Qari tal-Quddies tat-Tnejn tas-XVII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Dan il-poplu għamel dnub kbir, għax għamlu alla tad-deheb.
Eżodu 32, 15-24.30-34

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè dar u niżel minn fuq il-muntanja biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idejh, miktuba minn naħa u minn oħra. It-twavel kienu xogħol Alla; u l-kitba kienet kitbet Alla, minquxa fuq it-twavel.

Malli Ġożwè sama’ l-għagħa tan-nies, qal lil Mosè: “Hemm ħoss ta’ xi taqbida fil-kamp”. Iżda Mosè wieġbu: “Mhux ħoss l-għajjat ta’ rebħa; mhux ħoss l-għajjat ta’ telfa. Imma l-ħoss ta’ għana li qiegħed nisma’”.

Malli qorob lejn il-kamp u ra l-għoġol u ż-żfin, Mosè xegħel bil-korla, tajjar it-twavel minn idejh, u kissirhom taħt il-muntanja. U qabad l-għoġol, li kienu għamlu, u ħarqu fin-nar; saħqu sakemm għamlu trab, u ħalltu mal-ilma, u sqieh lil ulied Iżrael.

U Mosè qal lil Aron: “X’għamillek dan il-poplu biex ġibt din il-ħtija kbira fuqu?”. Aron wieġeb: “Tixgħelx bil-qilla, Sidi! Int taf li dan il-poplu hu miġbud għall-ħażen. Qaluli: “Agħmlilna allat li jimxu quddiemna, għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-Eġittu, ma nafux x’sar minnu”. U jien għedtilhom: “Min għandu xi deheb, jinżgħu u jagħtihuli”. Imbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan l-għoġol”.

L-għada Mosè kellem lill-poplu u qallu: “Għamiltu dnub kbir. Issa nitla’ ħdejn il-Mulej, għandi mnejn naqlgħalkom il-maħfra”. Għalhekk Mosè raġa’ mar għand il-Mulej u qallu: “Ah! Dan il-poplu għamel dnub kbir, għax għamlu alla tad-deheb. Issa, jekk trid taħfrilhom, aħfrilhom; imma jekk ma taħfrilhomx ħassarni mill-ktieb li inti ktibt!”

Il-Mulej wieġeb lill-Mosè: “Mill-ktieb tiegħi nħassar lill-bniedem li jidneb. Mur issa, mexxi lill-poplu għal fejn għedtlek. Ara, l-anġlu tiegħi jimxi quddiemek; iżda jasal jum meta nżurhom u nikkastigahom għal dnubiethom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 105 (106), 19-20.21-22.23

R/. (1a): Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb

Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb,
qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom,
ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix. R/.

U nsew ’l Alla, li salvahom,
li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab. R/.

Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom,
li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,
li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu
biex iberrdu u ma jeqridhomx. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 1, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Għax ried il-Missier, wilidna bil-kelma tal-verità,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Iż-żerriegħa tal-mustarda ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha.
Mt 13, 31-35

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ġab lill-folla parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:
“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu