Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija


Omelija fil-Festa tat-Twelid tal-Verġni Marija
Bażilika tat-Twelid ta’ Marija, ix-Xagħra
Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2013
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-FOQRA HUMA L-PROFETI TAL-LUM

Għaddew sebgħin sena minn meta fit-8 ta’ Settembru 1943 l-Italja ffirmat l-armistizju, u hekk f’pajjiżna s-sereni daqqew biex iħabbru t-tmiem tal-Gwerra. Dan kien ifisser ukoll li l-morsa tal-faqar ma baqgħetx tagħfas daqshekk fuq ġensna u hekk bdiet tittaffa xi ftit it-tbatija. Matul dawn is-sebgħin sena ħafna minn dan il-faqar kien megħlub; imma mbagħad inħoloq faqar ġdid! Studji riċenti dwar pajjiżna jikxfu li 15.5% tal-popolazzjoni tagħna qed tgħix taħt il-linja tal-faqar. Is-sena l-oħra l-Knisja f’pajjiżna permezz tal-Caritas talbet biex togħla l-paga minima, għax anki dawk li jaħdmu jistgħu jsibu ruħhom fir-riskju li jaqgħu taħt il-linja tal-faqar. Dan biex ma nsemmix il-faqar f’pajjiżi oħra: fl-Unjoni Ewropea biss huwa stamt li hawn 47 miljun ruħ jew 16% tal-popolazzjoni li huma fil-kategorija tal-foqra.

Theddida għad-dinjità tal-bniedem
Il-faxxa tal-foqra hija wiesgħa. Fiha hemm mhux biss dawk li huma nieqsa minn mezzi ekonomiċi, iżda wkoll dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ikel, indafa, residenza u l-bqija. Hemm ukoll dawk li ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura medika – huwa minnu li f’pajjiżna s-servizzi tas-saħħa huma pprovduti b’xejn mill-Istat, imma huwa minnu wkoll li fostna hemm min jixtieq ċerta kura imma jibqa’ mċaħħad minnha minħabba diffikultajiet finanzjarji! Foqra huma wkoll dawk li ma għandhomx xogħol jew, jekk jaħdmu, ma għandhomx kundizzjonijiet ġusti. Fi kliem ieħor, il-faqar huwa n-nuqqas ta’ dak il-ġid materjali, soċjali u kulturali li jhedded id-dinjità tal-bniedem. Kull għamla ta’ faqar hija umiljanti u kawża ta’ tbatija. Il-faqar huwa sfreġju lill-bniedem u xkiel għas-soċjetà – għaliex il-faqar jaqsam u jissepara bejn min għandu u min ma għandux.

Aħna l-Insara ma nistgħux nibqgħu indifferenti jew passivi quddiem dan il-fenomenu. Lanqas nistgħu nagħmlu tabirruħna li ma nafux bil-foqra li hawn madwarna. Għalina li nemmnu, il-faqar għandu jqanqal interess, għaliex barra li huwa kwistjoni soċjoloġika, ekonomika u politika, huwa ukoll sfida evanġelika, reliġjuża u morali.

Marija: iċ-ċkejkuna t’Alla
Hemm diversi motivi għaliex fil-fehma tiegħi l-festa ta’ Marija Bambina tista’ ddawwalna dwar din ir-realtà. Qegħdin niċċelebraw it-Twelid ta’ Marija. Bħal kull tarbija, Marija twieldet għerja – bħalma jistqarr Ġob, “għeri ħriġt minn ġuf ommi” (Ġob 1:21). Hawnhekk b’għera nifhem li l-bniedem huwa mneżża’ minn kollox – ma għandu xejn fuqu u xejn tiegħu. L-għera hija dimensjoni ta’ faqar assolut.

Barra minn hekk qed niċċelebraw it-Twelid tal-Bambina, ħlejqa ċkejkna li fiżikament hija dgħajfa u dipendenti fuq ħaddieħor. Imma fil-lingwaġġ Bibliku, speċjalment fis-Salmi u l-Profeti, iż-“żgħar” huma dawk id-dgħajfin u oppressi, dawk li d-dinja tinsiehom u tiddisprezzahom, dawk li ma jiswew għal xejn, dawk li jfittxu kenn f’Alla biss u jintelqu totalment fil-ħniena tiegħu.

