Sintesi tal-Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat


Sintesi tal-Omelija fl-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat
Rotunda parrokkjali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 27 ta’ Novembru 2016, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

EBDA DILLUVJU MA HU SER JIKNISNA

Iltqajt ma’ raġel li nafu bħala wieħed ċajtier, imma dakinhar deher ħosbien ħafna. Meta staqsejtu x’kien ġralu, qalli li kien għadda dilluvju minn fuq il-familja tiegħu u kinishom. Ried jgħidli li martu telqet mid-dar ħabta u sabta.

Dan hija biss waħda mill-ħafna esperjenzi koroh li jgħaddi minnhom il-bniedem u jħossu bħal imkaxkar mill-ilma tal-għargħar. Din hija l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Hija wkoll l-istorja ta’ Noè. Fi żmien dan il-patrijarka “l-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza. Kull ħliqa kienet għawġet triqitha fuq l-art” (ara Ġen 6:11-12). Għaldaqstant meta ra dan kollu, Noè, li kien bniedem “ġust u perfett”, infixel. Effett tal-ħażen li kien qed joktor, Noè ma setax joħlom għajr il-qerda u għalhekk stħajjel dilluvju ġej fuqu.

Imma Alla ma jitilqux waħdu u f’dawk iċ-ċirkustanzi negattivi jieqaf miegħu biex ma jegħreqx. Fil-fatt Alla jnebbħu biex jibni arka bħala għodda tajba biex kemm hu u kemm dawk ta’madwaru jeħilsu mill-qerda u jinawguraw żmien ġdid fejn jgħib dak kollu li jtaqqal u jhedded il-ħajja tal-bniedem.

Mhux kulħadd tela’ fl-arka; telgħu biss dawk li bħal Noè kienu qegħdin josservaw x’qed jiġri madwarhom u għalhekk intebħu bil-periklu. Rikbu fl-arka dawk li semgħu l-vuċi ta’ Noè, il-profeta. Żgur li kien hemm oħrajn, imma dawn kienu jieklu u jixorbu, medhija fiċ-ċelebrazzjonijiet, mgħaddsa fix-xogħol, u għalhekk baqgħu ma tawx kas tal-kelma tal-profeta!

Dan hu l-profeta li neħtieġu anki aħna llum. Il-profeta huwa dak li fejn kollox huwa dlam, jilmaħ id-dawl; fejn kollox jidher nieżel, jara l-possibbiltà ta’ restawrazzjoni; meta d-deżert ikompli jespandi, huwa jinnota dik iż-żerriegħa tat-tajjeb qed tnibbet; fejn hemm il-ġlied u l-firda, huwa jemmen li jista’ jkun hemm is-sliem u l-għaqda; fejn hemm id-dnub, taf toktor il-grazzja. Għax il-profeta jara bl-għajnejn ta’ Alla.

Għalkemm jara s-sema jarma bis-sħab iswed mimli ilma u jħejji għad-dilluvju, il-profeta jemmen li hemm bidu ġdid u umanità ġdida li ssib it-twettiq tagħha fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-profeta huwa dak li meta nkunu f’qagħda diffiċli u kollox ikun qed jgħidilna li għada mhux ser jisbaħ jum ġdid, jipproponilna lil Kristu, li fi kliem Santa Fawstina Kowalska huwa “tavlun” li min jaqbad miegħu jsalva mill-għarqa.

Għażiż Joseph, illum inti ser tersaq biex tirċievi l-ministeru tal-Akkolitat u għalhekk ser tagħmel pass ieħor biex toqrob lejn dak il-jum li fih tingħata lil Alla u lill-Knisja. Nixtieqek tiftaħ qalbek beraħ ħalli d-don tal-profezija jaħdem fik. Aħna għandna bżonn urġenti ta’ vuċi profetika li tgħinna nqumu min-ngħas u timliena bit-tama. Għalhekk nawguralek li kif jgħid il-Vanġelu, jiġi l-ħalliel (Ġesù) u jisraqlek qalbek biex tkun kollok kemm int tiegħu u tissieħeb fil-missjoni profetika tiegħu. Tħeġġeġ biex bħalu l-ħajja tiegħek twasslilna l-Bxara t-tajba li tiżgurana li bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu fil-ħajja ma hemm ebda dilluvju li ser jiknisna għalkollox, imma kull darba bl-għajnuna tiegħu nistgħu nagħtu bidu ġdid.