Lezzjoni II: San Bruno


6 ta’ Ottubru – San Bruno – Saċerdot

TIFKIRA

San Bruno twieled f’Köln, il-Ġermanja, għall-ħabta tal-1035. Studja Pariġi, ġie ordnat qassis, u għallem it-teoloġija fl-iskola tal-katidral ta’ Rheims: ħass ruħu miġbud għall-ħajja ta’ solitudni, inġabar ma’ sitt minn sħabu fil-muntanji qrib Grenoble fi Franza u waqqfu l-ordni strett taċ-Ċertożini f’Charteusen. Il-Papa Urbanu II, li kien hu wkoll dixxiplu tiegħu, sejjaħlu Ruma biex jgħinu fir-riforma tal-kleru. Wara ħa miegħu xi dixxipli u mar jgħix f’eremitaġġ fi Squillace, fil-Kalabrja, fejn miet fis-6 ta’ Ottubru 1101.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn ittra ta’ San Bruno, saċerdot, lil uliedu.

(Epistola ad filios)

L-ispirtu tieghi jifraħ fil-Mulej

L-ispirtu tieghi jifraħ fil-Mulej għaliex, mit-tagħrif li jagħtini ta’ spiss, bil-ħlewwa kollha it-twajjeb ħija Landowin, jien naf bil-ħajja tassew iebsa li qegħdin tgħixu, ħajja li bl-għaqal kollu għażiltu li tgħixu, u li jistħoqqilha kull tifħir. L-ispirtu tieghi jifraħ għaliex intom għandkom imħabba kbira għal kulma hu sewwa u tajjeb, u tħabirku għalih b’ħeġġa kbira. Nifraħ fuq li nifraħ, u nfaħħar u nrodd ħajr lil Alla, imma fl-istess ħin inħossni mimli mrar. Nifraħ u bir-raġun kollu, għax dejjem aktar joktor il-frott tal-għemil tajjeb tagħkom, ninkedd u nistħi għax jien m’ghandix ħila niċċaqlaq u nqum mit-tidnis ta’ dnubieti.

Ifirħu, mela, ħuti għeżież, għall-hena ta’ xortikom u għall-kotra ta’ grazzi li Alla qed jagħtikom b’idu miftuħa. Ifirħu għax ħlistu minn kull xorta ta’ perikli u mill-għarqa fil-ħalel ta’ din id-dinja mqallba u bla mistrieħ. Ifirħu għax dħaltu f’port kenni u stajtu ssorġu fiż-żgur u fil-kwiet: ħafna jixtiequ jaslu f’port bħal dan, ħafna jitħabtu biex jaslu fih u ma jirnexxielhom. U ħafna, għalkemm jaslu fih, ma jsibux kenn, għax dan mhux mogħti lilhom mis-sema.

Għalhekk, ħuti  għeżież, kunu żguri fuq li żguri li jekk xi ħadd kiseb dan il-ġid tant mixtieq, u mbagħad, b’mod jew ieħor, tilfu, dan żgur jibqa’ jisgħobbbih għomru kollu jekk hi għal qalbu s-salvazjoni ta’ ruħu. U lilkom, għeżież ajkijiet ħuti, ngħidilkom: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, għax wera magħkom b’mod tal-għaġeb il-kobor tal-ħniena tigħu: dan nafu mingħand il-pirjol, il-missier maħbub tagħkom li tant jiftaħar u jifraħ bikom. U aħna wkoll nifirħu bikom, għaliex, għalkemm intom ma tafux skola, is-Setgħani, bil-qawwa ta’ sebgħu, kiteb fi qlubkom mhux biss l-imħabba għall-liġi tiegħu imma wkoll it-tagħrif tagħha. Għemilkom juri xi tħobbu u x’tafu, għaliex meta verament tobdu bl-għaqal u bil-ħeġġa kollha, intom tkunu qegħdin turu li għaraftu tiġbru l-frott bnin tal-Iskrittura Mqaddsa, frott li verament jagħti l-ħajja.

RESPONSORJU                                                                                                 

Salm 54(55): 7-8; Ġw:2:17

1.Mhux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema, biex intir u mmur nistrieħ! *Kont ‘l bogħod immur niġġerra, u fid-deżert insib fejn noqgħod.

2.Id-dinja tgħaddi bil-ġibdiet tagħha, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqa’għal dejjem * Kont ‘l bogħod immur niġġerra, u fid-deżert insib fejn noqgħod.

Talba

O Alla, int sejjaħt lil San Bruno biex jitbieghed mid-dinja u jaqdik fil-ġabra; agħtina li, fost it-tibdil kollu ta’ din il-ħajja, ngħixu bla heda bi ħsibijietna fik. B’Ibnek.