Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Ġublew Marjan tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex


Omelija fil-Ġublew Marjan tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex
Quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Pompej, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 9 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ALLA HU POSSIBBILTÀ ĠDIDA

Is-sultan tas-Sirja kellu ħabib, Nagħman, li marad bil-lebbra. F’dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għal din il-marda u min jintmess biha kien ibati minn konsegwenzi kbar u koroh għal għomru kollu – fil-fatt kien ikollu jgħix ħajja fis-solitudni maqtugħ mill-familja, mill-ħbieb u l-komunità. Għalhekk is-sultan tas-Sirja kiteb ittra lis-sultan ta’ Israel fejn talbu jistax ifejjaq lil ħabibu – talbu biex lil Nagħman jagħtih il-possibbiltà li jerġa’ jibda jgħix ħajja normali. Imma hekk kif waslitlu l-ittra, is-sultan ta’ Israel saħan u ċarrat ħwejġu għax dritt għaraf li r-re tas-Sirja kien qed jitolbu xi ħaġa impossibbli – tant kien ċert li ma jistax jilqa’ dan ir-rikors, li ħaseb li b’din l-ittra s-Sirjan kien ser jiddikjara gwerra kontra tiegħu!

Min jaf kemm persuni talbuna nagħtuhom possibbiltà jerġgħu jibdew mill-ġdid u aħna qattajna “ittri” tagħhom għax inkunu konvinti li jkunu qed jitolbu l-impossibbli! Fil-ħajja jiġri li bniedem ikun sinċerament jixtieq li jkollu ċans ieħor biex jerġa’ jagħti rkabtu fil-ħajja, imma x-xewqa tiegħu tibqa’ bla temma. Nafu b’individwi li għax ikunu għamlu żball, anki oħxon, fil-ħajja privata, familjari jew soċjali, isibu ruħhom “maqtugħin” mill-bqija u mhux lakemm jiġu rijabilitati. Dawk li “jiċċappsu” b’xi mġiba skorretta jew anki kriminali mhux lakemm iħassru t-timbru li tagħtihom is-soċjetà, u jibqgħu jġorru l-marka magħhom. Naf b’persuna li ma tistax issib impjieg għax darba kienet il-ħabs! Minħabba din il-marka neleminawhom! Anzi, xi drabi t-timbru tagħhom jintiret minn uliedhom u qrabathom li jkunu bla ħtija! L-“ittra” li jressqu nies bħal dawn malajr issir mitt biċċa!

L-istess ġara lill-għaxart irġiel morda bil-lebbra li jsemmi l-Vanġelu ta’ San Luqa. Minħabba l-kundizzjoni kiebja tagħhom kienu kkundannati li jgħaddu ħajjithom fid-diżabitat u jgħixu b’dak li jitfgħalhom ħaddieħor! Għall-bqija tas-soċjetà kienu nies bla wiċċ uman. Dawn ukoll kellhom xewqa li xi ħadd jagħtihom possibbiltà li jfiqu biex jerġgħu għall-ħajja normali – imma l-fejqan kien impossibbli.

Skont il-mentalità Lhudija l-lebbra ma kinitx biss marda tal-ġilda imma wkoll kastig minn Alla għall-ħażen li jkun għamel il-bniedem. (Sfortunatament, għaddew is-snin u anki llum għadek issib min jemmen li minħabba d-dnub, Alla jaf jolqot lill-midneb b’xi diżgrazzja!). Għar-rabbini, it-taħsir tal-ġisem kien sinjal ta’ taħsir spiritwali. Minħabba d-dnub, aħna ninżgħu mill-ġmiel għax nitilfu l-bixra ta’ Kristu; jekk nippersistu fil-ħażen, ma nibqgħux tant sensibbli għad-diżordni morali u kapaċi naslu biex nibdew insejħu tajjeb dak li huwa ħażin. Qagħda bħal din maż-żmien issir tqila u jasal il-waqt fejn anki l-midneb jgħolli leħnu u jistaqsi jistax jingħata possibbiltà ġdida biex jibda mill-ġdid. Ukoll jekk il-marda spiritwali tkun gravissma u twassal għall-mewt, dejjem hemm il-possibbiltà ta’ kura. Dan jgħidu l-Vanġelu.

