Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Qaddisin kollha


Omelija fis-Solennità tal-Qaddisin kollha
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
It-Tlieta 1 ta’ Novembru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

AĦNA NISTGĦU NAGĦMLUHA

Niftakar li meta għalaqt għaxar snin bħala isqof, saċerdot li qiegħed l-Awstralja kitibli biljett fejn qalli: “You made it, mate!”. Huma ħafna dawk li f’ħajjithom jistgħu jgħidu: “Għamiltha!”. Fil-fatt, il-qaddisin huma those who made it! Meta nagħmlu l-festa lill-qaddisin kollha f’daqqa, aħna nkunu qegħdin nirrikonoxxu li ħutna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem u nstabu li kienu mħejjija, illum qegħdin igawdu lil Alla wiċċ imb wiċċ. Din hija sejħa tagħna lkoll; aħna msejħin biex nieħdu sehem mill-qdusija ta’ Alla billi minn din id-dinja stess nibdew ngħixu l-ħajja ta’ Alla.

Jien nista’ nobsor li f’qalbkom qed tgħidu dak li jien qed ngħid f’qalbi: li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jaqsam… li l-kliem huwa sabiħ imma l-ħajja hija diffiċli. Aħna li nafu lilna nfusna, nafu li aħna dgħajfin u li hemm qawwa li flok titfagħna ’l quddiem, timbuttana lura. Għalhekk faċli naqtgħu qalbna li xi darba għad inkunu mal-kotra kbira tal-qaddisin “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod u bil-friegħi tal-palm f’idejhom” (Apok 7:9).

Imma kif josserva l-awtur tal-ktieb tal-Apokalissi, dawn il-qaddisin “huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (7:14). Allura dawn huma dawk li biex saru qaddisin kellhom jgħaddu minn taħbit kbir – ilkoll ikollhom it-taqbid interjuri tagħhom. Għax fina hemm dik it-tensjoni spiritwali li jsemmi San Pawl: “Naf li t-tajjeb ma jgħammarx ġewwa fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rum 7:18-19). Il-qaddisin ma tweldux qaddisin, imma fil-ħajja tagħhom huma nfetħu għad-don tal-qdusija (għax il-qdusja hija rigal ta’ Alla) u kkollaboraw mal-grazzja li bidlithom bil-mod il-mod. Ma kienx bil-ħila tagħhom li saru qaddisin, imma bil-qawwa tad-demm tal-Ħaruf li naddafhom mid-dnub tagħhom.

Għalhekk il-qaddisin huma l-midinbin tal-bieraħ. Inkunu nitqarrqu jekk naħsbu li l-qaddisin huma xi persuni superjuri jew li kellhom ħiliet straordinarji. Il-qaddisin huma dawk li daqu l- morr tad-dnub imma mbagħad għamlu esperjenza tal-miżerikordja ta’ Alla. Kull wieħed minna jista’ jagħmel din l-esperjenza. Fil-fatt hekk tlabna fil-bidu ta’ din il-Quddiesa: “O Alla, ilqa’ t-talb li tant qaddisin qegħdin joffrulek għalina u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek”. Hija l-miżerikordja ta’ Alla li tħassar id-dnub tagħna u tagħtina l-qawwa biex nirbħu t-tentazzjoni.

Oscar Wilde għandu espressjoni sabiħa: il-qaddisin huma dawk li kellhom passat, waqt li l-midinbin huma dawk li għandhom futur quddiemhom. Għalhekk il-qaddisin huma dawk li għandhom storja – kapaċi jirrakkontaw il-waqgħat, id-dgħufija u d-dnubiet tagħhom; fl-istess waqt, huma ma jistgħux ma jirrakkontawx l-esperjenza tagħhom tal-qawwa ta’ Kristu Feddej li b’demmu ħaslilhom dnubiethom. Min-naħa l-oħra l-midneb (int u jien) għandu l-futur – bħalissa li għadna f’din id-dinja għandna taqbida spiritwali biex ninżgħu l-bniedem il-qadim imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qerrieda u niġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħna u nilbsu l-bniedem il-ġdid maħluq skont Alla fil-ġustizzja u l-qdusija li ġejja mill-verità (ara Efes 4:22-24).

Id-diskors tal-barkiet li Ġesù għamel fuq il-muntanja (Mt 5:1-12) huwa wkoll indirizzat lill-midneb li għandu l-futur miftuħ. Fil-fatt, meta Ġesù jgħid li huma “henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”, hu jrid jagħmel il-qalb lill-midneb – għax min hu spiritwalment fqir daqs il-bniedem li huwa konxju mid-dnub tiegħu? B’dan il-kliem Ġesù qed itennilna lilna l-midinbin li l-għamara tagħna mhux id-dnub imma s-Saltna tas-Smewwiet. Ix-xewqa tagħna biex naslu għall-qdusija taħraq id-dnub!

Ġesù qed jindirizza lill-midneb ukoll meta jgħid li “henjin huma l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”. Aħna lkoll nafu kif min jieħu b’impenn il-ħajja Nisranija jitnikket mhux ftit meta ma jirnexxilux iħobb lil Alla bil-qawwa tiegħu kollha! Imbierek huwa dak li huwa mnikket għax imbeżża’ mill-kruha tad-dnub, għax għad isib il-faraġ.

Meta Ġesù qal li huma “henjin dawk li jħennu, għax isibu ħniena”, huwa ma kienx qed jirreferi biss għal dawk li juru ħniena mal-proxxmu; imma Ġesù kien qed jgħidilna biex nuru ħniena magħna. Spiss jiġri li s-suppervja ma tħalliniex nammettu d-dnub tagħna u għalhekk ningħalqu għall-grazzja li tista’ tibdilna. Imberkin dawk li kapaċi jaħfru lilhom infushom, għax huma qed iġarrbu l-qawwa tal-miżerikordja ta’ Alla.

Anki meta Ġesù qal li “henjin dawk ta’ qalbhom safja”, huwa ried iwassal kelma ta’ kuraġġ lill-midneb. Għax il-fatt li wieħed jidneb minħabba d-dgħufija tiegħu ma jfissirx li dan awtomatikament għandu qalbu mħassra. Proprju għax ikollu qalb safja, il-bniedem li jidneb jiddispjaċih u jindem minn ħtijietu. Imberkin intom ta’ qalbkom safja għax intom għad taraw lil Alla.

F’din il-festa solenni tal-Qaddisin kollha, nagħmlu l-qalb mhux biss għax Kristu jitlob għalina u l-Madonna ssegwina bl-imħabba materna tagħha, imma għax għandna wkoll l-interċessjoni ta’ dawk li qed jaraw lil Alla. B’din l-għajnuna, aħna nistgħu nagħmluha!