Fomm il-kaxxa tal-ittri


Jiġi jwassalni u joħodni l-isptar tal-onkoloġija. Il-kumpanija tiegħu hi waħda minn dawk li lili tagħmilli ħafna u ħafna ġid. U, waqt waħda mit-tant diskussjonijiet li jinbtu bejnietna, bħalma jinbet il-faqqiegħ, faqqa’ is-suġġett: fomm il-kaxxa tal-ittri!

Dan suġġett vast! weġibtu fil-pront jien. It-tnejn li aħna dħaknieha l-biċċa. U jien, biex ngħid is-sewwa, ma kontx naf eżattament kemm hu tabilħaqq profond dan is-suġġett li din il-frażi kienet qed tintroduċini għaliha. Iżda, għalkemm kelli fehma mċajpra tal-ħaġa, stajt nara kemm tabilħaqq ir-rejaltà kienet f’dan il-kumment li tani l-Mulej.

L-għaliex x’inhu fomm il-kaxxa tal-ittri? Hawnhekk ma nistax ma niftakarx f’orrur li kien seħħ fil-candid camera li kienet seħħet fir-Russja meta żgħażugħ inħeba f’kaxxa tal-ittri u, b’ċajta, kien qiegħed jimblokkahom milli jidħlu ġewwa fiha. Nafu kif spiċċat l-istorja. Ir-raġel b’naqra xahar mill-ewwel ħareġ ir-revolver mill-but u pum, pum, pum, u reġa ittawwal ħa jara jekk laqatx sewwa, u ġiebet l-aħħar pum! X’orrur ta’ storja għal dak iż-żgħażugħ Russu li ried jagħmel ċajta! Daqshekk ħasibha x-xiħ ħej b’naqra xagħar!

Il-fomm tal-kaxxa tal-ittri jista’ jkun faċilment fommi u fommok. Li, minnu, min jaf kemm joħroġu affarijiet! Qatt irrejalizzajt ftit kemm dan fommna jiġi mitmugħ b’informazzjoni kemm minbarra u anki minn ġewwa? Abbli ftit nintebħu li kull informazzjoni li nirċievu minn barra, hijiex mill-internet inkella minn xi gazzetta jew ktieb, jew inkella sempliċiment minn diskursata nteressanti jew tedjanti, dejjem għandha marbuta magħha l-interpretazzjoni li tingħatalha. Min jinterpretaha mod u min ieħor.

Imbagħad hemm l-informazzjoni ta’ ġewwa fina. Li tiddependi immens mill-esperjenzi li nkunu ġarrabna b’idejna stess jew inkella għaddewna minnhom dawk ta’ madwarna. U ġieli anki aħbar ċkejkna taf tiftaħna għall-oċejan ta’ interpretazzjonijiet differenti li hemm jgħumu jew jinbtu fina. Ġieli dawn l-interpetazzjonijiet jiġu bil-mod il-mod. U ġieli jiġu qishom xi tsunami għal fuqna! Ajma! L-aktar jekk inkunu f’xi dagħdiegħa jew saħna ta’ argument! Imma jiġru ħbieb! U jagħmlu xogħolhom ukoll!

Għalhekk, dak il-fomm tal-kaxxa tal-ittri, li huwa fommna stess, irid joqgħod b’seba’ mitt għajn ta’ x’jgħid u ma jgħidx. U kemm jgħid u kif jgħid. U f’liema ċirkustanza jgħid dak li jgħid. Għax ittri qed jirċievi! Messaġġi fuq il-whats App jew mobile. U, wisq u wisq aktar, Facebook! U int għidli ftit min illum ma jidħolx xi naqra u jbill subgħajh f’dan il-fonti enormi ta’ informazzjoni? Ibda’ b’dik impersonali għall-aħħar u spiċċa f’dik mhux biss personali imma personalissma? Tant li, uħud, qabel ikunu se jagħmlu xi ħaġa, biex ma ngħidhiex għala Maltija, arahom jippowstjaw fuq Facebook x’se jkunu se jagħmlu. Imbagħad noqgħod ingorr jew aħjar, nagħmel plejtu sħiħ, l-għaliex daħluli d-dar u qalbuhieli ta’ taħt fuq! Jekk jien qgħadt nikxef ma’ kulħadd fejn sejjer u sejra? Mhux ovvja li lil ħutna l-ħallelin bgħattilhom friend request tad-djamanti biex jiġu u jżuru s-show room tiegħek? Sintendi, barra l-ħinijiet tal-uffiċċju?

