SAN BAŻILJU L-KBIR U SAN GIRGOR NAZJANZENU. Isqfijiet u Dutturi tal-Knisja
a. Sejħa għat-Tifħir ‘l Alla …
—
IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA
V/. Mulej, iftaħli xufftejja.
R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Salm 94 (95)
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ.
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Għax Alla kbir hu l-Mulej,
sultan kbir fuq l-allat kollha.
F’idejh huma qigħan l-art,
tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.
Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;
tiegħu l-art, għax b’idejh saret.
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu.
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt.
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: ‘Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.’
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi!”
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. Kristu huwa r-Ragħaj il-kbir: ejjew nadurawh.
—
UFFIĊĊJU TAL-QARI
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem,
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah.
INNU
Il-ġieħ li nroddu nhar il-festa tagħhom
lis-saċerdoti, ħa jkun ġieħ lil Kristu:
għax hu l-Qassis il-kbir u wieħed tagħna
quddiem il-Għoli.
Hu ta ‘l xi wħud b’missirijiet qaddisa
biex juru ‘l-popli triq id-dawl u l-grazzja,
u biex bl-eżempju t-tajba u l-kelma tagħhom
jirgħuhom f’ismu.
Minkejja kull taħbit, b’fedeltà sħiħa,
ħabbew lil Sidhom, qdew ‘il ħuthom kollha,
għax kellhom qalbhom soda fuq it-tama
ta’ ġid is-sema.
Għalhekk xħin semgħu l-istedina ħelwa
wara x-xogħol iebes ta’ dil-ħajja msejkna,
daħlu bil-ferħ jistrieħu w jiksbu s-saltna
li s-Sid ħejjielhom.
Sultan tas-slaten, Alla l-ħaj ta’ dejjem,
ilqa’ t-tifħir mill-ħlejjaq kollha tiegħek;
titla’ quddiemek għanja dejjem ġdida
ta’ ferħ u glorja. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Għannu lill-Mulej, ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel.
Salm 104 (105)
I
Faħħru l-Mulej u xandru ismu, *
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu, *
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, *
fittxu ‘l wiċċu l-ħin kollu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel, *
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu, *
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna! *
Ma’ l-art kollha l-ġudizzji tiegħu!
Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu, *
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham, *
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk,
li ġedded lil Ġakobb b’liġi, *
lil Iżrael b’patt għal dejjem,
meta qal: “Lilek nagħti l-art ta’ Kangħan, *
bħala sehem tal-wirt tagħkom.”
Ftit kienu għadhom jgħoddu, *
ma kinux ħlief ftit u barranin f’dik l-art,
jiġġerrew minn ġens għal ieħor, *
minn saltna għal għand poplu ieħor.
Hu ma ħalla ‘l ħadd jaħqarhom; *
slaten rażżan minħabba fihom:
“Tmissux ‘il dawk li huma kkonsagrati lili, *
tagħmlux deni lill-profeti tiegħi.”
Glorja.
Ant. 1: Għannu lill-Mulej, ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel.
Ant. 2: Il-Mulej ma nesiex lill-ġust li kien mibjugħ, iżda ħelsu mill-midinbin.
II
Mbagħad bagħat il-ġuħ fuq l-art, *
qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba’ tagħhom.
Kien bagħat qabilhom raġel, *
‘il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir.
Rabtulu riġlejh bil-ktajjen, *
dawwrulu l-ħadid ma’ għonqu,
sakemm seħħ dak li kien ħabbar, *
u l-kelma tal-Mulej ħarġitu rebbieħ.
Is-sultan bagħat iħollu, *
dak li jaħkem il-popli ħelsu.
Għamlu sid fuq id-dar tiegħu, *
ħallielu f’idejh ġidu kollu,
biex jgħallem hu stess lill-kbarat, *
u juri l-għerf lill-kapijiet tiegħu.
Glorja.
Ant. 2: Il-Mulej ma nesiex lill-ġust li kien mibjugħ, iżda ħelsu mill-midinbin.
