Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl


Omelija fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl
Katidral ta’ Għawdex, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 24 ta’ Diċembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

“NIFRAĦ BID-DGĦUFIJIET TIEGĦI”

Fl-Għar ta’ Betlehem twieldet tarbija li aħna nemmnu li kienet Alla. Nifhem lil min jgħidli li jsib diffikultà biex iniżżel din l-aħbar. Ma nistagħġibx jekk il-bniedem jinfixel quddiem din il-ġrajja tat-Twelid ta’ Ġesù Bambin meta nqis li dan Alla għażel li jitwieled fid-dgħufija umana u f’kundizzjonijiet daqshekk prekarji: f’maxtura, espost għall-elementi, f’post l-annimali. Forsi l-fatt li dan ir-rakkont ilna nisimgħuh sa minn meta konna għadna f’ġuf ommna, huwa rakkont li joqgħod għal widnejna u hekk jitlef il-qawwa tiegħu. Għalhekk nixtieq li llejla nikkontemplaw kif Alla fil-providenza kbira tiegħu, f’dan il-lejl għażel id-dgħufija umana – Huwa għamel tiegħu d-dgħufija tiegħek u tiegħi.

Din il-verità hija tqila fiha nfisha għaliex normalment aħna nassoċċjaw il-manifestazzjoni ta’ Alla ma’ ħwejjeġ straordinarji, grandjużi u solenni wisq aktar minn dehra ta’ tarbija mfisqija u mqiegħda f’maxtura. Imma din il-verità diffiċli titwemmen għax aħna qed ngħixu f’kultura li tipprova taħbi u tiskarta dak li huwa dgħajjef, vulnerabbli, ċkejken. Xi kultant il-kultura ta’ żminijietna saħansitra ma tammettix din id-dgħufija li hija karatteristika eżistenzjali tagħna l-bnedmin. Minflok, is-soċjetà ċċapċap u timbotta ’l quddiem lil dak li huwa b’saħħtu, rebbieħ, kollu suċċessi; imbagħad twarrab u tinjora lil min huwa dgħajjef, tellief, fallut u imperfett.

Dan il-gwaj huwa akbar meta din il-mentalità mhux biss hija mifruxa fil-ħajja soċjali u ċivili, imma wkoll fil-ħajja Kristjana u ekkleżjali. Għaliex kif hemm id-dgħufija umana, hemm ukoll id-dgħufija spiritwali – dan nafu mill-istess esperjenza personali tiegħi u tiegħek. Teżisti d-dgħufija ta’ min irid jimxi wara Kristu, imma mbagħad isib ruħu qed jinqata’ lura minħabba xi żball. Għalhekk peress li l-kultura reliġjuża tagħna hija mdakkra mill-mentalità li ċċapċap lil min huwa spiritwalment b’saħħtu u perfett, miskin hu min huwa spiritwalment vulnerabbli, dgħajjef jew iċċappas bid-dnub! Għaliex hemm min fil-komunità ekkleżjali li persuni bħal dawn jixtieqhom maqtugħa mill-bqija tal-komunità – min għandu widnejn, ħa jisma’!

Imma t-twelid ta’ Alla li sar bniedem f’Betlehem jagħtina lezzjoni. L-ewwel nett inħoss li qed jgħidilna li l-bniedem ma għandux għalfejn jibża’ mid-dgħufija tiegħu. Meta Ġesù sar bniedem bħalna, huwa ried jurina kemm il-bniedem, hu kif inhu, huwa għall-qalb ta’ Alla. Alla l-Ħallieq jaf x’inhi l-għaġna tagħna… jaf li għandna din il-karatteristika innata tad-dgħufija, tal-vulnerabbiltà u tal-imperfezzjoni. Għalhekk, meta Alla qed jassumi n-natura umana, qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna quddiem kull għamla ta’ dgħufija. Meta l-bniedem jaċċetta l-limitazzjonijiet tiegħu fil-ħajja umana, soċjali, tal-familja u spiritwali, dan ma jkunx ifisser li qed jammetti falliment, imma jkun sinċier; għax meta l-bniedem jiċħad din id-dimensjoni dgħajfa tiegħu, huwa jkun qed idaħħal rasu ġewwa r-ramel! Anzi, meta ma naċċettawx li aħna faċli nixxellfu, insiru aktar dgħajfa; imma meta nirrikonoxxu d-dgħufija tagħna, nistgħu ngħixuha b’aktar dinjità u nersqu b’atteġġjament dinjituż lejn min huwa mkisser. Kif tirrimarka Simone Weil, li naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna ma jfissirx li aħna impotenti, imma l-istess limitu jsir opportunità biex inkunu aktar kreattivi. Għalhekk, kuraġġ: bl-Inkarnazzjoni tiegħu, l-Iben ta’ Alla qed jgħidilna li hu jerfa’ fuq spallejh id-dgħufijiet tagħna kollha!

Ġesù Tarbija qed jgħidilna wkoll li bl-Inkarnazzjoni tiegħu huwa għamel lilu nnifsu aktar qrib tagħna, persuni dgħajfa. Il-qrubija ta’ Alla lejn il-bniedem dgħajjef hija l-aħbar it-tajba ta’ dan il-lejl tal-Milied għalina li aħna dgħajfin fil-kliem, fl-emozzjonijiet u fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u ma’ Alla nnifsu. Altru li mhemmx lok għal min jippretendi li jkun macho soċjalment jew spiritwalment. F’dan il-kuntest nifhem lil San Pawl li, wara li sar midħla ta’ Kristu u daq il-grazzja tiegħu, jikteb illi “il-qawwa tiegħu tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef. Għalhekk niftaħar bid-dgħufijiet tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-dgħufijiet tiegħi, għax meta jien dgħajjef, jien qawwi” (2 Kor 12:10).

Għalhekk, bit-twelid tiegħu Ġesù qed jgħid lilna, li aħna vulnerabbli u mċappsin bid-dgħufija anki fil-ħajja spiritwali tagħna, biex “niftaħru” bid-dgħufijiet tagħna (u mhux naħbuhom jew nistħu minħabba fihom!), għaliex il-grazzja li qalgħalna l-Feddej bit-Twelid tiegħu għandha l-qawwa li telimina d-dgħufija jew tgħinna nkomplu ngħixu minkejja d-dgħufija tagħna.

Meta qed nitkellmu fuq id-dgħufijiet, xieraq li nżommu quddiem għajnejna li barra dawk personali u individwali, illum hemm id-dgħufija tal-koppja, tal-gruppi, tas-soċjetà u tal-komunità ekkleżjali. L-eżempji mmissuhom b’idejna fil-ħajja tal-familji tagħna. Imma wkoll quddiem din id-dgħufija kollettiva, ma għandniex naqtgħu qalbna: il-Bxara t-tajba li dehret fostna llum, dik it-tarbija li Marija fisqietha u poġġietha f’maxtura, dan huwa Alla li ġie fostna biex jgħinna ħalli minkejja d-dgħufijiet tagħna u d-dnub tagħna, aħna jirnexxielna nimxu t-triq kollha li għandna quddiemna u lil dak li bħalissa qegħdin naraw xbieha tiegħu, għad narawh wiċċ imb’wiċċ.

Dawn huma l-awguri li f’dan il-Milied nixtieq nagħmel lil kull wieħed u waħda minna, lill-familji, lill-komunitajiet parrokkjali, lis-soċjetà ċivili, imma l-aktar lil dawk li jħossuhom mgħattnin għaliex għandhom tagħfas fuqhom id-dgħufija tagħhom.