Il-Liturġija bħala ħidma tal-Mulej Ġesù u l-Ispirtu s-Santu.


Ġesù Kristu, hu gglorifikat; “qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier”, issa jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja, u jaħdem permezz tas-sagramenti li hu waqqaf biex bihom jagħti l-grazzja tiegħu. Is-sagramenti huma sinjali li jidhru (kliem u għemil) li jistgħu jifhmuhom il-bnedmin ta’ llum. Jagħtu l-grazzja li jfissru, bil-ħidma ta’ Kristu u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Fil-Liturġija tal-Knisja, Ġesù Kristu jfisser u jagħmel li jseħħ il-Misteru ta’ l-Għid tiegħu aktar milli f’xi ħaġ’oħra. Tul ħajtu fid-dinja, Ġesù Kristu ħabbar bit-tagħlim u bl-għemil tiegħu u wera minn qabel il-Misteru ta’ l-Għid tiegħu. Meta waslet is-Siegħa tiegħu, għex il-fatt waħdieni ta’ l-istorja li ma tintemm qatt: Ġesù miet, difnuh, qam mill-imwiet u qagħad fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier “darba għal dejjem”. Hu fatt veru li seħħ fl-istorja tagħna, iżda hu fatt li ma hemmx ieħor bħalu: il-ġrajjiet l-oħra ta’ l-istorja jiġu darba, imbagħad jgħaddu u jinbelgħu fl-imgħoddi. Il-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu għall-kuntrarju ma jistax jibqa’ biss fl-imgħoddi, għax Kristu bil-mewt tiegħu qered il-mewt, u dak kollu li hu Kristu, u dak kollu li għamel u bata għall-bnedmin kollha, għandu sehem mill-eternità ta’ Alla u għalhekk iħaddan iż-żminijiet kollha u jagħmilhom kollha “llum”. Il-fatt tas-salib u tal-Qawmien mill-imwiet jibqa’ u jiġbed kollox lejn il-Ħajja.

Il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni dwar il-Liturġija jgħallimna; “Kif Kristu ntbagħat mill-Missier, hekk hu bagħat l-Appostli, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, mhux biss biex ixandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu, u jħabbru li l-Iben ta’ Alla, bil-mewt u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet, ħelisna mill-jasar tax-xitan u mill-mewt, u daħħalna fis-Saltna ta’ Missieru, u ukoll biex iħaddmu din l-opra tas-salvazzjoni li jħabbru permezz tas-Sagrifiċċju u tas-sagramenti, li fuqhom iddur kollha kemm hi l-ħajja liturġika”.

Hekk Kristu rxoxt, huwa u jagħti l-Ispirtu s-Santu lill-Appostli, fdalhom is-setgħa li jqaddsu: saru sinjali sagramentali ta’ Kristu. Bil-qawwa ta’ l-istess Spirtu s-Santu l-Appostli għaddew din is-setgħa lis-suċċessuri tagħhom. Din is-“suċċessjoni appostolika” tibni l-ħajja liturġika kollha tal-Knisja; hi stess hi sagramentali li tiġi trasmessa permezz tas-sagrament ta’ l-Ordni Sagri.

L-istess Kostituzzjoni tgħallimna: “Biex isseħħ din il-ħidma hekk kbira – it-tqassim u l-għoti tas-salvazzjoni – Kristu hu dejjem mal-Knisja tiegħu, l-aktar f’kull ħidma liturġika. Jinsab fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa meta, fil-persuna tal-ministru tiegħu, “kif darba offra lilu nnifsu fuq is-salib, joffri lilu nnifsu bil-ministeru tas-saċerdoti”, u l-aktar taħt ix-xbihat ewkaristiċi. Jinsab ukoll bil-qawwa tiegħu fis-sagramenti hekk li meta xi ħadd jgħammed, huwa Kristu stess li jkun jgħammed. Jinsab fil-Kelma tiegħu, hekk li jkun hu li jitkellem meta tinqara l-Iskrittura Mqaddsa fil-Knisja. U fl-aħħarnett jinsab fil-Knisja hija u titlob u tlissen is-Salmi, għax kien wiegħed: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” .

“Biex isseħħ din il-ħidma hekk kbira, li biha Alla hu gglorifikat perfettament u l-bnedmin jitqaddsu, Kristu dejjem isieħeb miegħu l-Knisja, l-Għarusa maħbuba tiegħu, li titolbu bħala Sidha u permezz tiegħu tagħti qima lill-Missier ta’ dejjem”.

“Aħna u niċċelebraw il-Liturġija fuq l-art, nieħdu sehem, billi niggustawha qabel, fil-Liturġija tas-sema, li hi ċċelebrata fil-belt qaddisa, Ġerusalemm tas-sema: lejha aħna sejrin bħala pellegrini, fejn Kristu qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tal-Missier bħala ministru tas-santwarju u tabernaklu veru; flimkien mal-qtajja’ kollha tas-sema nkantaw inni ta’ glorja lill-Mulej; aħna u nagħmlu t-tifkira tal-qaddisin, nittamaw li għad ikollna sehem magħhom; aħna u nistennew bil-ħerqa s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu, biex meta jidher Hu, li hu l-ħajja tagħna, aħna ukoll nidhru flimkien miegħu fil-glorja”.

Fil-Liturġija l-Ispirtu s-Santu hu l-għalliem tal-fidi għall-Poplu ta’ Alla, dak li bih isiru “l-ħwejjeġ kbar ta’ Alla” li huma s-sagramenti tal-Patt il-Ġdid. Ix-xewqa u l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-qalb tal-Knisja huma li aħna ngħixu l-ħajja ta’ Kristu rxoxt. Meta jsib fina tweġiba għall-fidi li hu jqanqal, ikun hemm tassew kooperazzjoni vera: hekk il-Liturġija ssir ħidma flimkien ta’ l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja.

F’dan it-tqassim sagramentali tal-Misteru ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu jaħdem kif ħadem fi żminijiet oħra tal-Pjan tas-salvazzjoni: iħejji l-Knisja għal-laqgħa mal-Mulej; ifakkar u juri ’l Kristu lill-fidi tal-ġemgħa; iġib u jagħmel li jseħħ fl-istess waqt il-Misteru ta’ Kristu bis-setgħa tiegħu li jbiddel kollox; u fl-aħħarnett bħala Spirtu ta’ l-għaqda jgħaqqad il-Knisja mal-ħajja u l-missjoni ta’ Kristu.

L-Ispirtu s-Santu, fil-pjan li Alla ħejja għalina sa minn qabel, jtemm ix-xbihat tal-Patt il-Qadim. Għaliex il-Knisja “ġiet imħejjija b’mod tal-għaġeb fil-ġrajja tal-Poplu ta’ Israel u fi żmien il-Patt il-Qadim”, il-Liturġija tal-Knisja tgħożż bħala parti integranti tagħha li ma tistax tgħaddi mingħajrhom xi elementi tal-kult tal-Patt il-Qadim, u tagħmilhom tagħha:

—         prinċipalment il-qari tat-Testment il-Qadim;

—         it-talb tas-Salmi;

—         u l-aktar, it-tifkira ta’ ġrajjiet ta’ salvazzjoni u ta’ realtajiet li jfissru ħafna, li twettqu fil-Misteru ta’ Kristu (il-Wegħda u l-Patt, l-Eżodu u l-Għid, is-Saltna u t-Tempju, l-Eżilju u d-dħul lura f’pajjiżhom).

