Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech fil-festa tal-Madonna ta’ Loretu


Il-Poplu t’Alla għandu l-esperjenza migratorja fid-DNA tiegħu

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt il-quddiesa tal-festa tal-Madonna ta’ Loretu, f’Ghajnsielem, li saret dalgħodu (1 ta’ Settembru 2013)

“Is-soċjeta tagħna f’dawn l-aħħar snin qed ikollha taffronta l-fatt li mijiet ta’ immigranti rregolari li jaslu fuq ix-xtut tagħna. In-numru ta’ dawk li waslu fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien d-doppju ta’ dawk li waslu fl-istess żmien is-sena l-oħra (600). Wieħed jifhem għaliex dan il-fenomenu kien u għadu suġġett ta’ ħafna diskussjoni: il-presenza qawwija tal-immigranti mhux biss ħolqot bżonnijiet materjali ġodda imma ġabet magħha ukoll xokk soċjali u kulturali. Għalhekk hija meħtieġa aktar riflessjoni matura dwar kif għandna ngħixu bil-galbu dan il-mument storiku.

Dan il-fenomenu immigratorju jolqot ukoll lilna bħala Knisja. Għalkemm kemm il-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja kif ukoll iċ-Ċentru tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati għamlu u qed jagħmlu ħafna b’risq din il-kawza umanitarja, jibqa’ l-fatt li fadlilna ħafna passi x’nagħmlu kemm biex nadottaw ħidma pastorali mal-immigranti kif ukoll biex nedukaw il-qalb ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li qed ikollhom jgħixu f’din is-sitwaqzzjoni soċjali ġdida. Ukoll għalina bħala Knisja f’pajjizna, il-mewġa tal-immigrazzjoni rregulari kienet xokk reliġjuż qawwi. Ħafna minna l-insara għadhom ma ntebħux li l-presenża tal-immigranti irregulari tista’ tkun mument ta’ grazzja għalina daqskemm għalihom. Huwa fatt li l-attenzjoni tagħna l-insara lejn dawn l-immigranti rregulari għadha tkun imbuttata mhux tant minn motivi umanitarji daqskemm minn raġunijiet ta’ fidi mdawla mill-Kelma t’Alla.

Illum ilkoll nafu li l-Knisja hija l-“Poplu ta’Alla”, imma mbagħad mhux kulħadd jaf li bħala “Poplu ta’Alla” aħna għandna storja miżgħuda b’esperjenzi ta’ immigrazzjoni, xi drabi anke rregulari! Bħala Poplu ta’Alla, aħna poplu ta’ emigranti u immigranti. Infatti l-poplu l-magħżul jaf l-bidu tiegħu lil wieħed immigrant: “Missieri (Abraham) kien minn Aram, jiġġerra minn post għall-ieħor; imbagħad niżel fl-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien fil-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġiżżjani ħaqruna. għakksuna u għabbewna b’xogħol iebes, imma aħna għajjatna lil Alla ta’missierijietna u l-Mulej sema’ l-għajta tagħna” (Dt.25,5-7). L-istorja tal-Poplu t’Alla hija storja ta’ emigrazzjoni, immigrazzjoni u saħansitra deportazzjoni! Infatti għal darbtejn ġarrab l-esperjenza tal-eżilju – fl-Eġittu u fil-Babilonja. It-tbatija u l-moħqrija li l-poplu t’Alla ġarrab fl-eżilju waslet lill-awtur tal-Ktieb tal-Għerf jikteb hekk: “Huma (l-Eġiżżjani) batew kif kien ħaqqhom, għal dnubiethom, għax wrew mibgħeda mill-eqqel lejn il-barranin” (19,13).

Din l-esperjenza bħala “barranin” f’art barranija tant kienet fundamentali fil-memorja tal-Lhud, li ħalliet marka qawwija kemm fl-imġieba tagħhom mal-barranin kif ukoll fil-liġijiet li kellhom. Infatti fid-Dewterenomju naqraw hekk:

“Meta tkun taħsad ir-raba u tinsa warajk xi qatta fl-għalqa, terġax lura biex tiġborha, imma ħalliha hemm għall-barrani, għall-iltim u għall-armla, biex ibierkek il-Mulej Alla tiegħek … u meta tfarfar iż-żebbuġ tiegħek, la tlaqqatx li jibqa’ fil-friegħi, ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. Meta tiġbor il-għeneb mid-dwieli tiegħek, la tiġborx li jifdal warajk, imma ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. Ftakar li inti kont ilsir fl-Eġittu għalhekk jien qiegħed nordnalek dan” (Dt 24, 19-22).

U fil-Ktieb tal-Levitiku, il-Kelma t’Alla tgħidilna hekk: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux; ikun għalik il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu intom fl-art tal-Eġittu. Jien hu l-Mulej Alla tagħkom” (19, 33-34).