Ant. 3: Ftakar il-Mulej fil-kelma qaddisa tiegħu, u ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu.
III
Mbagħad Iżrael niżel fl-Eġittu, *
Ġakobb għex barrani fl-art ta’ Ħam.
U kattar ħafna l-poplu tiegħu, *
saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.
Dawwrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu, *
biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu.
Bagħatilhom ‘il Mosè, il-qaddej tiegħu, *
u lil Aron, li hu kien għażel.
Wera bihom għeġubijietu, *
ħwejjeġ ta’ l-għaġeb fl-art ta’ Ħam.
Bagħat id-dlam, u dalam; *
iżda huma webbsu rashom għal kliemu.
Biddlilhom l-ilma f’demm, *
qerdilhom il-ħut tagħhom.
Arthom imtliet biż-żrinġijiet, *
sa ġol-kmamar tas-slaten tagħhom.
Mal-kelma tiegħu ġew qtajja’ ta’ dubbien, *
u nemus ma’ arthom kollha.
Tahom is-silġ flok ix-xita; *
ilsna tan-nar ileħħu f’arthom.
Laqtilhom id-dwieli u s-siġar tat-tin, *
qerdilhom is-siġar tar-raba’ tagħhom.
Mal-kelma tiegħu ġew il-ġradijiet, *
ġradijiet żgħar li ħadd ma jgħoddhom.
U belgħu l-ħxejjex kollha f’arthom, *
kielu l-frott tar-raba’ tagħhom.
Qatel l-ulied il-kbar kollha ta’ arthom, *
l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.
Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb, *
ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom.
Ferħu l-Eġizzjani bit-tluq tagħhom, *
għax fuqhom kien waqa’ l-biża’ tagħhom.
Firex sħaba biex ikenninhom, *
xegħel in-nar għad-dawl il-lejl.
Talbuh u bagħtilhom is-summien; *
temagħhom sax-xaba’ bil-ħobż mis-sema.
Xaqqaq blata u minnha ħareġ l-ilma, *
li ġera mad-deżert bħal xmara.
Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu, *
u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.
U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu, *
bl-għajat ta’ ferħ lill-magħżulin tiegħu.
U tahom artijiet il-ġnus, *
u xogħol il-popli wirtuh huma,
biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu, *
u jżommu l-liġijiet tiegħu.
Glorja.
Ant. 3: Ftakar il-Mulej fil-kelma qaddisa tiegħu, u ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu.
V/. Il-Mulej ixandar kelmtu lil Ġakobb.
R/. Il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
LEZZJONI 1
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin Kol 2:16-3:4
Il-ħajja ġdida fi Kristu
Ħuti: Ħadd ma għandu jagħmel ħaqq minnkom minħabba ikel u xorb, jew minħabba festi jew jiem ta’ qamar ġdid jew sibtijiet:dawn dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-realtà hija Kristu. Ħadd ma għandu jċaħħadkom mill-premju għax hu minn-naħa tiegħu jkun irid jiċċekken u jqim lill-anġli, u jimla moħħu bil-frugħa ta’ dak li jkun ra hu ta’ bniedem li hu,bla ma jżomm sħiħ mar-Ras li minnha l-Ġisem kollu, permezz ta’ l-għekiesi u l-irbit tiegħu, jieħu l-għajxien u l-għaqda ħalli jikber kemm Alla jridu jikber.
Ladarba intom, bil-mewt tagħkom ma’ Kristu, ħlistu mill-prinċipji tad-dinja, il-għala issa, bħallikieku għadkom tgħixu għad-dinja, tintrabtu bi preċetti bħalma huma:”La tiħux dan, la dduqx din, la tmissx dak?”U dan kollu dwar ħwejjeġ li, wara li wieħed ikun inqeda bihom, għandhom jiġu fix-xejn, bħall-preċetti u tagħlim ieħor tal-bnedmin.Dawn fid-dehra jista’ jkun fihom qisu xi għerf, bħalma huma l-qima u l-umiltà fiergħa u t-tgħakkis tal-ġisem, iżda għal xejn ma jiswew ħlief biss biex ipaxxu l-ġisem.
Mela jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla.Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, mbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fis-sebħ.
RESPONSORJU Kol 3:1-2; Lq 12:34
R/. Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. * Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.
V/. Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. * Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.
LEZZJONI II
Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Girgor Nazjanzenu
Qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma
F’Atene konna qisna l-ilma ta’ xmara mnissla minn għajn waħda; il-ġibda għall-għerf bħal qasmitna f’żewġ nixxigħat għaddejjin kull waħda fi triq għaliha, li Alla mexxiehom biex jerġgħu jersqu lejn xulxin u jitwaħħdu mill-ġdid fil-ġirja tagħhom.
L-għażiż tiegħi, il-kbir Bażilju, kien jiġbidni għas-serjetà tiegħu, għall-kliem u l-għaqal tiegħu ta’ raġel ta’ dehen misjur: għalhekk kont inżommu fl-għoli fil-ġieħ; mhux biss, iżda wkoll kont infittex li dawk li ma jkunux jafuh daqsi jibdew iġibuh bħali. Bosta minnhom kienu diġa’ semgħu bih b’tifħir, u minnufih bdew iġibulu rispett kbir.
Fiex wassal dan kollu? Ġara li, fost dawk kollha li kienu jiġu jfittxu l-għerf f’Atene, tista’ tgħid hu waħdu nqata’ fl-għoli, merfugħ fuq il-bqija tal-bnedmin, u ngħatalu ġieħ wisq aqwa minn dak li kien diġa’ kiseb quddiemna bit-tħabrik tiegħu biex jitgħallem. Dan kien il-bidu tar-rabta tagħna ta’ ħbiberija; din kienet ix-xrara li kebbset l-għaqda ta’ bejnietna; dan issiġilla f’qalbna l-imħabba għal xulxin.
Biż-żmien sqarrejna wieħed lill-ieħor ix-xewqa tagħna u l-ġibda li konna nħossu għall-filosofija; minn dak iż-żmien sirna f’kollox il-wieħed il-mera ta’ l-ieħor: konna noqogħdu flimkien, ngħixu flimkien, qalb waħda f’kollox, il-ħarsa tagħna mitfugħa ‘l quddiem lejn l-istess ħwejjeġ, u minn jum għall-ieħor konna dejjem iżjed inħeġġu u nsaħħu f’xulxin ix-xewqa tagħna.
It-tnejn xorta waħda konna misjuqa ‘l quddiem mit-tama ta’ l-għerf, dik il-ħaġa li l-aktar tqanqal u trewwah l-għira; u b’danakollu ebda għira ma ħakmitna, għad li kilitna l-ħeġġa li nilħqu ‘l xulxin. Kien għalhekk li kull wieħed minna kont tistħajjlu titqabad ma’ l-ieħor mhux biex jeħodlu l-ewwel premju iżda biex iħallih jiksbu hu; għax kull wieħed minna kien iqis bħala tiegħu l-glorja ta’ l-ieħor.
Konna qisna ruħ waħda żżomm żewġ iġsma. Tassew li m’hux ta’ min joqgħod fuqhom dawk li jgħidu li kollox jinsab f’kollox; imma kulħadd għandu jemminni meta għalina t-tnejn ngħid li konna l-wieħed fl-ieħor f’kollox.
Sew il-wieħed sew l-ieħor konna nsibu l-qawwa ta’ ruħna fil-ħidma u l-istudju, filli ngħixu bit-tama tal-ħajja li ġejja u nitħejjew b’mod li, qabel ma noħorġu minn din il-ħajja, inkunu diġa’ qisna tlaqna minn hawn. B’dan il-ħsieb quddiem għajnejna konna ngħaddu jiemna u nagħmlu kollox fid-dawl tal-kmandamenti ta’ Alla, u nfittxu li nħeġġu l-imħabba għall-virtù. Mhux biex nintefaħ bija nnifsi, imma nista’ ngħid li aħna konna għal xulxin bħal riegla jew skwerra li turik jekk ħaġa hix dritta jew imgħawwġa.