Meta llejla qegħdin niċċelebraw dan il-Ġublew Marjan tal-Ħniena, nixtieq inwassal bxara tajba lil dawk li qegħdin jistaqsu jekk tistax tingħatalhom possibbiltà ġdida ħalli jitfgħu l-imgħoddi wara spallejhom. Quddiem karba bħal din forsi aħna ma jkollniex tweġiba (jew ġieli jkollna soluzzjoni u nagħżlu li ma nagħtuhiex); imma mqar jekk ħaġa għalina tidher impossibbli, għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir. Alla ma jaqta’ jiesu minn ħadd. Din kienet l-esperjenza ta’ Nagħman u tal-lebbrużi: huma ltaqgħu ma’ Alla li sema’ l-għajta tagħhom u b’ħarsa biss offrielhom din il-possibbiltà ġdida. Alla ma jagħlaq il-bieb għal ħadd; ma jaqta’ qalb ħadd. Alla nnifsu huwa possibbiltà ġdida għalina l-bnedmin.

Misjuq mill-ħlewwa, mill-ħniena u t-tjubija tiegħu, b’ħafna sabar Ġesù jfejjaq lil għaxar lebbrużi u hekk idaħħalhom u jintegrahom mill-ġdid fil-komunità. Biex għamel dan, Ġesù sar vulnerabbli ma’ dawk li huma vulnerabbli. Hu mar kontra r-regoli soċjali u reliġjużi ta’ żmienu; ma ħalliex il-kanoni tal-ortodossija Lhudija jfixkluh milli jidħol f’kuntatt mal-lebbrużi biex jgħinuhom isibu dik l-enerġija umana u spiritwali biex jerġgħu jidħlu f’komunjoni ma’ Alla u mal-bnedmin. Interessanti li meta Ġesù jagħmel dan, huwa jkun jurina l-metodu li juża Alla: li jpoġġi fiċ-ċentru dak li hu periferiku! Hu jħott dak il-kumpless ta’ duttrini, normi u tradizzjonijiet li kien iffurmat maż-żmien bl-għan li jħares il-ħajja, imma li issa ġie ridott għal għodda li toħnoq il-ħajja.

Meta tmorru lura lejn djarkom u l-komunitajiet parrokkjali tagħkom, hemmhekk tiltaqgħu ma’ persuni li llum ukoll qegħdin jgħidulna: “Nixtiequ li jkollna possibbiltà ġdida biex nerġgħu nibdew paġna ġdida”. Nixtieqkom tagħmlu kuraġġ lil dawn ħutna u tiżgurawhom li bi Kristu u ma’ Kristu dak li jixtiequ huwa possibbli. Ftit wara li l-Papa Franġisku tana l-Eżortazzjoni Il-ferħ tal-imħabba, iltqajt ma’ mara divorzjata li tinsab fit-tieni relazzjoni li staqsietni x’possibbiltà hemm li persuna bħalha ma tibqax “skomunikata” mill-bqija tal-komunità. Niftakar lil din il-persuna bid-dmugħ f’għajnejha tgħidli: “Agħtuni ċ-ċans li nersaq inqerr għax għandi xewqa kbira li nitlob maħfra lil Alla u niftaħ idejja biex nilqa’ l-miżerikordja tiegħu!”. Dan huwa eżempju wieħed ta’ persuni li llum iħossuhom bħal-lebbrużi tal-Vanġelu. Hemm stejjer umani oħra jixbhu l-każ ta’ din il-mara. Nappella biex il-komunitajiet ekkleżjali tagħna ma jkunux bħall-“irħula” ta’ żmien Kristu li kienu jibnu l-ħitan biex il-lebbrużi ma jirfsux fuq it-territorju tagħhom u jċaħħduhom milli jagħmlu esperjenza ta’ Kristu l-Feddej – dak Kristu li jagħti l-possibbiltà ġdida lil kulħadd minkejja l-frejjeġ li jkun għamel.