Hi fil-qbil li hemm bejn dawn iż-żewġ Testmenti li sseħħ il-katekeżi ta’ l-Għid tal-Mulej , u dik imbagħad ta’ l-Appostli u ta’ Missirijiet il-Knisja. Din il-katekeżi toħroġ għad-dawl dak li kien hemm moħbi fil-kitba tat-Testment il-Qadim, il-Misteru ta’ Kristu. Tissejjaħ “tipoloġika” għaliex turi l-ħaġa ġdida li hu Kristu, u titlaq mix-“xbihat” (tipi) li ħabbru ’l Kristu bil-ġrajjiet, bil-kliem u bis-simboli tal-Patt il-Qadim. Aħna nitilqu minn Kristu biex naqraw mill-ġdid dawn ix-xbihat taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu tal-Verità, u dawn ix-xbihat noħorġuhom għad-dawl . Hekk naraw li d-dilluvju u l-arka ta’ Noè ħabbru s-salvazzjoni li tiġina bil-Magħmudija, u l-istess ħaġa naraw fis-sħaba u l-qsim tal-Baħar l-Aħmar, waqt li l-ilma mill-blata samma hu xbieha tad-doni spiritwali ta’ Kristu; u l-manna fid-deżert tħabbar l-Ewkaristija, “il-ħobż tassew mis-sema” .

Hu għalhekk li l-Knisja, speċjalment fi żmien l-Avvent u fi żmien ir-Randan, u l-iktar fil-lejl qaddis ta’ l-Għid, taqra u tgħix mill-ġdid dawn il-ġrajjiet kbar ta’ l-istorja tas-salvazzjoni fl-“illum” tal-Liturġija. Iżda dan jitlob ukoll li l-katekeżi tgħin lill-fidili biex jifhmu “spiritwalment” il-Pjan tas-salvazzjoni kif tgħarrafhulna l-Liturġija tal-Knisja u twassalna biex ngħixuh.

Liturġija Lhudija u Liturġija nisranija. Tagħrif aħjar tal-fidi u tal-ħajja reliġjuża tal-poplu Lhudi, kif għadu qiegħed jistqarrhom u jgħixhom illum, jista’ jgħinna biex nifhmu aħjar xi aspetti tal-Liturġija nisranija. Kemm għal-Lhud u kemm għall-insara l-Iskrittura hi parti essenzjali tal-liturġiji tagħhom: it-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla, it-tweġiba għall-Kelma, it-talb ta’ tifħir u ta’ interċessjoni għall-ħajjin u għall-mejtin, u t-talb għall-ħniena ta’ Alla. Il-Liturġija tal-Kelma, fl-istruttura proprja tagħha, għandha l-bidu tagħha fit-talb tal-Lhud. Il-Liturġija tas-Sigħat u testi u formularji liturġiċi oħra għandhom testi u formularji jixbhuhom fost il-Lhud, kif ukoll għandhom xebh ma’ talb tal-Lhud xi formularji ta’ talb nisrani, tassew għeżież għalina, bħalma hi t-talba tal-Missierna. It-talbiet ewkaristiċi ġew ispirati minn mudell ta’ talb tat-tradizzjoni Lhudija. Ir-relazzjonijiet bejn il-Liturġija Lhudija u l-Liturġija nisranija jidhru wkoll b’mod partikulari fil-festi kbar tas-sena liturġika, bħalma hi l-festa ta’ l-Għid, imma jidhru wkoll id-differenzi li hemm bejn iż-żewġ liturġiji dwar it-tifsir ta’ dawn il-festi. L-insara u l-Lhud jiċċelebraw il-festa ta’ l-Għid: ġrajja ta’ l-istorja li għadha tħares ’il quddiem, fost il-Lhud; ġrajja li laħqet it-tmiem tagħha bil-mewt u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu fost l-insara, għalkemm l-insara għadhom jistennew it-tmiem sħiħ tagħha fl-aħħar taż-żmien.

