Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-XV-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ejjew nimxu bil-għaqal ma’ Iżrael, li ma jikbirx aktar.
Eżodu 1, 8-14. 22

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, laħaq sultan ġdid fl-Eġittu, li ma kienx jaf lil Ġużeppi, u qal lill-poplu tiegħu: “Araw, il-poplu ta’ wlied Iżrael kiber ħafna u sar aqwa minna. Ejjew nimxu bil-għaqal miegħu, li ma jikbirx aktar u tqum xi gwerra, jingħaqad mal-għedewwa tagħna, jaħbat għalina, u jitlaq ’il barra mill-pajjiż”.

U għamlu mgħallmin tax-xogħol fuqhom, biex jgħakksuhom b’xogħol iebes. U hekk lill-Fargħun bnewlu l-ibliet tal-imħażen: Pitom u Ragħmses. Imma aktar ma kienu jgħakksuhom, aktar kienu joktru u jixterdu; u l-Eġizzjani bdew jitbeżżgħu minn ulied Iżrael.

U ġiegħlu lil ulied Iżrael jaħdmu iebes. Imlewlhom ħajjithom bl-imrar u bix-xogħol iebes fit-tafal u l-madum, u bix-xogħol fir-raba’; f’kull xogħol li kienu jqabbduhom, kienu jħaddmuhom bl-aħrax. Il-Fargħun imbagħad ordna lin-nies kollha tiegħu, u qalilhom: “Ixħtu fix-xmara s-subien li jitwieldu u ħallu l-bniet kollha jgħixu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 123 (124): 1-3.4-6.7-8

R/. (8a): L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej

Li ma kienx il-Mulej magħna
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħajjin kienu jibilgħuna,
meta nxtegħlu bl-għadab għalina. R/.

L-ilma kien jgħerriqna,
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi mewġ tal-ilma qawwi.
Imbierek il-Mulej,
li ma telaqniex priża għal snienhom. R/.

Ħajjitna bħal għasfur
ħelset mix-xbiek tan-nassaba.
Ix-xibka tqattgħet, u aħna ħrabna.
L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej
li għamel is-sema u l-art. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.
Mt 10, 34 – 11, 1

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.

Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jipprietka fl-ibliet tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu