Għalfejn il-Liturġija?


Fil-Kredu, il-Knisja tistqarr il-Misteru tat-Trinità Qaddisa u l-Misteru tar-rieda ta’ Alla għall-ħolqien kollu: il-Missier temm il-misteru tar-rieda tiegħu billi bagħat lil Ibnu l-Maħbub u l-Ispirtu tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja u għall-glorja ta’ ismu.

Dan hu l-Misteru ta’ Kristu, intwera u seħħ fl-istorja skond pjan imfassal bil-għerf kollu, li San Pawl isejjaħlu “l-misteru tar-rieda tiegħu,” u li t-Tradizzjoni ta’ Missirjiet il-Knisja sejħitlu “l-Ekonomija tal-Verb magħmul bniedem” jew “l-Ekonomija tas-salvazzjoni”.

“Din il-ħidma għall-fidwa tal-bniedem u għall-glorifikazjoni perfetta ta’ Alla, li bdiet fit-Testment il-Qadim, temmha Kristu l-Mulej, l-aktar bil-misteru tal-Għid, tal-Passjoni mqaddsa tiegħu, tal-Qawmien tiegħu mill-imwiet u tat-Tlugħ glorjuż tiegħu fis-sema. Hu għalhekk li l-Knisja, fil-Liturġija tagħha, tiċċelebra prinċipalment il-Misteru ta’ l-Għid li bih Kristu temm l-opra tas-salvazzjoni tagħna.

Hu dan il-Misteru ta’ Kristu li l-Knisja tħabbar u tiċċelebra fil-Liturġija, biex l-insara jgħixuh u jagħtu xhieda tiegħu lid-dinja: Il-Liturġija, li biha, speċjalment bis-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija, isseħħ l-opra tal-fidwa tagħna, tgħin ħafna biex il-fidili juru f’ħajjithom u jħabbru lill-oħrajn il-Misteru ta’ Kristu u x’inhi tassew il-Knisja.

XI TFISSER IL-KELMA LITURĠIJA? 

Il-kelma “Liturġija” fil-bidu kienet tfisser “ħidma pubblika”, “servizz mogħti mill-poplu, favur il-poplu”. Fit-tradizzjoni nisranija l-kelma saret tfisser li l-Poplu ta’ Alla għandu sehem “fix-xogħol ta’ Alla”. Permezz tal-Liturġija, Kristu l-Feddej u l-Qassis il-Kbir tagħna, ikompli fil-Knisja tiegħu, magħha u biha, l-opra tal-fidwa tagħna.

Bir-raġun kollu l-Liturġija titqies bħala ħidma ta’ l-uffiċċju seċerdotali ta’ Ġesù Kristu, fejn, permezz ta’ sinjali li jidhru jiġi mfisser b’mod proprju għal kull sinjal, u jseħħ it-tqaddis tal-bniedem, u l-Ġisem mistiku kollu ta’ Kristu, jiġifieri r-Ras flimkien mal-membri, jiċċelebra kult pubbliku sħiħ. Għalhekk kull ċelebrazzjoni liturġika, bħala għemil ta’ Kristu-Saċerdot u tal-Ġisem tiegħu, li hu l-Knisja, hi għemil qaddis mill-aqwa, u ebda għemil ieħor tal-Knisja ma hu daqsu fil-qawwa, fl-istess grad tiegħu u għall-istess raġuni.

IL-LITURĠIJA BĦALA GĦAJN TA’ ĦAJJA

Il-Liturġija, barra li hi ħidma ta’ Kristu, hi wkoll ħidma tal-Knisja tiegħu. Il-Liturġija tagħmel u turi l-Knisja bħala sinjal li jidher ta’ l-għaqda ta’ Alla u tal-bnedmin permezz ta’ Kristu. Timpenja lill-insara fil-ħajja ġdida tal-komunità. Titlob li l-insara jieħdu sehem attiv, ikunu jafu x’qed jagħmlu u t-tisħib tagħhom jagħti frott.

Il-Liturġija ma tħaddanx il-ħidma kollha tal-Knisja: qabilha tiġi l-evanġelizzazzjoni, il-fidi u l-konverżjoni; imbagħad tkun tista’ tagħti l-frott tagħha fil-ħajja ta’ l-insara: il-ħajja ġdida skond l-Ispirtu, l-impenn fil-missjoni tal-Knisja u s-servizz ta’ l-għaqda tagħha.

TALB U LITURĠIJA

Il-Liturġija hi wkoll tisħib fit-talba li Kristu jagħmel lill-Missier fl-Ispirtu s-Santu. F’din it-talba ta’ Kristu, t-talb nisrani kollu għandu l-bidu u t-tmiem tiegħu. Permezz tal-Liturġija, il-bniedem jagħmel l-għeruq tiegħu u jinbena spiritwalment fuq l-imħabba ta’ Alla.

KATEKEŻI U LITURĠIJA

Il-Liturġija hi l-qofol li għalih trid tasal kull ħidma tal-Knisja, u fl-istess ħin hi l-għajn li minnha tiġi l-qawwa kollha tagħha” jgħidilna l-Konċilju Vatikan II. Hi għalhekk il-post privileġġjat fejn issir il-katekeżi tal-Poplu ta’ Alla. “Il-katekeżi għandha rabta sħiħa u intima mal-ħidma liturġika u sagramentali, għaliex hu fis-sagramenti, u l-aktar fl-Ewkaristija, li Kristu Ġesù jaħdem bil-milja kollha tiegħu ħa jbiddel il-bnedmin”.

Il-katekeżi liturġika trid iddaħħal il-bniedem fil-Misteru ta’ Kristu billi titlaq minn dak li jidher ħa tasal għal dak li ma jidhirx, minn dak li jfisser għal dak li jitfisser, mis-“sagramenti” għall-“misteru”. Din is-sura ta’ katekeżi hi proprja tal-katekiżmi lokali u reġjonali. Dan il-katekiżmu, li jrid jaqdi l-Knisja kollha, bil-ħafna riti u kulturi li tħaddan, se juri biss dak li għall-Knisja kollha hu fundamentali u ta’ kulħadd fil-Liturġija bħala misteru u bħala ċelebrazzjoni, imbagħad is-seba’ sagramenti u s-sagramentali.

Il-Knisja ġiet murija lid-dinja f’jum Għid il-Ħamsin bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Id-don tal-Ispirtu jibda żmien ġdid fl-“għotja tal-misteru” iż-żmien tal-Knisja li matulu Kristu juri, iġib fid-dieher, u jikkomunika l-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni permezz tal-liturġija tal-Knisja tiegħu “sakemm jerġa’ jiġi”.    F’dan iż-żmien tal-Knisja, Kristu issa jgħix u jġib ruħu fil-Knisja tiegħu u magħha, b’mod ġdid li jaqbel ma’ dan iż-żmien il-ġdid. Jaħdem permezz tas-sagramenti f’dak li fit-Tradizzjoni komuni tal-Lvant u l-Punent hi msejħa “l-ekonomija sagramentali”; din hi t-tixrid (jew għotja) tal-frott tal-Misteri tal-Għid ta’ Kristu fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija “sagramentali” tal-Knisja. 

Għalhekk hu importanti li l-ewwel jiġi ċċarat dan “it-tqassim tas-sagramenti”. Imbagħad jinftehmu aħjar in-natura u l-karatteristiċi meħtieġa taċ-ċelebrazzjoni liturġika.