Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu


Omelija fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu
Ċelebrazzjoni Djoċesana fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-ĦAJJA KKONSAGRATA FORĊINA GĦALL-FAMILJI

Illum ukoll il-Mulej għadu jsejjaħ lejh lil dawk li jrid (Mk 3:13). Is-sejħat tiegħu huma varji. Peress li qegħdin fis-Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata u ftit ġimgħat ilu kellna s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar dawn iż-żewġ sejħat kbar: il-ħajja kkonsagrata u l-ħajja taż-żwieġ u l-familja.

Hemm rabta bejn dawn iż-żewġ sejħat. It-tnejn huma toroq li jdaħħlu lill-bniedem fil-qalba tal-misteru ta’ Alla. Huma żewġ stejjer interessanti li jkellmuna dwar “il-patt” li Alla waqqaf magħna l-bnedmin permezz ta’ Kristu. It-tnejn huma “parabbola” li tirrakkonta l-ġmiel tal- Imħabba (Ġesù Kristu), għax kemm il-persuni kkonsagrati u kemm il-miżżewġin Insara huma msejħin biex jagħmlu esperjenza tal-imħabba infinita ta’ Alla li dehret fi Kristu. Iż-żewġ vokazzjonijiet inebbħuna kif nistgħu nirreċiprokaw din l-imħabba ta’ Alla għalina permezz ta’ nisġa ta’ relazzjonijiet u ħajja mogħtija għall-oħrajn. Fuq kollox, it-tnejn huma sinjal qawwi biex jgħinna nifhmu r-rabta sponsali li hemm bejn Kristu u l-Knisja. Fil-fatt, San Pawl jgħid li l-imħabba bejn il-miżżewġin hija xbieha tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja (Efes 5:21-33). Anki l-ħajja kkonsagrata għandha din id-dimensjoni ta’ għerusija ma’ Ġesù l-Għarus. Fuq il-mudell tal-Knisja, għarusa li ma tgħaddix mingħajr l-“Għarus” li hu Kristu, il-persuni kkonsagrati jgħixu biss għall-Mulej – jitwaħħdu miegħu għal dejjem. “F’din id-dimensjoni ta’ għerusija li hi ewlenija f’kull ħajja kkonsagrata, il-mara qisha tara l-identità propja tagħha fl-għaqda tagħha mal-Mulej” (Vita consecrata, 34).

Fid-dawl ta’ dan kollu, minn qalbi nħeġġeġ lill-Knisja lokali biex tgħożż ħafna l-ħajja kkonsagrata. Xi kultant nissuspetta li aħna drajna wisq lir-reliġjużi (biex insemmi kategorija waħda mid-diversi forom tal-ħajja kkonsagrata), u meta ħaġa tindara, ma tibqax tiġi apprezzata! Nappella wkoll lilkom, persuni kkonsagrati, għax lanqas intom ma intom meħlusa mit-tentazzjoni li tidraw fil-vokazzjoni tagħkom u għalhekk titilfu l-ħeġġa tas-sejħa u l-kariżma tagħkom. Imma llum nixtieq nagħmel appell lill-istituti ta’ ħajja kkonsagrata biex jgħinuna nsaħħu u nqaddsu l-familji tagħna. Din il-ħtieġa ssemmiet kemm-il darba fl-awla tas-Sinodu li għadda. Qed nagħmel dan l-appell għaliex il-ħajja kkonsagrata hija “nar” li jqabbad diversi ħġejjeġ imma fuq kollox għandu l-ħila jqabbad il-qlub. U aħna nafu kemm fl-istorja tal-imħabba tal-miżżewġin u tal-familji tagħna f’xi waqtiet ikun hemm bżonn minn dan ix-xrar tan-nar tal-ħajja kkonsagrata biex jerġa’ jqabbad il-fukular tal-familja. Għax il-familja wkoll hija ħuġġieġa taqbad, imma ġie li jqum riħ riefnu jitfi dan in-nar. Għax meta dan in-nar tal-imħabba bejn il-miżżewġin jibda jnin, imbagħad jibdew ifaqqgħu s-sajjetti.

Imma hemm raġuni oħra għax qed nitlobkom bil-ħniena biex bil-preżenza tagħkom intom tgħinuna nwieżnu l-familji fil-mixja tagħhom. Għax intom, bis-sejħa u d-don li takom Alla, intom għalina memorja ħajja tal-preżenza u tal-azzjoni ta’ Kristu. Dan huwa li għandha bżonn il-familja: li tiddakkar minn din il-memorja ta’ Kristu li huwa preżenti fostna u l-azzjoni tiegħu hija attiva. Għandna bżonn min ifakkarna li Ġesù qed magħna u għadu jagħmel magħna dak kollu li hu għamel mal-bnedmin meta kien fostna. Meta tqis li l-vokazzjoni tagħkom bħala kkonsagrati taf il-bidu tagħha f’dik l-esperjenza personali li intom kellkom ta’ Ġesù, kunu intom li tikkomunikawlna l-qawwa fejjieda ta’ Kristu. Intom qbadtu t-triq tal-ħajja kkonsagrata għax fuqkom straħet il-ħarsa ħelwa ta’ Kristu. Intom tipperseveraw fis-sejħa tagħhom jekk tirreċiprokaw din il-ħarsa billi tiffissaw ħarsitkom fuqu. Dan hu s-sigriet tal-ħajja kkonsagrata! B’għajnejkom f’ta’ xulxin intom tibdew taraw bil-ħarsa ta’ Kristu. Għinu lill-Knisja biex hi wkoll tikseb il-ħarsa ta’ Kristu biex tkun tista’ taqra l-ġrajjiet li jseħħu madwarha bl-għajnejn ta’ Kristu, inklużi l-ġrajjiet tal-familja. Il-familji tagħna jeħtieġu din il-ħarsa kollha mogħdrija. Irridu ngħinuhom jikbru fil-konvinzjoni li Kristu, permezz tal-Knisja, qatt ma ser jegħja jindukrahom bil-ħarsa tiegħu, anki jekk l-istorja tagħhom hija waħda kerha jew maħmuġa. Iva, Kristu għandu għal qalbu l-istorja ta’ kull persuna u kull familja – sew dawk tajbin u sew dawk inqas tajbin. Aħna bħala Knisja għandna bżonn niksbu din il-ħarsa ta’ Ġesù u nħarsu lejn l-esperjenza tal-imħabba li qed jagħmel il-bniedem, bl-istess kura, imħabba u attenzjoni li kien juri Ġesù.

It-tradizzjoni tal-istituti tal-ħajja kkonsagrata, partikularment dik tal-istituti reliġjużi, hija mmarkata bl-attenzjoni tal-persuni kkonsagrati lejn il-foqra. Ma hawn ebda istitut ta’ ħajja kkonsagrata li ma għandux għal qalbu lil dawk li, għax huma feruti, qed jgħixu fil-ġenb tas-soċjetà. Fost dawn hemm għadd ta’ familji. Illum għandna familji li huma foqra mhux biss materjalment, imma wkoll fl-affettività, fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u fil-ħajja spiritwali tagħhom. Il-karba kiebja ta’ dawn tasal f’widnejn ir-ragħajja. Meta wieħed iqis li dawn it-tallaba ta’ żmienna qed iħabbtu fuq il-bibien tal-knejjes u l-kunventi tagħna, ma jistax ikun li l-komunità ekkleżjali ma tagħmilx l-għażla favur il-fqir, għax jekk il-bieb tagħna jibqa’ magħluq għalihom, Alla jaf jiftħilhom beraħ il-bieb tiegħu. Għalhekk neżortakom, persuni kkonsagrati, tgħinu lill-komunità Nisranija tilqa’ lil dawn il-familji foqra, jiġifieri lil dawk li l-imħabba tagħhom sfat feruta, dawk li ħajjithom inbidlet f’traġedja, dawk li għamlu żball u llum huma sogħbiena imma jinsabu f’qagħda irreversibbli. Meta nakkumpanjaw u ngħinu lil dawn il-persuni u koppji, aħna noffrulhom il-wens ta’ Alla, ngħinuhom jagħmlu l-qalb u jissuktaw ifittxu s-sewwa ta’ Alla.

Sa miż-żminijiet imbiegħda tal-monakiżmu, waħda mir-regoli tad-deheb tal-ħajja kkonsagrata kienet u għadha d-direzzjoni spiritwali. Permezz ta’ din l-għajnuna, il-bniedem ta’ Alla jgħarbel xi jkun qed jiġri f’qalbu u jfittex jagħżel bejn dak li jkun tassew ġej minn Alla u dak li jkun ġej minnu nnifsu. Bl-għajnuna tad-direttur jew direttriċi spiritwali, hu jipprova jifhem il-konsolazzjonijiet u d-delużjonijiet li jkollu f’qalbu u jifforma l-kuxjenza tiegħu. Imma d-direzzjoni spiritwali mhix riservata biss għall-persuni kkonsagrati; kemm jiswa kieku aħna s-saċerdoti u l-lajċi nfittxu dan l-akkumpanjament spiritwali!

Għalhekk, meta nikkunsidra li intom, persuni kkonsagrati, intom imħarrġa f’din l-arti tal-akkumpanjament, illum nixtieq nitlobkom tkunu dawk li toffru dan is-servizz tad-direzzjoni spiritwali, iktar u iktar quddiem ċerti impenji mhux ħfief li s-Sinodu qed jagħti lill-Knisja. Fil-fatt is-Sinodu jgħid li llum il-familja għandha bżonn tal-akkumpanjament u d-dixxerniment.

Il-familja Nisranija li sinċerament tixtieq li tagħmel il-wisa’ fi ħdanha biex is-salvazzjoni ta’ Alla tidħol toqgħod għandha, ma tistax ma tistaqsix xi jrid Alla minnha u ma tivverifikax jekk hix qed tgħix skont il-qalb ta’ Alla. Jekk dan jgħodd għal kull familja, jgħodd b’mod partikulari għal min l-għażliet tiegħu fihom infushom huma f’kuntrast mal-proġett ta’ Alla għall-familja. Din id-direzzjoni spiritwali ma nirċevuhiex b’mod kollettiv, imma kull każ għalih.

Lil dawk il-koppji li l-esperjenza tagħhom mhix waħda lineari, għax xi ħaġa tkun marret żmerċ fl-ewwel żwieġ, imma fl-istess waqt sinċerament jixtiequ jimxu mill-qrib wara Ġesù, is-Sinodu qed joffrilhom l-għajnuna: l-akkumpanjament biex jagħmlu dixxerniment. Dan mhux eżerċizzju suq u mexxi u lanqas ma jsir f’laqgħa ta’ darba; imma huwa impenn serju li jieħu ż-żmien. Hawnhekk qed nirfsu fuq art qaddisa, għax qed nitkellmu dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu kemm ma’ Alla u kemm mal-kuxjenza. Min ser jgħinna nagħmlu din il-mixja? Mill-ġdid indur fuqkom, persuni kkonsagrati: peress li intom imħarrġin fid-dixxerniment tal-Ispirtu u intom nies ta’ talb (għax dan l-eżerċizzju isir f’kuntest ta’ talb), nitlobkom tkunu fost dawk li joffru din l-għajnuna. Iftħu l-bibien tad-djar tagħkom biex dawk li jixtiequ jkunu inseriti fil-komunità u ma jibqgħux maqtugħin minnha, bl-akkumpanjament u d-direzzjoni spiritwali jaslu biex, jekk ikun hemm bżonn, jindmu mill-iżbalji li jkunu għamlu, jirriparaw il-ħsara u jimpenjaw ruħhom quddiem Alla li ser jagħmlu ħilithom biex jgħixu ta’ Nsara tajbin.

Dan kollu juri r-rabta li hemm bejn dawn iż-żewġ doni kbar: il-ħajja kkonsagrata u l-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu biex il-ħajja kkonsagrata ma tiġix nieqsa minn fostna – dan ifisser li hemm bżonn li l-familji tagħna jservu bħala mixtla għal aktar vokazzjonijiet. Meta ninvestu fil-ħajja kkonsagrata indirettament inkunu nipprovdu forċina lill-familja. Fil-fatt mill-ħajja kkonsagrata nitgħallmu l-loġika evanġelika tal-għotja, tal-fraternità, tal-aċċettazzjoni fid-diversità, tal-imħabba reċiproka u tal-komunjoni – kollha kwalitajiet li jżejnu u jsaħħu l-ħajja taż-żwieġ u l-familja.