu. F’din ir-reliġjon il-bniedem seta’ jsib soluzzjonijiet għall-problemi li kien iħabbat wiċċu magħhom. Fuq kollox il- Kristjaneżmu beda jinfirex minħabba li l-pagani sabuha aktar faċli jħaddnu r-reliġjon nisranija mingħajr ma josservaw il- liġijiet stretti tal-Ġudaiżmu dwar l-ikel u ċ- ċirkonċiżjoni. Barra dan, il-Kristjaneżmu rnexxielu effettivament jikseb il-kawża tal-eżistenza tiegħu iktar milli ppruvaw jagħmlu l-Apoloġisti bħalma kienu Ġustinu, Tizjanu u Djonisju ta’ Alessandrija li ppruvaw jiskopru l-verita’ minn diversi sistemi ta’ għerf tad-dinja pagana, iżda ma rnexxilhomx. ll-pagani ħassew it-taghlim ta’ Kristu tqil u bħala xi ħaġa ġdida li qatt ma nstemgħet qabel. Dan kollu kien minhabba li l-pagani qatt ma fehmu l-kliem ta’ San Pawl fejn igħid li din ir-reliġjon nisranija hija l-Vanġelu tal-Feddej u tas-salvazzjoni, il-Vanġelu tal- imħabba u tal-għajnuna reċiproka. Barra dan kollu r- reliġjon nisranija hija dik li ġġib is-serjeta’ morali u l- qdusija lil-dawk li jgħixuha bis-serjeta’. L-istess nies li mxew wara Kristu kienu jafu tajjeb li permezz tar-reliġjon tagħhom kienet saret fid-dinja xi ħaġa li kienet assolutament ġdida.

Pittura ta’ San Stiefnu jippriedka minn Vittore Carpaccio (1514)

Dawk kollha li kienu Nsara kienu jagħtu xiehda kontinwa tar- reliġjon li kienu jħaddnu iżda kif nsibu fl-ittra lill- Dionjetu u fl-apologija ta’ Tertulljanu li l-insara ma’ kinux jingħarfu minn ħaddiehor fl-ikel, ilbies u ħidma tagħhom; huma kienu jgħixu skond id-drawwiet tal-post. Imma fil-ħajja morali tagħhom u fil-prinċipji reliġjuzi li fuqhom kienu jibnu ħajjithom huma kienu wisq differenti mill-oħrajn. Fl-ittra ta’ Dionjetu nsibu din ix-xiehda “l-insara jgħixu bil-ġisem, imma mhux skond il-ġisem; għalkemm fl-art huma jgħixu għas- sema. Għalkemm huma fqajrin, ħafna minn għandhom akkwistaw “bosta għana, jonqoshom kollox, imma għandhom kollox bix- xebgħa. Jagħmlu l-ġid u huma kkundannati bħala bnedmin mill-agħar: jiġu mogħtija għall-mewt u jifirhu daqs li kieku qajmuhom għall-ħajja.“Fi ftit kliem nistgħu ngħidu li dawn l-insara kienu l-prezenza ta’ Kristu fuq l-art permezz tax-xiehda ta’ ħajjithom.

Barra dan kollu mhux ta’ min jinsa l-fatt tad-diversi kariżmi li kellha l-knisja primittiva bħalma nsibu tajjeb ħafna fl- Atti tal-Appostli, fejn naraw il-fejqan tal-morda, il-ħelsien mix-xitan u ħafna mirakli oħra li taw xhieda li din ir- reliġjon ġejja minn Alla. L-imħabba kienet ukoll mottiv li l-Kristjaneżmu jinfirex hekk malajr tant li huma kienu jingħarfu minn dawk li ma jemmnux għall-imħabba li kienu jġibu lejn xulxin. Punt ieħor importanti ferm huwa li l-ewwel insara kienu mimlija bil-ħerqa għal-fidi u għalhekk nisa, rġiel, għonja u fqar, kif ukoll skjavi, kienu jħossu dmir li jxandru l-Vanġelu bħalma għamlu l-Appostli, għaliex il-kunċett tal- Kristjaneżmu tal- bidu kien li kull nisrani huwa missjunarju tal-fidi tiegħu bil-virtu’ tal-grazzja mogħtija lilu fil- magħmudija.

Mhux biss kittieba nsara, imma ukoll pagani bħal filosfu Galenu, u l-imperatur Ġuljanu jistqarru li l-ħajja ta’ l-insara kienet għall-ambjent pagan priedka mil-akbar, u l-eżempju tagħhom ta’ virtu’ ġiegħlu li din ir-reliġjon tinfirex malajr. Il-ħajja tal-insara li kienet mibnija fuq iċ-ċaħda, l- imħabba u l-karita’ bdiet tiddi bħax-xemx f’dik is-soċjeta’ li kienet mimlija ħażen u mibegħda. Skond Oriġene l-insara fil-konfront tal-massa pagana kienu l-iktar nies awtentiċi. Ġustinu jistqarr li ħafna konverżjonijiet kienu jsiru minħabba l-virtujiet li dawn l-insara kien ikollhom u għalhekk kienu eżempju mill-akbar għall-oħrajn. Iżda l-argument l-aktar deċisiv dwar it-tifrix tal-Kristjaneżmu u li ġab miegħu ħafna konverżjonijiet hija l-qawwa tal-insara fil-persekuzzjoni u l-eroiżmu tal-martri li taw ħajjithom lil Alla u li permezz tagħhom il-knisja iżjed saret qawwija quddiem is-setgħat tal- ħażen.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm