Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-Konferenza Djoċesana dwar il-Mara


Messaġġ fl-okkażjoni tal-Konferenza Djoċesana dwar il-Mara
Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex
Il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014

Filwaqt li nifraħ lill-Azzjoni Kattolika (Għawdex) għal din il-Konferenza dwar Il-mara fis-soċjetà li qed issir illum, insellem lill-parteċipanti.

Is-suġġett li sejrin tiddiskutu dwaru, Qalb tħabbat fis-soċjetà, huwa tassew attwali, għaliex l-esperjenza tixhed li fejn il-mara offriet is-sehem speċifiku tagħha fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja, kien hemm akkwisti kbar. Mingħajr dubju, propju bil-qawwa affettiva tagħha l-mara tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna. Fil-fatt ma tridx wisq biex tintebaħ bin-nuqqas tal-preżenza diretta jew indiretta tal-mara fil-ħajja tal-bniedem: normalment meta l-ġenju femminili huwa assenti, peress li tkun qed tiġi ttraskurata dimensjoni importanti fil-ħajja tagħna l-bnedmin, jaf ikun hemm diżordni sħiħ – ma jkunx hemm biss taħwid materjali imma wkoll emozzjonali, affettiv u spiritwali.

Minħabba dan il-vojt emozzjonali, affettiv u spiritwali, jitħarbtu wkoll ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. U meta r-relazzjonijiet interpersonali jiftaqru, tant jaqa’ dlam fuq għajnejna u l-ħajja ssir tqila, li kollox jorħos, anki l-istess ħajja umana.

Għalhekk inħeġġiġkom biex tkunu promuturi tal-ħajja. Iżżommux lura milli tħallu lil qalbkom tmexxikom, biex meta jkun il-waqt tlissnu kelma jew tieħdu azzjoni ħalli twaqqfu mill-ġdid dak l-ordni emozzjonali, affettiv u spiritwali li jkun ixxellef. Hekk tkunu tagħtu sehemkom biex il-ħajja tkun rispettata u dawk ir-relazzjonijiet miksura jerġgħu jitwaqqfu.

Bl-interċessjoni tal-Madonna, nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom u l-familji tagħkom.

Illum, 6 ta’ Ġunju 2014.

Mario Grech
Isqof ta’Għawdex