Fil-faqar Alla jaf juri lilu nnifsu
Għalkemm għalina l-faqar huwa tebgħa sewda u esperjenza negattiva, għal Alla jaf ikun okkażjoni biex jimmanifesta lilu nnifsu. Fil-fatt Iżrael jiltaqa’ ma’ Alla meta hu fil-għaks: “Għadda ż-żmien u wlied Iżrael bdew jitniehdu taħt il-jasar u jgħajtu. L-għajat tagħhom fil-jasar wasal sa għand Alla u Alla sema’ l-krib tagħhom u ftakar fil-Patt tiegħu ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f’liema stat kienu” (Eż 2:23-25).

Iżrael kien jaf l-istorja ta’ Alla u Abraham; imma meta kienu fl-Eġittu, għalkemm kienu skjavi, kellhom żaqqhom mimlija – “kielu ħut b’xejn, ħjar, bettiegħ, kurrat, basal u tewm” (Num 11:5) – u għalhekk insew lil Alla. Hekk jiġrilu l-bniedem ta’ kull żmien: meta jkollu ħalqu fix-xgħir, il-bniedem huwa ttentat jinsa lil Alla.

Fis-Salmi nsibu li Alla huwa dak li jisma’ l-karba, jara t-tbatija, iniżżel widintu, jgħasses u jintervjeni biex iħares lill-foqra: “Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu… hu li jagħmel ġustizzja mill-maħqurin, li jagħti l-ħobż lill-imġewħin. Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin, li jiftaħ għajnejn l-għomja, li jerfa’ l-milwijin” (Salm 146).

Kienx hemm persuna ifqar minn Kajin li qatel lil ħuh Abel? Peress li konsegwenza tad-delitt li għamel, Kajin kien eskluż mis-soċjetà u kellu jgħaddi ħajtu jiġġerra mingħajr ebda dinjità, peress li kien mikxuf u għalhekk espost għal kull xorta ta’ vendetta, lil dan il-fqajjar Alla jagħtih sinjal fuq ġbinu biex jgħid lin-nies: “Lil dan [Kajin] ma tistgħux tmissuh. Dak inħarsu jien. Jien il-protettur tiegħu!”. Kajin huwa t-tip tal-foqra – dawk ta’ ħajja prekarja, dgħajfa u mhedda. Għax iħobbhom, Alla jidħol fl-istorja ta’ dawn il-foqra biex iħarishom.

Ġesù Kristu sar fqir
Għalhekk nifhmu aħjar meta Ġesù jgħid li “henjin il-foqra”. Fix-xejn tiegħu l-fqir jagħraf il-preżenza ta’ Alla – għarfien li hu diffiċli li jikseb il-bniedem meta jkun mgħaddas fil-ġid. Il-faqar jaf ikun okkażjoni biex tidher il-glorja ta’ Alla.

Kif il-karba tal-fqir waslet f’widnejn Alla, u fil-persuna ta’ Ġesù Kristu Alla sar fqir biex bil-faqar tiegħu l-fqir isir għani, hekk ukoll il-komunità Nisranija għandu jkollha widnejha miftuħa għall-karba tal-foqra tal-lum.

Ġesù mhux biss ġie biex iwassal il-Bxara t-tajba lill-foqra, imma kien magħhom – Ġesù kien huma stess, tant li meta ngħinu lill-fqir inkunu ngħinu lilu. Ġesù jidentifika ruħu mal-fqir tant li jgħidilna: “Meta kont bil-ġuħ, tajtuni x’niekol; kont bil-għatx u sqejtuni; kont barrani u lqajtuni; kont għeri u libbistuni; kont marid u ġejtu tarawni; kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25). B’dan il-mod lill-foqra Ġesù jagħmilhom “sagrament” tal-persuna divina tiegħu. Fil-persuna tal-fqir hemm il-preżenza speċjali ta’ Kristu li tobbliga lill-Knisja tagħmel l-għażla preferenzjali favur il-foqra.

Il-foqra huma “il-laħam ta’ Kristu”
Il-Papa Franġisku fl-omelija li għamel fil-Velja ta’ Għid il-Ħamsin li għadda qal li l-foqra huma “la carne di Cristo” – il-laħam ta’ Kristu! Fi kliem il-Papa “hemm bżonn li aħna l-Insara nkunu aktar kuraġġjużi u mmorru nfittxu lil dawk li huma l-laħam ta’ Kristu”. Jekk aħna nagħtu daharna lill-fqir, jekk insoddu widnejna għall-karba tal-fqir, inkunu nagħlqu l-bieb lil Kristu.

