Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Għoti tal-Akkolitat


Omelija fil-Quddiesa tal-Għoti tal-Akkolitat
Bażilika tal-Viżitazzjoni, l-Għarb
Il-Ħadd 14 ta’ Diċembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KNISJA LI TQANQAL IL-MISTOQSIJIET

Bl-istil tal-ħajja li kellu kif ukoll bid-diskorsi li kien jagħmel, Ġwanni l-Battista kien iqajjem ħafna mistoqsijiet fil-moħħ u l-qalb tan-nies. Kliemu u għemilu kienu jċaqalqu l-kuxjenzi tal-ħafna. Għalhekk min kien josservah jew jisimgħu ma kienx jista’ joqgħod bi kwietu u allura kien jinterrogah: Inti min int? Inti l-Messija, Elija jew il-profeta?

Quddiem din ir-realtà nixtieq nirriflettu dwar jekk is-soċjetà ta’ żmienna hix qed tagħmel mistoqsijiet bis-sens lilna l-Insara, kemm bħala individwi u kemm bħala komunità ekkleżjali.

Huwa minnu li fis-soċjetà hemm min huwa indifferenti jew ma jimpurtahx minna l-Insara; imma jista’ jkun ukoll li l-mistoqsijiet huma nieqsa għaliex aħna m’aħniex nistimulawhom. Fil-fatt jekk kliemna hu nieqes minn dak li huwa speċifikament Kristjan u għalhekk ma jintgħażilx mill-bqija tal-kliem mitkellem mid-dinja, bir-raġun ma naslux biex nimmotivaw lil min jistaqsina. Kif nistgħu nqanqlu mistoqsijiet jekk l-għażliet tagħna l-Insara aktar għandhom mill-ispirtu tad-dinja milli mill-ispirtu tal-Vanġelu! Meta nimxu mal-kurrent u nadattaw modi ta’ ħajja skont il-mainstream tas-soċjetà, aħna nkunu tlifna dak li jiddistingwina bħala dixxipli ta’ Kristu. Nafu li meta l-melħ jitlef it-togħma tiegħu, ma jiswa għal xejn aktar (ara Mt 5:13); meta l-inbid jinfaqa’ bl-ilma, jitlef il-qawwa u jintrema. Hemm ir-riskju li “ninfaqgħu bl-ilma”, nitilfu t-togħma karka tal-ħwejjeġ ġodda li ġejja mill-Mulej u mill-Ispirtu s-Santu. Suppost ikun bil-maqlub: il-qawwa tal-Vanġelu fina tista’ tibdel il-kriterji ta’ ġudizzju, il-valuri li jiddeterminaw, il-punti ta’ interess, il-linji tal-ħsieb, l-għejun ta’ ispirazzjoni u l-mudelli tal-ħajja. Inħoss li huwa urġenti li individwalment, imma aktar u aktar bħala kominutajiet parrokkjali, nistaqsu x’qed jiġri biex ma aħniex innisslu fl-oħrajn kurżità li tagħmel id-domandi. Ma neskludix li l-għażliet li qed nagħmlu u l-proġetti li għandna ma humiex jirriflettu biżżejjed l-essenza tal-Vanġelu.

Imma mbagħad hemm drabi oħra meta s-soċjetà tagħmel ċerti mistoqsijiet lill-Knisja li kieku ma nixtieqx li nagħtu l-okkażjoni li dawn isiru. Qed nirreferi għal dawk id-domandi li jsiru meta xi ħadd minna l-Insara jagħti skandlu bl-imġiba tiegħu. Bir-raġun is-soċjetà donnha tistenna li aktar ma persuna jkollha responsabbiltà fil-Knisja, aktar trid tkun accountable f’dak li għandu x’jaqsam ma’ twemminha. Hija ħasra li ċertu kliem u ċerta mġiba tagħna tant ikunu jikkuntrastaw mal-Vanġelu, illi jkun hemm min jitfixkel minħabba fina. Id-dinja, anki dik sekularizzata u lajċista, ma tittollerax li aħna l-Insara ma nkunx konsistenti f’dak li nistqarru. Għalhekk importanti li noqogħdu attenti biex ma nagħtux lok għal mistoqsijiet ta’ din ix-xorta.

Għall-kuntrarju, bħal fil-każ ta’ Ġwanni l-Battista, trid tkun ix-xhieda tagħna ta’ fidi awtentika li verament timbotta lill-oħrajn biex jistaqsuna għaliex nagħżlu li nitkellmu mod u mhux ieħor jew nagħmlu ċerti għażliet u mhux oħrajn. Kif jgħid San Pietru, irridu nkunu lesti biex nagħtu tweġiba lil min jitlobna l-għala tat-tama tagħna (ara 1 Pt 3:15). Nixtieq niltaqa’ ma’ xi ħadd li jistaqsini għaliex aħna daqshekk boloh li naslu biex naħfru lil min iweġġagħna. Ikun ħafna f’postu jekk xi ħadd jistaqsina għaliex aħna ma naċċettawx li nirrikorru għall-metodi artifiċjali tat-tnissil tal-ħajja. Min jista’ jkejjel ix-xhieda ta’ dik il-mara miżżewġa li minkejja li żewġha jkun infidil lejha, taħfirlu u tibqa’ tħobbu! Huma dawn l-għażliet u oħrajn bħalhom li verament jistgħu jqanqlu mistoqsijiet profondi fil-moħħ u l-qalb tal-oħrajn. Anki l-għażliet li tagħmel il-komunità, partikularment dawk fil-qasam tal-karità, iridu jkunu aktar azzardati biex permezz tagħhom nibagħtu messaġġ ċar li aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Quddiemna għandna żagħżugħ li ser jirċievi l-ministeru tal-Akkolitat bħala parti mill-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. Nemmen li d-disponibbiltà ta’ dan iż-żagħżugħ biex ikun saċerdot ukoll taf tqajjem mistoqsijiet. Ħafna minn sħabu llum huma gradwati, ħadu l-professjoni tagħhom u għandhom futur. Kieku ried jagħmel karriera u jgeddes il-ġid, dan iż-żagħżugħ kellu l-ħiliet tiegħu; imma għażel li jħalli kollox biex jimxi wara Kristu fqir, safi u ubbidjenti. Min ma għandux fidi, jasal biex jgħid li b’dan il-mod dan iż-żagħżugħ qed jaħli ħajtu; imma aħna li nħobbu lil Kristu u lill-Knisja tiegħU, aħna konvinti li hu sab grazzja quddiem Alla.

Għażiż Massimo, permezz ta’ dan il-ministeru li l-Knisja llum qed tafdalek inti ser tkun tista’ taqdi lis-saċerdot fuq l-altar. Skont it-twemmin tagħna, kemm is-saċerdot u kemm l-altar jirreferu għal Ġesù Kristu, li huwa kemm is-Saċerdot il-Kbir u l-Vittma. Inħeġġek biex tilqa’ l-grazzja li Alla qed jagħtik illum biex tkompli tikber fix-xebh tiegħek ma’ Ġesù Kristu. Hekk ħajtek tkun rifless tat-tjubija u l-imħabba li għandu Kristu. Filwaqt li nistiednek tgħasses fuqek innifsek biex qatt ma tagħti eżempju ħażin lil ħadd, nawguralek li ħajtek tkun għodda li tnissel għadd ta’ mistoqsijiet fil-moħħ u l-qalb ta’ min qiegħed ifittex lil Alla.