Meta erġajt dħalt il-kunvent

Print Friendly, PDF & Email

Kien it-Tnejn, 6 ta’ Lulju 2020, eżattament għall-ħabta tad-disa’ ta’ filgħodu. Meta, fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini fil-Marsa, kont qed nagħti l-ewwel passi tiegħi biex nidħol mill-ġdid il-kunvent. Wara assenza twila. U biex inkun aktar preċiż: mis-26 ta’ Marzu 2020.

Wara waqfa daqshekk kbira tkun qed tieħu gost li tirritorna ftit lejn darek. Almenu biex tara ftit minfejn ħriġt. Anki jekk, u biex inkunu għednieha kif inhi u mhux kif irridu nfattruha bil-għan li ġġagħlna nħossuna jew nidhru xi ftit aħjar mill-barranin, anki jekk inħallsu l-prezz kiefer tal-gidba, l-istorja taf terġa’ tmur lura għalli kienet. Jekk f’pajjiżna terġa’ iżżurna t-tieni mewġa tal-Covid-19. U l-mewġa mhux talli ma tibqax fil-baħar talli titla’ b’ġirja waħda lejn l-art għalina! Imma dak inħallieh f’idejn min jifhem aktar minni! Intant!…

Kif nidħol mill-bieb ta’ barra, fuq in-naħa tal-lemin, nara karta fl-art. Intbaħt li dik kienet il-karta ta’ ċikkulatina li, minn żmien għal ieħor, inħobb nieħu. Imqar waħda li hi waħda! Xejn xejn biex tneħħili ftit it-togħma li jkolli u tagħtini ftit ta’ kuraġġ fil-ħajja. Għax meta l-magna tkun taħdem ħafna u, minflok li ssib min jgħinha issib min, u bil-wiċċ tost kollu, ikiddha aktar, sintendi għall-mistħija u l-għajb tiegħu għax l-istorja ‘il quddiem għad turi kollox mill-A saż-Żeta, tistenna li se jiġri hekk hux. It-togħma l-morra ta’ min il-morr jirċevieh ħafna l-għaliex jisqhulu bil-glalen. Intant!…

U hemm, f’dik ir-rokna, bħall-ħaġra prezzjuża u li tiswa ħafna, jiena nżilt bħal seqer għal din il-kelma, il-kwotazzjoni, daqshekk sabiħa. U, dawn il-kelmiet tad-deheb, ma qalhomx le ċikku l-poplu. Iżda ħarġu minn fomm ħadd għajr il-poeta u l-kittieb Franċiż tal-moviment romantiku tas-seklu dsatax, Victor Hugo. Mela x’kiteb is-Sur Hugo biex lili tant ħallieni mingħajr kliem quddiem dak li l-Ispirtu għoġbu jinseb bih? Kiteb fuq l-ferħ veru. Jiġifieri fuq l-akbar ferħ tal-ħajja! Isimgħu x’jgħid: The greatest happiness of life is the conviction that we are loved; loved for ourselves, or rather, loved in spite of ourselves. Li bi lsienna tfisser: l-akbar ferħ tal-ħajja hi l-konvinzjoni li aħna maħbuba; maħbuba għal dak li aħna, jew aħjar, maħbuba minkejja aħna nfusna.

Taqblu miegħi li din il-frażi hi ġmiel tal-ġmiel! L-għaliex, meta wieħed jifliha sewwa, fiha hemm moħbija rejaltà mill-kbar nett! L-akbar ferħ hu l-konvinzjoni! Tajba din! Mela mhux xi jriduni nemmen dawk! Jew l-oħrajn! Lanqas dawk li jħokku miegħi! U allaħares jekk ma naqbilx magħkom inkella aqta’ xi gwerra siekta jagħmluli! Jew waħda minn dawk li ma jkellmunix inkella, jekk ikellmuni, dan jagħmluh għax ta’ bilfors. Jista’ jagħti l-każ ukoll li jagħmlu użu ħażin mill-awtorità biex lili jikkastigawni ħalli jġibuni taħt saqajhom! U hemmhekk tinkixef tabilħaqq il-viljakkerija tagħhom! Le ħbieb! Xejn minn dan mhu fid-demm tal-konvinzjoni! L-għaliex il-konvinzjoni hi twemmin li hu mniżżel sewwa fil-qalb! Marbut mal-qalb! U, iva, jgħaqqad il-qalb u aktar jissokta jagħmilha qalb!

Imma x’konvinzjoni hi din? Hi l-konvinzjoni tal-konvinzjonijiet: li aħna maħbuba! X’konvinzjoni hi din! U kemm hawn nies li mhux x’għamlu iżda x’ma għamlux biex jaqbdu din il-konvinzjoni u jseħħilhom idefsuha f’moħħhom u f’qalbhom. Dejjem bil-għan li ma taħarbilhomx! Li huma maħbuba! Li aħna maħbuba! Imma din il-frażi daqshekk kbira jeħtieġilna issa li nikkwalifikawha. Jew aħjar infissruha. Inkella faċli ħafna nitħawdu quddiem dan ir-rigal tabilħaqq kbir li għandna quddiemna. Aħna maħbuba għalina nfusna! Għal dak li aħna!

U hawn, naf li uħud li qed jaqraw din ir-riflessjoni, fis-sikta s-sikta u baxx baxx feġġ għalihom id-dmugħ f’għajnejhom. Bħalma huma mxarrba għajnejja wkoll jiena u naqra dan il-kliem għażiż u, iva, qaddis! Aħna maħbubin għalina nfusna! Kemm nieħu gost u napprezza dak li għallmittni persuna tal-Mulej, li tant hi ippersegwitata minn dawk li minnhom tistenna ferm u ferm aħjar, meta tgħidli, l-għaliex jien iffissajt bl-ikrah li jien midneb biss: Int iben il-Missier! Nibki ngħidu dan id-diskors l-għaliex anki fil-Knisja dan il-virus corona issa qed jiekol sewwa l-muskoli tal-ħniena li l-Mulej żejjinha bihom.

Fil-verità, għal ħafna minna, ibda’ minn uħud fil-Knisja stess, aħna nemmnu li aħna maħbuba l-għaliex xi tfal bravi! M’għamilna qatt jew kważi ftit li xejn dnubiet! Kos hux x’abbiss ta’ qerq u falsità meta nqabblu din ir-rejaltà mal-mod kif jarana l-Missier tagħna tas-Sema! Dan iħobbna l-għaliex AĦNA ULIEDU u mhux għax aħna virtużi! Dan l-għaliex il-Missier m’għandux għalfejn joqgħod jitqanżaħ biex juri qdusietu lil xi ħadd ta’ influwenza! Il-Missier hu Qaddis! Għax anki jekk nagħżlu li nispiċċaw il-pupazzi tal-opinjoni pubblika tal-bniedem, li hi frott il-ħażen u li għalhekk iġġennen u titfa’ f’dipressjoni gwappa lil min jagħmlilha alla tiegħu, il-Missier jibqa’ iħobbna għal dak li aħna! ULIEDU! Għax meta jħares lejna lil Ġesù Ibnu jara! U mhux x’qallu dak l-‘għaref’(?), dik l-istudjuża, dawk il-konsulturi u x’ma nafx jien! X’abbiss tal-abbissi hemm bejn il-Mulej u min jirrappreżentah! Għalhekk napprezza lil Papa Franġisku li aqta’ kemm qed jipprova jdaħħalna f’din it-triq tal-qdusija vera!

U mbagħad il-frażi tissokta: maħbuba minkejja aħna nfusna! Maħbuba minkejja li aħna midinbin u xorta waħda, anki jekk bi skużi spiritwali li huma fini ħafna aktar mix-xampanja li niċċelebraw f’okkażjonijiet speċjali, inklużi dawk reliġjużi, nibqgħu fis-skiet ta’ dak kollu li aħna niġbdu lejna u lejn xawwatna! U, nerġa’ ngħid minn qalbi, min tridu jġagħlna nħossuna maħbuba għal dak li aħna? U jagħtina ċ-ċertezza li aħna maħbuba għal dak li aħna? Maħbuba minkejja f’dak li aħna nfusna ġibna fuqna? Trab u rmied? Min?

Hu! Il-Missier! Dak li jgħannaqna ma’ qalbU!! Dak li jlibbsna l-libsa, iċ-ċurkett, u s-sandli f’riġlejna! Dak li jagħmlilna festa kull meta nerġgħu lura għandU! Dak li lilna tant iridna miegħU li lest li jitlef id-drittijiet tiegħU basta jsaħħaħ dawk tagħna!

Quddiem dan kollu se nitolbok ħaġa! Sempliċi ħafna tafx! Kuljum sellimlu bit-talba tiegħU u li għallimna Ibnu u Ħuna Ġesù Kristu: il-Missierna. Tgħaġġilx biex titlobha. Nitolbok li titlobha kelma kelma. Ħa ttiehem il-kelma u l-kelma ta’ wara l-kelma. Li hi passpartout għal qalbU. U, wara li dduq qalbU u tara x’togħma għandha mhu ħa tieqaf qatt issejjaħlu l-ħin kollu: ABBA MISSIER! Bħalma ħa nagħmel jien issa li dħalt fil-kunvent tal-ġebel biex nerġa’ noħroġ niġri bil-ġiri minnu ħa mmur insibu fil-kunvent tiegħu, dak tad-dinja. Qalb u fil-morda. Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Għax hemm qiegħed! … Jistennieni fuq ix-xwiek! …

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading