Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Mitt Anniversarju mit-twaqqif tal-Moviment tal-Iscouts f’Għawdex


Omelija fil-Mitt Anniversarju
mit-twaqqif tal-Moviment tal-Iscouts f’Għawdex
Gym tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NAGĦTU KAS TAX-XEWQAT TAŻ-ŻGĦAR

Il-bniedem huwa xewqatu! Ix-xewqat li jkollna mhux biss juru aħna min aħna, imma ħafna drabi huma l-mutur ta’ ħajjitna, fis-sens li skont ix-xewqat li jkollu wieħed, jagħti direzzjoni lil ħajtu. Daqskemm jaf iħossu sew il-bniedem meta jaqta’ xewqatu, daqshekk ieħor xewqat mhux mitmuma jafu jkunu motiv ta’ delużjoni u skuntentizza.

Fir-rakkont tal-Vanġelu dwar Żakkew, San Luqa jikteb li dan il-bniedem “kellu xewqa li jara min kien Ġesù”. U Ġesù, li kellu attenzjoni lejn il-bniedem, qatagħlu xewqtu meta qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Il-fatt li Żakkew iddeċieda li jqassam parti sostanzjali mill-ġid materjali li kellu, juri li x-xewqat l-oħra li kellu kienu sekondarji għax-xewqa li jiltaqa’ ma’ Ġesù.

Meta llum qegħdin infakkru l-mitt sena mill-wasla tal-Iscouts f’Għawdex, l-appell tiegħi lill-leaders ta’ dan il-Moviment huwa li jgħinu lit-tfal u l-adolexxenti membri tal-Moviment jaraw xewqathom realizzati. Kulħadd ikollu l-miri tiegħu, imma l-aspettattivi ta’ dawk li għadhom fil-fjur tal-ħajja huma akbar u aktar. Aktar minn ħaddieħor, iż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’ min jakkumpanjahom fil-vjaġġ eżistenzjali tagħhom biex jgħinhom jiddixxernu x’inhu l-proġett ta’ ħajjithom. Il-Knisja tant temmen f’dan li ftit ilu l-Papa ħabbar li sentejn oħra s-Sinodu tal-Isqfijiet ser ikun propju dwar kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ fid-dixxerniment tal-vokazzjoni (fis-sens wiesa’ tal-kelma) tagħhom.

Importanti li matul dan l-akkumpanjament ngħinuhom isaffu x-xewqat tagħhom, għax ta’ bnedmin li aħna mhux dak kollu li nixtiequ huwa għall-aħjar tagħna. Peress li aħna bnedmin dgħajfa, mhux eskluż li fina jinbtu xewqat li jekk ikollna nwettquhom ikunu ta’ dannu għalina u għall-oħrajn. Aħna suġġetti għall-iżball u għalhekk nistgħu nixtiequ ħwejjeġ żbaljati li ma jkunux jixirqu lid-dinjità umana tagħna.

Mhux faċli nagħmlu lista tax-xewqat tal-ġenerazzjoni li tielgħa, imma jien konvint li ħafna adolexxenti u żgħażagħ jixtiequ jaraw fina l-adulti mudell ta’ ħajja bis-sens – ħafna jgħarrxu biex jaraw jiltaqgħux ma’ xi ħadd ikbar minnhom li fih jew fiha jaraw persuna li toffrilhom ispirazzjoni. F’soċjetà fluwida fejn ħafna ħwejjeġ jgħammxu l-għajnejn imma jħallu lill-bniedem fil-baħħ, iż-żgħar għandhom xewqa li jiltaqgħu ma’ xi ħadd li huwa sod u kredibbli.

Hija tassew ħasra li llum il-ġurnata s-soċjetà adulta mhix qed tissodisfa dan il-bżonn tal-ġenerazzjoni li tielgħa. Ħafna minna l-kbar ma nispirawx fiduċja. Madwarna f’kull kamp sar għandna wisq clowns li jippruvaw jippreżentaw ruħhom bħala nies serji, imma dritt taqgħalhom il-maskra. Qed titnaqqar il-fiduċja fl-istess istituzzjonijiet li suppost huma l-garanti tas-serjetà. Dan jgħodd ukoll għalina bħala Knisja.

Huwa tassew inkuraġġanti li fil-Moviment tal-Iscouts ir-relazzjoni bejn il-leaders u t-tfal u l-adolexxenti huwa deskritt bħala “patt bejn il-ġenerazzjonijiet” fejn l-adulti jgħinu liż-żgħar jikbru. L-adulti joffru dan is-servizz mhux biss billi jgħaddulhom nozzjonijiet imma billi jagħtuhom xhieda sinifikattiva. Meta jitkellem dwar il-“ħlas” li huwa dovut lill-adulti fl-Iskawtiżmu, Baden Powell jgħid hekk: ir-rikompens tagħna l-leaders huwa meta naraw liż-żgħar jimxu fuq l-eżempju tagħna – li huma jsegwuna meta aħna nuru li aħna dixxiplinati u altruwisti. Darba oħra Baden Powell jikteb hekk: “L-ewwel pass għal-leaders fl-Iscouts huwa li jirbħu l-qalb, il-fedeltà u l-entużjażmu tat-tfal billi juruhom simpatija u li jifhmuhom, kif ukoll billi jipproponulhom ħwejjeġ li jiksbu l-ammirazzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tifel awtomatikament isegwi l-eżempji tal-leaders” (Tacciuno, Scritti sullo scautismo, 1907-1940, 51).

Ikunu xi jkunu x-xewqat tagħna l-bnedmin, xewqa waħda hemm li tista’ ttemm ix-xewqat l-oħra kollha: ix-xewqa għal Alla. Għax kif jgħid Santu Wistin, “il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik, o Alla”. Għaldaqstant, napprezza li bħala moviment li għandu l-għeruq tiegħu fil-Vanġelu, intom tgħinu lill-membri jikbru fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù.

Meta lill-Iscouts nedukawhom fl-għażla tax-xewqat tagħhom u biex jimmaturaw l-istess xewqat, inkunu qegħdin ngħinuhom ikunu ċittadini għaqlin li ’l quddiem huma stess jagħtu s-sehem tagħhom biex jgħinu lis-soċjetà tara xewqatha jitwettqu.

Filwaqt li nirringrazzja lir-responsabbli kollha fil-Moviment tal-Iscouts għad-dedikazzjoni tagħhom meta qegħdin jakkumpanjaw u jħarrġu lil tant mijiet ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ, nawguralkom li bħala Moviment intom ukoll taraw xewqatkom mitmuma.