Huwa fatt li “ir-rijabilitazzjoni” mhix esperjenza li ssir billi tfaqqa’ subgħajk, imma titlob proċess. Lil-lebbrużi Ġesù ma fejjaqhomx fuq il-post imma talabhom imorru juru ruħhom lill-qassis. Dan ifisser li kellhom jagħmlu mixja – kellhom itinerarju x’jagħmlu. Mhux waħidhom, imma akkumpanjati mill-Kelma li fdalhom Ġesù. Hekk ukoll fil-każ tagħna li nixtiequ li jkollna possibbiltà ġdida, għandna bżonn nagħmlu itinerarju ta’ fidi li matulu bl-għajnuna tad-direttur spiritwali nagħmlu konfront kontinwu mal-Kelma ta’ Alla. Hija ħasra li xi drabi wieħed irid joħroġ ifittex bil-fanal biex isib lil min jgħinu jagħmel id-dixxerniment. M’ilux ħafna waħda persuna talbitni ngħinha ssib direttur spiritwali għax qatgħet qalbha li tista’ ssib din l-għajnuna. Hawnhekk irrid nirringrazzja lilkom is-saċerdoti u lir-reliġjużi li toffru d-disponibbiltà tagħkom biex toffru akkumpanjament spiritwali.

Fil-parabbola naqraw li minn dawk l-għaxra li tfejqu, wieħed biss ġie lura għand Ġesù. Dan kien Samaritan. (Għalkemm il-Lhud u s-Samaritani ma jitħamlux, il-lebbra għaqqdithom ma’ xulxin. Allura aħna jrid ikun il-gwaj li jiġmagħna flimkien u ma nibqgħux niċċelebraw il-firdiet ta’ bejnietna?). Il-fatt li dan kien Samaritan ifisser li kien eretiku, pagan u bla ħila li jidħol f’relazzjoni ma’ Alla; minkejja dan kollu, kien proprju dan, u mhux l-oħrajn li kienu Lhud, li għaraf japprofondixxi r-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù. Id-disgħa l-oħra, ta’ Lhud prattikanti, baqgħu sejrin it-Tempju ta’ Ġerusalemm, waqt li s-Samaritan ma setax imur fit-tempju tal-ġebel (is-Samaritani ma kellhomx tempju imma kienu jaduraw lil Alla fl-ispirtu u l-verità). Ġara li meta s-Samaritan ġie lura għand Kristu, huwa ltaqa’ mat-Tempju ħaj (Kristu ħa post it-Tempju ta’ Ġerusalemm), imma l-Lhud ma ltaqgħux ma’ Ġesù minħabba t-Tempju. Xi drabi jista’ jiġri li r-reliġjożità u l-kult flok ta’ għajnuna jkunu ta’ xkiel għalina biex nidħlu f’relazzjoni ma’ Ġesù.

Ġesù jilmenta dwar id-disgħa li ma marrux lura, mhux tant għax kienu ingrati miegħu, imma għax “ħadd minnhom ma raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani”. Alla huwa gglorifikat meta aħna nilqgħu lil Kristu bħala l-Feddej tagħna. Huwa s-Samaritan, l-eretiku, li jintebaħ li Ġesù għandu kelma li ssalva u għalhekk jerfa’ għajnejh lejh; huwa dan “il-barrani” li japprezza l-grazzja (il-possibbiltà l-ġdida!), li Ġesù tah gratwitament u mhux għax kellu dritt għaliha. Min-naħa l-oħra, għalkemm kellhom tradizzjoni Biblika wara spallejhom, il-Lhud ma fehmux li s-salvazzjoni tinsab fil-kelma tal-Imgħallem! Dawk “ta’ ġewwa” ma ndunawx li kienu qed jgħixu mument ta’ grazzja! Importanti li lilna ma jiġrilniex kif ġara lil-Lhud.

Biex tgħinna nersqu għand Ġesù, aħna għandna lil Marija, li llum qegħdin insellmu taħt it-titlu tal-Madonna tar-Rużarju. Ħamsin sena ilu l-antenati tagħna poġġew kuruna fuq ix-xbiebha tal-Madonna meqjuma f’dan is-Santwarju ta’ Pompej; illum indur fuq il-Madonna u nitlobha biex tkun hi li tqiegħed “il-kuruna” tar-Rużarju f’idejn il-membri tal-familji tagħna. Kif jgħid il-Papa Franġisku, ir-Rużarju huwa sintesi tal-istorja tal-ħniena divina. Għalhekk, meta aħna naqbdu f’idejna din l-“għodda għażiża” biex ngħidu r-Rużarju, aħna nirriflettu, ngħixu u nġarrbu din il-ħniena ta’ Alla. Il-fidi tagħna tgħidilna li huwa frott ta’ din il-miżerikordja li aħna nistgħu niksbu “possibbiltà oħra” biex fil-ktieb tal-istorja personali jew familjari tagħna aħna nistgħu nibdew paġna ġdida. Il-fidi tagħna ssalvana.