Xi wħud mill-bnedmin kisbu titlu jew għax wirtuh mill-familja jew għax rebħuh huma stess bis-saħħa ta’ xi għemil jew bit-taħbit tagħhom. Imma għalina l-aqwa ħaġa u l-isbaħ titlu kien li nkunu u nissejjħu nsara.
RESPONSORJU Dan 2:21-22; 1 Kor 12:11
R/. Il-Mulej jagħti għerf lill-għorrief u dehen lil min jagħraf l-għaqal: * Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u mistura, u d-dawl jgħammar miegħu.
V/. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu. * Hu jikxef ħwejjeġ moħbija fil-qiegħ u mistura, u d-dawl jgħammar miegħu.
TALBA
O Alla, inti ddawwal il-Knisja tiegħek bl-eżempju u t-tagħlim ta’ San Bażilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu; agħmel li, bl-umiltà kollha, nitgħallmu l-verità tiegħek u nuruha fl-għemil tagħna bl-imħabba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Inbierku l-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
—
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
INNU
Għażilhom Kristu saċerdoti tiegħu,
biex joffru s-sagrifiċċju ‘l Alla l-Għoli,
u b’għożża kbira mingħajr heda jirgħu
lill-poplu tiegħu.
B’ħeġġa qaddisa ħarsu d-don tal-barka
mogħtija lilhom, ħażżmu sew ġenbejhom;
ħejjew l-imsiebaħ tagħhom, u żammewhom
mixgħula dejjem.
In-ngħas qatt m’għamel bihom, baqgħu jishru
sakemm ġie s-Sid, u minnufih, kif ħabbat,
ħarġu jilqgħuh, bil-hena jfur minn qalbhom,
ħa jkunu miegħu.
Sultan tas-slaten, Alla l-ħaj ta’ dejjem,
ilqa’ t-tifħir mill-ħlejjaq kollha tiegħek;
titla’ quddiemek għanja dejjem ġdida
ta’ ferħ u glorja. Ammen.
SALMODIJA
Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.
Salm 118 (119):145-152
B’qalbi kollha ngħajjatlek; †
weġibni, Mulej; *
irrid inħares il-kmandamenti tiegħek.
Lilek insejjaħ: salvani int; *
u nħares il-preċetti tiegħek.
Sa minn qabel is-sebħ nitlob l-għajnuna; *
u fi kliemek jien nittama.
B’għajnejja miftuħa tul is-sahriet tal-lejl, *
jien noqgħod naħseb fuq il-wegħda tiegħek.
Isma’ leħni, Mulej, fit-tjieba tiegħek; *
u żommni ħaj skond id-digrieti tiegħek.
Qorbu lejja dawk li jfittxu l-ħażen, *
dawk li tbiegħdu mil-liġi tiegħek.
Imm’inti ħdejja, Mulej; *
sewwa huma l-kmandamenti tiegħek.
Jien ili naf mill-preċetti tiegħek *
li għal dejjem int waqqafthom.
Glorja.
Ant. 1: Lejk, Mulej, indawwar għajnejja sa minn sbiħ il-jum.
Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.
Kantiku Eż 15:1-4a. 8-13. 17-18
Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ; *
żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
Qawwieti u għanjieti l-Mulej: *
għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar; *
Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli!
Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu! *
Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu
Tefagħhom fil-baħar;
Mar-riħ qawwi ta’ mnifsejk inġemgħu l-ilmijiet, †
bħal gods twaqqfu l-gliegel, *
għaqdu l-imwieġ f’nofs il-baħar.
Qal l-għadu: ‘Niġri warajhom, nilħaqhom; *
naqsam il-priża, u jkolli bix-xaba’;
is-sejf tiegħi nislet, *
idi teqridhom”.
Infaħt bir-riħ tiegħek, †
għattiehom il-bahar, *
għerqu bħaċ-ċomb fl-ilmijiet qawwija.
Min hu bħalek fost l-allat, Mulej, *
min hu bħalek, kbir fil-qdusija ?
Int tal-biża’ fil-glorji tiegħek ; *
int li tagħmel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb !
Int meddejt il-leminija tiegħek, *
u belgħethom l-art ġo fiha.
Fi tjubitek mexxejt dan il-poplu li fdejt; *
b’ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.
Twassalhom u tħawwilhom *
fuq il-muntanja, wirt tiegħek;
il-post, Mulej, li int għamiltu l-għamara tiegħek, *
il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.
Il-Mulej isaltan *
għal dejjem ta’ dejjem.”
Glorja.
Ant. 2: Qawwieti u għanjieti l-Mulej: għalija sar is-salvazzjoni.
Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.
Salm 116 (117)
Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha, *
sebbħuh, popli lkoll!
Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna, *
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
Glorja.
Ant. 3: Il-ġnus kollha jfaħħru l-Mulej.
LEZZJONI QASIRA Għerf 7:13-14
Tgħallimt l-għerf bla ebda fehma ħażina, u t-tagħlim li ħadt ma għandix sogħba ngħaddih lill-oħrajn; ma rridx naħbi l-għana tiegħu. Hu teżor bla qiegħ għall-bnedmin, u dawk kollha li jiksbu lilu jiksbu wkoll il-ħbiberija ta’ Alla, għax minħabba d-doni tat-tagħlim isiru jogħġbuh.
RESPONSORJU QASIR
R. L-għerf tal-qaddisin * Ixandruh il-popli. L-għerf.
V. U l-Knisja ttenni t-tifħir tagħhom. * Ixandruh il-popli. Glorja. L-għerf.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
PREĊI
Kristu hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inroddulek ħajr, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuh u ngħidulu:
Irgħa l-poplu tiegħek, Mulej.
Kristu, int għoġbok tqiegħed fil-Knisja tiegħek rgħajja qaddisin bħal eżempju tat-tjieba u l-imħabba tiegħek:
– ibqa’ uri l-ħniena tiegħek magħna b’rgħajja bħalhom.
Int għadek taqdi l-uffiċċju ta’ ragħaj spiritwali permezz ta’ dawk li tqiegħed f’ismek fuq il-merħla tiegħek:
– żommna dejjem fit-triq it-tajba taħt il-ħarsien tal-mexxejja tagħna.
Bil-qaddisin tiegħek, li f’idejhom tafda l-popli, turina lilek innifsek bħala t-tabib tar-ruħ u tal-ġisem:
– kompli fina bla heda l-ministeru tal-ħajja u l-qdusija.
Int tipprovdi bnedmin qaddisa biex jirgħu l-merħla tiegħek bl-għaqal u bl-imħabba;
– xerred id-doni tiegħek fuq ir-rgħajja spiritwali tagħna f’dawn il-gżejjer biex jagħarfu jqaddsuna.
Missierna
Talba
O Alla, inti ddawwal il-Knisja tiegħek bl-eżempju u t-tagħlim ta’ San Bażilju l-Kbir u San Girgor Nazjanzenu; agħmel li, bl-umiltà kollha, nitgħallmu l-verità tiegħek u nuruha fl-għemil tagħna bl-imħabba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen.
—
IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
INNU
Spirtu s-Santu, li int Alla
wieħed mal-Missier u l-Iben,
ejja xxerred ġewwa fina,
ħalli bik ilkoll timliena.
Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna,
nerfgħu lejk it-tifħir tagħna;
int kebbisna b’nar imħabbtek,
u nxerduh fl-oħrajn madwarna.
Kun id-dawl li jtina l-għarfa
tal-Missier u l-Iben tiegħu:
żomm qawwija l-fidi tagħna
fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen.
Ant. Ħabbru l-profeti li s-Salvatur kellu jitwieled minn Marija Verġni.
F’Nofsinhar
INNU
Mexxej qawwi, Alla veru,
Inti kollox tqassam sewwa:
jisbaħ jum, tagħnih bid-dija;
f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ.
Iżda itfi l-għadab fina,
taffi s-sħana ta’ kull deni,
agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef,
ġib is-sliem tassew fi qlubna.
Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.
Ant. Qal l-anġlu Gabrijel lil Marija: Sliem għalik, mimlija bil-grazzja; il-Mulej miegħek; imbierka inti fost in-nisa.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
INNU
Alla, int, li fik innifsek
m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi:
lil kull siegħa tal-ġurnata
tqis id-dawl li jkun imissha.
Ibagħtilna lejla tajba,
fejn il-ħajja qatt ma tonqos,
imma tersaq lejn il-glorja,
li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa.
Isma’ talbna, Missier twajjeb,
w int, Waħdieni tiegħu u daqsu,
li ta’ dejjem hi saltnatkom
ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen.
Ant. Qalet Marija: Xi tfisser din it-tislima? Inħossni mħawwda fija nnifsi: se nġib fid-dinja s-Sultan, u xbubiti tibqa’ bla mittiefsa.
Salm 118 (119): 33-40
V (He)
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek; *
jiena rrid nibqa’ fiha sa l-aħħar.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek *
u nagħmilha b’qalbi kollha.
Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek, *
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, *
u mhux lejn ir-regħba.
Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa; *
agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek, *
li int għamilt ma’ dawk li jibżgħu minnek.
Warrab minni l-għajb li nibża’ minnu, *
għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti tiegħek; *
fil-ġustizzja tiegħek agħtini l-ħajja.
Glorja.
Salm 33 (34)
I
Kull ħin inbierek il-Mulej; *
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi; *
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; *
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni, *
minn kull biża’ tiegħi ħelisni.
Ħarsu lejh, u jiddi bil-ferħ wiċċkom, *
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, *
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.
L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, *
u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; *
hieni l-bniedem li jistkenn fih.
Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu; *
xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.
Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ; *
min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.
Glorja.
II
Ejjew uliedi, isimgħu lili; *
jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,*
u jixtieq jara għomru kollu riżq?
Ħares ilsienek mill-ħażen, *
u xufftejk minn kliem il-qerq.
Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *
fittex is-sliem u imxi warajh.
Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej lejn il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, †
u l-Mulej jismagħhom; *
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, *
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha, *
ebda waħda ma titkissirlu.
Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.
Glorja.
Fid-Disgħa ta’ filgħodu
Ant. Ġużeppi u Marija, omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.
LEZZJONI QASIRA 1 Tim 1:15
Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għal-kollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.
V/. Il-Mulej ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu, hallelujah.
R/. Mal-poplu ta’ Iżrael, hallelujah.
F’Nofsinhar
Ant. Marija baqgħet iżżomm f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha.
LEZZJONI QASIRA Apok 21:23-24
Il-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm ma teħtieġ la xemx lanqas qamar biex idawwluha, għax biex idawwalha għandha s-sebħ ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha hu l-Ħaruf. Il-ġnus jimxu fid-dawl tagħha, u s-slaten ta’ l-art iġibulha t-teżori tagħhom.
V/. L-art kollha, minn tarf għall-ieħor, hallelujah.
R/. Rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna, hallelujah.
Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar
Ant. Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha.
LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 1:5
Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda dlam.
V/. It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu, hallelujah.
R/. Il-ġustizzja u s-sliem jitbewwsu, hallelujah.
Talba
Aħna nistqarru, Mulej, li Ibnek il-waħdieni, li minn dejjem u għal dejjem hu miegħek fil-glorja, twieled minn Omm Verġni u sar tassew bniedem bħalna; agħti lill-poplu tiegħek fidi sħiħa li xejn ma jqanqalha, biex neħilsu mill-għawġ ta’ issa u naslu fl-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Inbierku l-Mulej
R/. Inroddu ħajr lil Alla.