Fil-Liturġija tal-Patt il-Ġdid, kull azzjoni liturġika, speċjalment iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u tas-sagramenti, hi laqgħa ma’ Kristu u mal-Knisja. Il-ġemgħa liturġika tinsab miġbura ħaġa waħda “fl-għaqda ta’ l-Ispirtu s-Santu”, li jiġbor l-ulied Alla fil-Ġisem wieħed ta’ Kristu. Hi għaqda li tisboq ir-rabtiet kollha bejn bnedmin, razez, kulturi u kull rabta soċjali oħra.

Il-ġemgħa trid tħejji ruħha biex tiltaqa’ mal-Mulej, trid tkun “poplu mhejji sewwa”. Din it-tħejjija tal-qlub hi ħidma flimkien ta’ l-Ispirtu s-Santu u tal-ġemgħa stess, b’mod partikulari tal-ministri tal-ġemgħa. Il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu tfittex li tqanqal il-fidi, il-konverżjoni tal-qalb u r-rabta mar-rieda tal-Missier. Dawn id-dispożizzjonijiet huma meħtieġa minn qabel biex jistgħu jintlaqgħu l-grazzji li tagħti l-istess ċelebrazzjoni u jinkiseb il-frott tal-ħajja ġdida li ċ-ċelebrazzjoni hi mistennija li tagħti wara.

L-Ispirtu s-Santu u l-Knisja jaħdmu flimkien biex juru lil Kristu u l-opra tiegħu tas-salvazzjoni fil-Liturġija. L-aktar fl-Ewkaristija, u, analoġikament, fis-sagramenti l-oħra, il-Liturġija hi t-tifkira tal-Misteru tas-salvazzjoni. L-Ispirtu s-Santu hu t-tifkira ħajja tal-Knisja.

Il-Kelma ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu l-ewwel ifakkar lill-ġemgħa liturġika t-tifsir tas-salvazzjoni huwa u jagħti l-ħajja lill-Kelma ta’ Alla li titħabbar, biex il-ġemgħa tilqagħha u tgħixha:

Il-Konċilju jgħallimna “Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija, l-Iskrittura għandha importanza mill-aqwa. Mill-Iskrittura jittieħdu s-siltiet li jinqraw u jiġu mfissra fl-omelija, u s-Salmi li jiġu kantati; mill-ispirazzjoni u l-ħeġġa ta’ l-Iskrittura ħarġu l-preċi, it-talb u l-innijiet liturġiċi, u mill-Iskrittura wkoll l-azzjonijiet u s-simboli liturġiċi jirċievu t-tifsir tagħhom”.

Hu l-Ispirtu s-Santu li jagħti lil-letturi u lil dawk li jkunu jisimgħu l-qari, skond id-dispożizzjoni tal-qalb ta’ kull wieħed, li jifhmu spiritwalment il-Kelma ta’ Alla. Permezz tal-kliem, ta’ l-għemil u tas-simboli li jinsġu ċ-ċelebrazzjoni, l-Ispirtu s-Santu jwassal lill-fidili u lill-ministri biex ikollhom relazzjoni ħajja ma’ Kristu nnifsu, il-Kelma u x-Xbieha tal-Missier, ħalli huma jwasslu f’ħajjithom it-tifsir ta’ kull ma semgħu, fehmu u għamlu waqt iċ-ċelebrazzjoni.

“Hija l-Kelma tas-salvazzjoni li tmantni l-fidi fi qlub l-insara; biha titwieled u tikber l-għaqda ta’ l-insara”. It-tħabbira tal-Kelma ta’ Alla m’hijiex biss tagħlim: hi wkoll tweġiba ta’ fidi, li wieħed jilqa’ u jintrabat biha, minħabba l-Patt bejn Alla u l-Poplu tiegħu. Hu dejjem l-Ispirtu s-Santu li jagħti d-don tal-fidi, isaħħaħha u jkabbarha fi ħdan il-komunità. Il-ġemgħa liturġika hi qabel xejn għaqda fil-fidi.