Dan il-fomm għandu ħabta jgiddeb l-ittri li jirċievi anki jekk jħallihom jiżżerżqu fl-istonku tiegħu. U jagħmel hekk biex ma jiġix f’xebgħa inkwiet! Għax jaf li, anki jekk hu tal-metall, xorta waħda kull persuna għandha d-dritt tal-espressjoni. Għalkemm dak li tgħid jew tikteb mhux dejjem iġorr miegħu d-dinjità ta’ opinjoni. L-aktar jekk tkun pura fantasija u xejn aktar! U mimlija kalunji fuq ħaddieħor! Għalhekk, attenti għeżież ħuti ġurnalisti l-għaliex mhux kull min tqabbdulu l-mikrofonu ma’ ħalqu jista’ jgħid li qed jagħmel servizz lill-midja u lill-intelliġenza tat-telespettaturi. U, fuq kollox, lill-verità. Hawn ruxxmata li kliem l-għawġ joħroġ minn fommhom (Prov 24:2). Id-differenza tkun li jew jlissnuh bi tbissima falza tal-foloz inkella li joqgħodu ħafna biki tal-kukkudrilli. U, fil-fatt, il-kukkudrilli ma jkunux f’ħabba min jgħidu li ikunu qiegħdin jibku iżda huma stess!

Għalhekk dan iwassalni għall-punt li fomm l-awtorità, kemm jekk dik li tirrappreżenta lil Ċesari u, b’mod speċjali, dik li tirrappreżenta lil Dak li qal: Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14:6) u l-verità teħliskom (Ġw 8:32), għandha jkollha fommha bil-għaqal u li jħajjar għall-għaqal. Għax fommha ma jistax jitkerrah u jisfigura ruħu l-għaliex jinġibed lejn naħa waħda billi jisma’ qanpiena waħda u ma jagħtix ċans li hu ċans il-parti l-oħra milli tiddefendi ruħha. Inkella jkun qed ipinġi u jagħmel inġustizzja tal-inġustizzji mal-Awtorità tal-awtoritajiet, li lejha ġurnata għad trid tagħti kont. U ejjew ma ninsewx li, l-Awtorità tal-awtoritajiet tqis bħala uliedha kemm min tawh iċ-ċans li jitħaddet u jiddefendi ruħu u anki min, b’mod pulit pulit u bla ħniena u qalb ta’ xejn, għalqulu ħalqu u żammewh milli jitkellem.

U hemm hu fomm il-kaxxa tal-ittri. Li dejjem b’ħalqu miftuħ biex jisma’. U mhux wara dak il-fomm hemm xedaq snien lesti biex jigdmu u jċarrtu. B’nejba akbar u ħafna aktar penetranti minn dik li tħokk magħha. Le! Il-fomm qiegħed hemm mhux biex jigdem u jċarrat l-għaliex minn naħa jmelles u minn l-oħra jballat left, right and centre! Il-fomm qiegħed hemm biex jinseġ il-verità li teħles għax tinkludi lil kulħadd u ma teskludi taħt l-ebda mod u skuża lil xi ħadd.

U f’każ li l-fomm jiżloq m’għandhiex tkun problema! Ħa jerġa’ lura, b’umiltà, għall-Ittra tal-ittri, l-Ittra tal-Kelma ta’ Alla! Għax, f’din l-Ittra, hemm l-edukazzjoni tal-fomm li, għax xi kultant iħalli minn jgħawwih għal dawk jew għall-oħrajn, jaf jaqbad triq li twasslu għad-destinazzjoni għalġolħajt.com! U min minna jrid jispiċċa għal ġolħajt.com? Fomm kburi li jaħseb li jaf kollox għandu l-kapaċità traġika li joħodha kontra tiegħu nnifsu bil-kliem li joħroġ minn ħalqu!

Isa fomm! Imħabba żomm! U jalla s-sabar lilek idomm! U hekk ma tibqax aktar il-macho matnazz. Li kollox jaqflek bħal katnazz! Imma kun raġel u mara tal-Mulej! Qis kliemek u għemilek fi żmien ta’ issa u li ġej! Jekk ma tridx li tispiċċa … fix-xejn!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.