Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat


Omelija fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent, 29 ta’ Novembru 2015
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INSAFFU T-TWEMMIN TAGĦNA

Fil-ħajja tagħna ftit huma l-ħwejjeġ li aħna ċerti minnhom. Fil-fatt ħadd minna ma għandu ebda garanzija li għada ser isebbaħ. Fl-istess waqt aħna żguri li għada mat-tbexbix ix-xemx titla’ mil-lvant u filgħaxija tinżel fil-punent. Xħin tgħib ix-xemx, jitfaċċaw il-qamar u l-kwiekeb. Dejjem hekk jiġri. Is-sistema tal-firmament hija kkaratterizzata minn ċertezza, stabbilltà, regularità u kontinwità. Hija sistema definittiva u ħadd ma joħlom li jibdilha billi jaħseb li jista’ jtella’ x-xemx f’nofsinhar. Hemm qafas li ma jista’ jibdlu ħadd.

Issa Ġesù, meta jgħid li ser ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb (ara Lq 21:25), qed jgħid li din is-sistema stabbli u ċerta għad taqa’! Imma biex nifhmu għaliex Ġesù qed jitkellem dwar it-tmiem ta’ din l-istruttura millenarja tal-pjaneti, irridu nżommu quddiem għajnejna l-kuntest li fih Hu kien qed jitkellem.

Ġesù kien qed jitkellem fit-Tempju ta’ Ġerusalemm. Kien għadu kif ħabbar il-waqgħa tat-Tempju u li Ġerusalemm, li hija simbolu reliġjuż qawwi, kienet ser tiġġarraf. Żgur li dan il-kliem lil-Lhud qatagħhom minn ġewwa. Il-waqgħa tat-Tempju għal-Lhud kienet tfisser li ser tispiċċa d-dinja. Għalhekk Ġesù jġib l-eżempju tal-qerda tal-ordni tal-pjaneti. B’dan Ġesù ried ifisser li Hu kien qed iżarma s-sistema reliġjuża li kienet ilha wieqfa eluf ta’ snin. Il-messaġġ ta’ Ġesù kien wieħed: li hu kien qed iġib bidla fir-reliġjon li tant kienet għal qalb il-Lhud. Ġesù kien qed ifissrilhom li fl-istruttura u l-prattika reliġjuża tagħhom mhux kollox kien immutabbli kif kienu jaħsbu huma. Ħafna mid-dinja reliġjuża li l-Lhud kienu jqisu untouchable u sagra, ma kinitx tassew hekk. Ġesù ried ifehemhom li xejn ma kien jiswa li huma jibqgħu jserrħu fuq it-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom. F’ċertu sens, Ġesù xejjen il-prinċipju tal-kontinwità li minħabba fih huma baqgħu jagħmlu dak li kienu jagħmlu missirijiethom. Billi xejn minn tal-imgħoddi ma seta’ jintmess jew jitwarrab, ir-reliġjon kienet saret kollha moffa. Aktar minn hekk, Ġesù kien qed jgħidilhom li ma kellhomx bżonn aktar tat-Tempju, għax Hu nnifsu kien it-Tempju veru. Ġesù ġab fit-tmiem sistema reliġjuża li kienet isserraħ fuq il-liġijiet – sistema li kienet toħloq relazzjoni żbaljata ma’ Alla.

Illum ukoll Ġesù qed jistedinna niflu ftit ir-reliġjon tagħna, għax xi kultant aħna nagħtu importanza lil dawk iċ-ċertezzi li ma huma ċertezzi xejn. Il-pedament tar-reliġjon ma humiex in-normi imma l-persuna ta’ Ġesù Kristu. Fostna hawn min josserva l-liġi sal-inqas tikka, imma lil Ġesù għadu ma jafux; għandna min hu moħħu fil-kontinwità u joqtol biex jipperpetwa dak li kien jagħmel il-bużnannu tal-bużnannu – minħabba din il-mentalità ma nistgħux nitħarrku jew ninqalgħu minn ċerti raddi fondi. Għalhekk ir-reliġjon, minflok ma tgħinna nibnu relazzjoni bis-sens ma’ Alla, għal xi wħud hija xkiel, piż jew jasar.

Għalhekk niftħu qalbna għal din il-bxara qawwija li qed taslilna llum. Kif lil-Lhud Ġesù qalilhom li “mhux min jgħid ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda tal-Missier” (ara Mt 7:21), lilna wkoll qed jgħidilna li l-għajat, iċ-ċapċip, id-daqq u l-festi reliġjużi jafu jkunu duħħan jekk ma nwettqux ir-rieda ta’ Alla. Permezz tal-profeta Ġesù qed jgħidilna li mhux it-tempju li jgħodd, imma kemm aħna naqbżu għall-iltim, l-armla u l-fqir. Din hija l-vera reliġjon. Ġesù jiftħilna għajnejna meta jgħidilna li l-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla hija aqwa mis-sagrifiċċji tal-vittmi u li s-smigħ tal-Kelma tal-Mulej hija aħjar mix-xaħam tal-muntun (ara 1 Sam 15:23), għax “is-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla hu qalb niedma” (Salm 51). Imbagħad illum aħna kapaċi ninqdew bis-sagrifiċċju tal-Vittma Divina, nistrumentalizzaw l-istess Ewkaristija, għal skopijiet ta’ moħħna.

Għeżież Michael u Carl, illum ser tirċievu l-Ministeru ta’ Akkoliti li jressaqkom aktar lejn Ġesù, u fix-xhur li ġejjin ser tirċievu l-Ordinazzjoni tad-Djakonat u wara, tal-Presbiterat. Nirrakkomandalkom minn qalbi biex jew tkunu ministri kif iridkom Ġesù, biex isaffu din ir-reliġjon Nisranija, jew ma tkunu saċerdoti xejn.

Dan l-aħħar, waqt il-Viżta Pastorali, persuna qaltli li aħna s-saċerdoti għandna bżonn ngħinu lill-bniedem joħroġ mill-fondoq tax-xettiċiżmu li tfajnieh fih aħna stess bil-predikazzjoni vojta tagħna! Għalhekk nerġa’ ndur fuqkom u ntennilkom dak li qed jgħid l-Imgħallem tagħna. Ġesù mhux qed jgħid li ser jeqred ir-reliġjon, imma ser iwarrab ċertu mod kif il-bniedem jgħix it-twemmin tiegħu. Ġesù jrid jagħti bixra ġdida lil din ir-relazzjoni bejn il-bniedem u Alla. Dan hu li tistenna l-Knisja minnkom is-saċerdoti: li tkunu strumenti ta’ bidla fil-Knisja stess.

Hemm bidla partikulari li nixtieqkom twettqu intom li ser tkunu ministri tal-Knisja. Kif Kristu wiegħed smewwiet ġodda u art ġdida (ara 2 Pt 3:15), nitlobkom biex timpenjaw ruħkom flimkien mas-saċerdoti l-oħra biex ikun hawn Knisja mġedda anki fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Nitlob il-kollaborazzjoni tagħkom biex il-Knisja tagħna tkun tixbah lil dik il-Knisja li qed jipproġetta l-Missier tagħna Franġisku. Għadda ż-żmien li jkollna Knisja magħluqa fiha nfisha. Għandna bżonn ta’ Knisja li ma tibżax toħroġ biex tiltaqa’ mal-bnedmin, timxi magħhom u tagħmel l-esperjenza tagħhom. Knisja maqtugħa min-nies hija Knisja moribonda. Knisja mġedda hija dik li twarrab ċerta gwardarobba antika, titfa’ wara spallejha ċerti titli ta’ klassifikazzjoni umana, biex tkun Knisja aktar sempliċi u evanġelika. Nixtieq nara Knisja li jkollha l-kuraġġ li tirrinunzja li tkun minkeb ma’ minkeb man-nies tal-poter u aktar qrib tal-fqir u ż-żgħir.

Kif jgħid Ġesù fil-Vanġelu, irridu nkunu Knisja li tqawwi qalb in-nies. Żdied in-numru ta’ dawk li jfittxu l-kelma tas-saċerdot biex iqawwu qalbhom. Ara taqtgħu qalb xi ħadd! Anzi, skont il-verżjoni Griega ta’ dan il-passaġġ, Ġesù jridna niddrittaw billi ma nibqgħux mgħawġin taħt xi għamla jew oħra ta’ piż, anki tad-dnub. Fostna hawn min hu milwi waħda sewwa. Naf b’koppji u familji milwija ganċ. Noqogħdu attenti biex bil-ministeru tagħna ma ngħawġu lil ħadd b’tagħbija żejda. Din hija l-Knisja mġedda li fl-ispirtu tal-aħħar Sinodu dwar il-Familja għandha tipprova ttaffi l-piż li qed jagħfas fuq dahar il-bniedem u hekk tgħinu jqum dritt.

Bħal Ġesù, il-Knisja trid tistieden u tgħin lill-bniedem jerfa’ rasu. Hawn min jimxi rasu baxxuta għax jistħi minħabba l-istorja tiegħu jew tagħha. Hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti li rroddu d-dinjità lil min ikun tilifha, li nagħmlu kuraġġ lil dak li jkun biex flok ma jħares lejn l-art, jerfa’ ħarstu u jara l-wiċċ ħanin tal-Missier.

Poplu ta’ Alla, mhux qed nitkelllem dwar proposta ħafifa għalina s-saċerdoti. Itolbu għalina u għinuna. Din il-missjoni tagħna taf issir itqal milli hi meta niltaqgħu ma’ lajċi li flok jimbuttaw il-karru ’l quddiem, jiġbduh lura. Intom sħab magħna f’dan il-proċess ta’ Knisja mġedda.