Biex ifisser il-gravità tad-dnub li tagħmel is-soċjetà meta tagħti daharha lill-fqir, il-Papa Franġisku jfakkar fi storja li jirrakkonta wieħed Rabbi tas-seklu tnax. Meta kienu qed jibnu t-Torri ta’ Babel, kienu jużaw madumiet li kienu jiswewlhom ħafna, għax riedu jiġbru t-trab u t-tiben, jagħmlu l-għaġna u jaħmuhom fil-forn. Għalhekk kull maduma kienet teżor, u jekk kienet taqa’ u tinkiser xi waħda, din kienet tkun traġedja kbira. Imma mbagħad jekk kien jaqa’ ħaddiem, qisu ma ġara xejn! Il-maduma kienet tiswa aktar mill-bniedem! Dan jiġri wkoll illum. Jekk l-ekonomija tkun sejra ħażin, ninkwetaw qatigħ; jekk jisparaw fuq tajra protetta (ħaġa li ma għandhiex tkun!), nagħmlu plejtu. Imma mbagħad qed naraw foqra li mhux biss ma għandhomx ikel u xorb, imma lanqas futur, bħalma huma l-immigranti u r-refuġjati, u għal ħafna qisu mhu qed jiġri xejn!

Missirijiet il-Knisja dwar il-foqra
Il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmuna li l-Knisja dejjem kellha għożża għall-foqra. Klement ta’ Lixandra (150-125) jikteb li jekk min għandu l-ġid jibqa’ jċaħħad l-għajnuna lil min ma għandux, dan huwa omiċida, fih hemm iż-żerriegħa ta’ Kajin li qatel lil ħuh, ma għandux fih il-qalb ta’ Alla.

F’waħda mill-omeliji tiegħu San Bażilju l-Kbir jgħid: “Naf li ħafna jagħmlu s-sawm u jitolbu, imma ma jgħinux lill-foqra. X’tiswa din il-pjetà? B’daqshekk mhux ser nidħol il-ġenna”. Skont Bażilju, il-ġid tal-art ġej minn Alla u huwa propjetà ta’ Alla, u l-bnedmin huma biss amministraturi. Għalhekk min mhux solidali mal-fqir, huwa ħalliel.

Il-kliem ta’ San Ġwann Kriżostmu jinfed bħal xabla b’żewġt ixfar: “Trid tagħti ġieħ lill-ġisem ta’ Kristu? Tonorahx hawn fil-knisja bil-ħwejjeġ tas-satin, meta mbagħad qiegħed isofri hemm barra bil-ksieħ u l-għera. Dan ma jfissirx li ma għandniex inżejnu l-knisja, imma hemm bżonn li qabel dan, nagħmlu l-karità. X’vantaġġ jista’ jieħu Kristu jekk il-mejda tas-sagrifiċċju hija miksija b’oġġetti tad-deheb, meta mbagħad hu qiegħed imut fil-persuna tal-fqir? Kif tista’ lil Kristu toffrilu kalċi tad-deheb u ma toffrilux [fil-fqir] tazza bl-ilma? Kristu huwa dak li qed jiġġerra u ma għandux saqaf fejn jistrieħ. Inti tirrifjuta li tilqgħu bħala pellegrin [immigrant!], imbagħad iżżejjen il-paviment, il-ħitan, il-kolonni tal-bini qaddis! Ngħid dan mhux biex ma żżejnux il-knisja, imma biex neżortakom ħalli ma’ dawn tagħmlu l-elemożina, jew aħjar biex l-għajnuna lill-foqra tiġi qabel dan”.

Il-Papa Franġisku f’omelija li għamel f’Lulju li għadda jgħidilna li “il-meditazzjoni, is-sawm u l-penitenza ma humiex biżżejjed biex naslu għand Alla. Huma biss l-għemejjel tal-ħniena li jmissu mal-ġisem li jippermettulna mmissu l-pjagi ta’ Kristu”.

Kliem bħal dan tas-Santi Padri għandu ħafna x’jgħidilna lilna, kemm individwalment u kemm bħala Knisja lokali!

Kultura li twarrab lill-foqra
Hija ħasra li qed ngħixu f’kultura tal-gidba li trid tiċħad jew taħbi l-faqar. Hija sfortuna li llum aktar nagħtu kas tar-reati li jagħmlu l-foqra (ngħidu aħna jekk fqir jisraq biex jiekol, jekk ma jħallasx it-taxxa, jekk ma jwassalx biex iħallas is-self mal-bank, jekk jasal f’pajjiżna mingħajr dokumenti, u l-bqija), milli tat-tbatija tagħhom. Il-foqra qegħdin jikkrepaw fis-satra ta’ djarhom jekk mhux ukoll fil-beraħ, imma s-soċjetà tosservahom biss meta dawn jiksru l-liġi. Donnu l-istess faqar sar delitt.

Imma fid-duttrina tal-Knisja r-reat huwa attribwit lil min qiegħed komdu. Min għandu l-mezzi u jżommhom għalih qiegħed jisraq għax qiegħed iżomm dak li mhux tiegħu. Mhux il-fqir għandu għaliex jistħi, imma min għandu l-ġid u jibqa’ bil-ponn ta’ jdejh magħluq għandu għalfejn jistħi. Ma humiex l-immigranti li qed jisirqu jew li għandhom għaliex iħossuhom inferjuri, imma hija l-Ewropa ta’ Kajin li għandha tbaxxi rasha bil-mistħija għaliex qed tattribwixxi umanità inferjuri lill-fqir.

Fil-festa tal-Bambina nfakkru wkoll ir-rebħa fuq il-qawwa tal-Mislem fl-Assedju l-Kbir. Ħasra li frott dik l-esperjenza fadlilna ċerti traċċi negattivi li jfixklu l-ħarsa tagħna lejn kategorija partikulari fost il-foqra – l-immigranti u r-refuġjati li qed jaslu mill-Afrika. Għadna nibżgħu minn dawk ta’ ġilda samra tant li għandna l-espressjoni “ikrah daqs Tork”. Għadna ppreġudikati bil-kbir kontra l-Islam u ma ntabħniex li ħamsin sena ilu l-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ “lil kulħadd biex jinsa l-imgħoddi u jħabrek bil-qalb biex l-Insara u l-Musulmani jifhmu iżjed lil xulxin u flimkien jiddefendu u jġibu ’l quddiem għall-ġid tal-bnedmin kollha l-ġustizzja soċjali, il-valuri morali, il-paċi u l-libertà” (Nostra Ætate, 3). F’dan l-ispirtu kemm il-Papa Benedittu XVI u kemm il-Papa Franġisku sejħu lill-Musulmani “ħutna”.

Fid-dawl ta’ din il-meditazzjoni mnebbħa minn Marija Bambina dwar il-faqar…
Għandi kelma ta’ kuraġġ lilkom il-foqra. Għalkemm għandna nikkumbattu l-kawżi li qed joħolqu l-faqar, huwa fatt li Alla jaf jinqeda bil-faqar tagħkom biex juri l-glorja tiegħu. F’ċertu sens intom il-foqra intom il-profeti li f’dinja materjalista tgħinu lis-soċjetà tagħraf x’inhu l-meħtieġ għall-ħajja.

Għandi appell lill-Knisja tagħna biex ma tibżax tkompli xxandar il-karità u l-ġustizzja favur il-foqra, anki jekk fostna hemm min ma jifhimnix. Fi kliem l-Isqof Oscar Romero, “nifraħ li l-Knisja tagħna hija ppersegwitata propju minħabba l-azzjoni tagħha favur il-foqra”.

Għandi kelma ta’ apprezzament lejn il-Knisja tagħna li għandha storja sabiħa ta’ ġenerożità mal-foqra. Insemmi biss it-tliet istituzzjonijiet li għandna bħalissa – Dar l-Arka, l-Oasi, u Dar Ġużeppa Debono – kif ukoll l-offerti kbar li jsiru lill-Knisja fil-Missjoni. Nixtieq li dawn l-opri jiġu sostnuti kif ukoll li nkomplu noħolmu u nikkoperaw flimkien biex anki llum il-Knisja tagħna tibqa’ tagħmel dmirha lejn il-foqra l-ġodda.

Fuq kollox għandi kelma ta’ tifħir u gratitudni lejkom il-komunità parrokkjali tax-Xagħra, li wkoll għandkom tradizzjoni ta’ qalb kbira mal-foqra. Biżżejjed insemmi l-għotjiet ta’ karità li tagħmlu kull meta jkun hemm bżonn. Imma din is-sena, fl-okkażjoni tal-erbgħin anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Bambina, inqdejtu bil-preżenza tal-E.T. Mons. Joe Bonello OFM, Isqof ta’ Juticalpa fil-Ħonduras, biex hekk seħibtu magħkom lil din il-Knisja fqira. Jekk erbgħin sena ilu lill-Madonna poġġejtulha fuq rasha kuruna ta’ deheb u ħaġar prezzjuż, din is-sena ftakartu fil-foqra tal-Ħonduras li huma “il-laħam ta’ Kristu”.