Għall-Poplu ta’Alla tant kienet regola tad-deheb li joffri ospitalità lill-barrani, illi lanqas ma kien jeskluduh mit-tempju, anke jekk dan kien ikun ta’ twemmin ieħor. F’dan is-sens hija indikattiva ħafna t-talba li Salamun jagħmel lil Alla fl-okkażżjoni tad-dedikazzjoni tat-tempju ta’ Ġerusalemm: “Anke l-barrani,li mhux mill-poplu tiegħek ta’ Iżrael, meta jiġi minn art imbiegħda u jitlob f’dan it-tempju, isemgħu mis-sema li hi għamartek u għamel kull ma jitolbok” (1Re, 18,41-42).

Fid-dawl ta’ din il-viżjoni biblika tal-immigrant, il-Poplu ta’Alla silet linji ta’ spiritwalità. Infatti fis-Salm 23 naqraw: “tal-Mulej hija l-art u kull ma fiha, u d-dinja u kull min jgħix fiha”. Ladarba kull min jgħix fuq l-art huwa tal-Mulej, ħadd ma huwa “barrani” u għalhekk il-barrani ma jistax jiġi maqtugħ mill-komunità tal-Poplu ta’Alla u għandu d-dritt li jgawdi mill-frott tal-art. F’dan il-kuntest, meta l-barrani jasal f’art differenti minn pajjizu, dan ma jkunx jinvadi fuq art ta’ ħaddieħor, imma jkun wasal f’art li hija tiegħu ukoll! Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, huwa dmir tal-popli kollha li jaqsmu mal-barrani “il-mejda tal-ħolqien”. Fuq din il-mejda hemm mhux biss il-ġid materjali imma ukoll il-ġid edukattiv, kulturali, xjentifiku, teknoloġiku u artistiku!

Ġesù Kristu, li reġa ġabarna f’poplu ġdid t’Alla, ġarrab huwa nnifsu din l-esperjenza tal-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni. Meta l-Iben t’Alla sar bniedem, huwa ħareġ minn “ħdan” il-Missier biex daħal fi “ħdan” l-umanità. San Ġwann fl-Evanġelju jgħidilna li Ġesù “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (1,11). Il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù għaddieha jiġġerra minn reġjun għall-ieħor tant li ma “kellux fejn imid rasu”.

Ġesù mhux biss kien “barrani”, imma kien attent biex japprezza t-tajjeb li hemm f’min kien ġej minn kultura u reliġjon differenti. Infatti huwa jfaħħar lil Naman tas-Sirja li fejjaq lil profeta Elizew u lill-armla ta’ Serafta ta’ Sidon li laqgħet lill-profeta Elija – kemm Naman kif ukoll l-armla ta’ Serafta t-tnejn kienu barranin! Ġesù jgħid li f’Iżrael kollu ma sabx fidi ikbar minn taċ-Ċentirjun Ruman (Lk 7, 1-10)! U l-istqarrija li Kristu huwa l-Iben t’Alla ma ssirx minn nies tat-tempju ta’ Ġerusalemm, imma minn Ċenturjun Ruman ieħor fuq il-Kalvarju.

Ħassjet li kelli nsemmi f’dawn l’esperjenzi bibliċi biex niftakru li aħna bħala poplu t’Alla llum għandna l-esperjenza migratorja fid-DNA tagħna! Għalhekk il-fidi tagħna tgħinna dwar kif nittrattaw mal-immigranti rregulari. Dak li jħassibni huwa li dwar ċerti suġġetti huwa faċli għalina li nsaħħu l-argument bil-Kelma ta’Alla, imbagħad ma nirrealizzawx li l-istess Kelma ta’ Alla tkellemna b’daqshekk qawwa dwar dan il-fenomenu tal-immigrazzjoni. Din hija sfida u opportunità mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin imma għall-Ewropa kollha – għalhekk għandna bżonn ta’ politika ewropea serja ta’ kif ser nilqgħu lill-barranin.

Għandhom jibqgħu jidwu f’qalbna l-kliem li Papa Franġisku qal f’Lampedusa. Min hu responsabli għall-mewt ta’ tant persuni li bit-tama li jibdew ħajja ġdida jippruvaw jaqsmu l-Meditteran imma ma jaslux fid-destinazzjoni għax jgħerqu? Min beka ma’ l-ommijiet ta’ dawn l-immigranti li telqu minn pajjizhom biex forsi jkunu jistgħu jaqgħelu l-għixien għalihom u għall-familja tagħhom?

Aħna l-insara għandna dejn ma’ din is-soċjetà, li kif jgħid il-Papa, qed tgħix f’bużżieqa tas-sapun – bużżieqa sabieħa imma vojta: li nwaslulha l-messaġġ ta’ tama u solidarjetà fattiva mall-barranin, kif imnebħin mill-fidi tagħna.

Proprju din il-ġimgħa saret l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni djoċesana li waqqaft dan l-aħħar bil-għan li tgħinna bħala Knisja nagħtu s-sehem tagħna f’dan il-waqt storiku ta’ pajjiżna. Jien tlabt li din il-Kummissjoni, immexxija minn Dun Manwel Cordina, biex fi żmien xaharejn tippreżenta relazzjoni. Għandi tama qawwija li bil-kollaborazzjoni ta’ ħafna minnkom, flimkien inkomplu nagħtu tweġiba evanġelika quddiem din l-esperjenza”.

____________________________