L-Anamnesi. (tifkira) Iċ-ċelebrazzjoni liturġika dejjem tfakkar l-indħil ta’ Alla fil-ġrajja tad-dinja għas-salvazzjoni. “Il-pjan tar-rivelazzjoni jseħħ b’għemil u bi kliem marbutin bejniethom b’rabta liema bħalha… Il-kliem iħabbar l-għemil u jwassal biex jingħaraf il-misteru li jinsab fih”. Fil-Liturġija tal-Kelma l-Ispirtu s-Santu “jfakkar” lill-ġemgħa dak kollu li Kristu għamel għalina. Skond in-natura ta’ l-azzjoni liturġika li ssir, u t-tradizzjonijiet ritwali tal-Knejjes, iċ-ċelebrazzjoni “tfakkar” il-ħwejjeġ kbar ta’ Alla f’Anamnesi ftit jew wisq twila. L-Ispirtu s-Santu, li b’dan il-mod ifakkar lill-Knisja, iwassal imbagħad għar-radd tal-ħajr u t-tifħir (Dossoloġija).

Il-Liturġija nisranija mhux biss tfakkar il-ġrajjiet li bihom seħħet i­s-salvazzjoni tagħna, imma tagħmilhom attwali, preżenti, qishom b’xi mod qegħdin iseħħu f’dan il-ħin u f’dan il-waqt; il-Misteru ta’ Għid jiġi ċċelebrat, mhux ripetut; huma ċ-ċelebrazzjonijiet li jiġu mtennija; u f’kull ċelebrazzjoni jiġi l-Ispirtu s-Santu li jagħmel preżenti waqt iċ-ċelebrazzjoni l-Misteru waħdieni ta’ Kristu.

L-Epiklesi (“sejħa fuq”) hi talba li biha s-saċerdot jitlob lill-Missier  biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu ħa jqaddes l-offerti biex isiru l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej u biex dawk li jirċevuhom isiru huma wkoll offerta ħajja lil Alla. Is-saċerdot jgħid hekk,

“Qaddis tassew int, Mulej ,Inti l-għajn ta’ kull qdusija.

Qaddes għalhekk nitolbuk dawn l-offerti bil-barka tal-Ispirtu tiegħek, biex isiru għalina l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu.” Din it-talba, jew sejħa lill-Ispirtu s-Santu insejħulha Epiklesi.

L-għan tal-missjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu f’kull azzjoni liturġika hu li sseħħ l-għaqda ma’ Kristu biex jissawwar il-Ġisem tiegħu. L-Ispirtu s-Santu qisu l-qawwa li tagħti l-frott lill-friegħi tad-Dielja tal-Missier. Fil-Liturġija sseħħ kooperazzjoni mill-iktar intima bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja. Hu, l-Ispirtu ta’ l-għaqda, jibqa’ bla ma qatt jiġi nieqes fil-Knisja. Għalhekk il-Knisja hi s-sagrament il-kbir jew sinjal ċar tal-għaqda ma’ Alla li tiġbor lil ulied Alla li kienu mxerrdin. Il-frott ta’ l-Ispirtu fil-Liturġija hu għaqda li qatt ma tiġi nieqsa mat-Trinità Qaddisa u bejn l-aħwa.

  L-Epiklesi hi wkoll talba biex isseħħ għal kollox l-għaqda tal-ġemgħa mal-Misteru ta’ Kristu. “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu” trid tibqa’ dejjem magħna u tibqa’ tagħti frott ukoll wara ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika. Għalhekk il-Knisja titlob lill-Missier ħa jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jagħmel il-ħajja ta’ l-insara offerta ħajja lil Alla, bil-bidla spiritwali fi xbieha ta’ Kristu, bil-ħerqa għall-għaqda tal-Knisja u bit-tisħib fil-missjoni tagħha permezz ta’ xhieda u ta’ servizz ta’ mħabba li tagħmel.