Lezzjoni II: San Lawrenz Ruiz u sħabu


28 ta’ Settembru – San Lawrenz Ruiz u sħabu – Martri

TIFKIRA

San Lawrenz Ruiz twieled f’Manila, fil-Gżejjer Filippini qrib is-sena 1600. Kien miżżewweġ u kellu tlett itfal. Fis-seklu 17, bejn is-snin 1633 u 1637, Lawrenz Ruiz u sħabu, għalkemm, mhux kollha fl-istess żmien u lanqas bl-istess mod, xerrdu l-fidi nisranija fil-Filippini, fil-Ġappun u fil-gżira ta’ Formosa (Taiwan). Hekk taw, b’mod tal-għaġeb, xhieda tal-universalità tar-reliġjon nisranija u bħala missjunarji mhux mirbuħa, xerrdu bil-kotra ż-żerriegħa tal-ħajja nisranija għall-ġejjieni bl-eżempju tal-mewt tagħhom.

Għall-imħabba ta’ Kristu, huma xerrdu demmhom fil-belt ta’ Nagasaki, fil-Ġappun. Dawn is-sittax-il-martri, reliġjużi Dumnikani jew imseħbin magħhom, kienu disa’ saċerdoti, żewġ reliġjużi, żewġ verġni u tliet lajċi, fosthom San Lawrenz Ruiz. San Lawrenz Ruiz kien l-ewwel qaddis martri tal-Filippini.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Mill-omelija tal-Papa Ġwann Pawlu II waqt il-Quddiesa sollenni fil-belt ta’ Manila meta xandar id-digriet tal-beatifikazzjoni tas-Servi ta’Alla Lawrenz Ruiz u sħabu.

Bit-tixrid ta’ demmhom wettqu għemil kbir ta’ qima u mħabba għal Alla.

Kliem l-Evanġelju jixhdilna li Kristu jistqarr quddiem il-Missier tas-sema lil dawk il-martri li jistqarruh quddiem il-bnedmin.

L-innu tal-glorja li għadu kemm tlissen lil Alla minn għadd bla qies ta’ ilħna hu l-istess innu – it-Te Deum- li tkanta fil-għaxija fis-27 ta’ Diċembru 1637 fil-knisja tad-Dumnikani meta waslet l-aħbar tal-martirju f’Nagasaki ta’ grupp ta’ sitt insara, li fosthom kien hemm Patri Anton Gonzales, il-kap tal-missjoni, Dumnikan Spanjol mill-belt ta’ Deon, u Lawrenz Ruiz, missier ta’ familja mis-subborg ta’ Binondo, barra l-belt ta’ Manila fil-Gżejjer Filippini. Dawn ix-xhieda wkoll, huma stess, kantaw salmi lill-Mulej tal-ħniena u tas-setgħa, kull darba li ntefgħu fil-ħabs u ttieħdu għall-mewt, f’martirju li dam sejjer tlitt ijiem.

Il-fidi tirbaħ id-dinja. Ix-xandir tal-fidi, bħal xemx, idawwal lil dawk kollha li jixtiequ jaslu għall-gharfien tal-verità. Jekk ħafna huma l-ilsna fid-dinja, waħda u l-istess hi t-tradizzjoni nisranija.

Il-Mulej Ġesù feda b’demmu l-qaddejja tiegħu, miġburin minn kull tribù u lsien u poplu u nazzjon, biex ikunu għal Alla saċerdozju regali.

Sittax-il-martri, huma u jeżerċitaw is-saċerdozju tagħhom tal-Magħmudija jew tal-Ordni Sagri, bit-tixrid ta’ demmhom wettqu għemil kbir ta’ qima u ta’ mħabba għal Alla, f’rabta mas-sagrifiċċju tal-artal tas-Salib, huma u jsiru jixbhu lil Kristu, saċerdot u vittma fl-istess waqt, bl-aqwa mod li bih il-bnedmin jistgħu jixbhuh. Fl-istess waqt għemilhom kien għemil kbir fuq li kbir ta’ mħabba għall-aħwa, li għalihom aħna mistednin nissagrifikaw lilna nfusna, fuq l-eżempju li l-Iben ta’Alla ried jagħtina.

Dan għamlu Lawrenz Ruiz. Immexxi mill-Ispirtu s-Santu lejn tmiem mhux mistenni wara vjaġġ mi li perikli, stqarr quddiem l-imħallfin li kien  nisrani lest biex imut għal Alla: ‘’Nixtieq noffrilu ħajti għal elf darba. Ma rrid qatt inkun apostata. Jekk tridu, tistgħu toqtluni. Ir-rieda tiegħi hi li mmut għal Alla.’’

Fdan għandna l-aqwa xhieda ta’ ħajtu u ta’ twemminu, u r-raġuni ta’ mewtu. F’dan il-waqt, dan il-missier żagħżugħta’ familja stqarr u wassal għall-perfezzjoni l-kateke’I nisranijali kien irċieva fl-iskola tal-patrijiet Dumnikani f’Binondo, katekeżi li għandha ċ-ċentru waħdieni tagħha fi Kristu, għax hi katekeżi dwar Kristu, u Kristu nnifsu jgħallimha b’fomm il-ħabbara tiegħu.

L-eżempu mogħti minn Lawrenz Ruiz, iben missier Ċiniż u omm Tangala, ifakkarna li l-ħajja kollha kemm hi, ta’ kull wieħed minna, għandha tkun għal Kristu.

Dan ifisser tkun nisrani: toffri kuljum lilek innifsek u hekk twieġeb għall-offerta li għamel għalik Kristu li ġie fid-dinja biex kulħadd ikollu l-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

RESPONSORJU                                                                                                                                  ara Ef 4:4-5

1.L-irġiel qaddisa xerrdu d-demm glorjuż tagħhom għall-Mulej, ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, wara saru jixbhuh f’mewthom, * U għalhekk stħaqqilhom il-kuruna tar-rebħa.

2. Kellhom spirtu wieħed u fidi wahda * Għalhekk, stħoqqilhom il-kuruna tar-rebħa.

Talba

Agħtina, Mulej Alla tagħna, dak is-sabar li wrew fil-qadi tiegħek u ta’ ħutna l-Qaddisin martri San Lawrenz u sħabu, għaliex fis-saltna tiegħek huma henjin dawk li jġarrbu persekuzzjoni minħabba l-ġustizzja. B’Ibnek Ġesù Kristu, Sidna.