Ir-rużarju għodda għażiża. Ittra lill-Poplu ta’Alla tal-Isqof Mario Grech Isqof


Ittra lill-Poplu ta’Alla
tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex

IR-RUŻARJU GĦODDA GĦAŻIŻA

Meta dan l-aħħar fl-Italja kien hemm terremot li ħalla ħerba kbira, il-Papa Franġisku bagħat kuruna tar-Rużarju lil kull familja ta’ dawk iż-żoni milquta. Ma kienx biżżejjed li l-Papa talab biex issir ġabra fil-knejjes kollha tal-Italja biex l-offerta tmur għall-ħtiġijiet materjali ta’ dawn in-nies li ħabta u sabta sabu ruħhom ta’ fuqhom senduqhom, imma offrielhom ukoll il-kuruna tar-Rużarju biex, fost il-kuntrarju tal-ħajja, huma jġarrbu l- balzmu tal-faraġ ta’ Alla u l-għożża materna tal-Madonna.

Nistħajjel li meta qegħdilhom il-kuruna f’idejhom, il-Papa Franġisku ried ifakkar lil dawn l-imsejkna li jridu jibnu ħajjithom u djarhom mill-ġdid bil-qawwa tat-talb għax, kif jgħidilna s-Salm, “għalxejn jitħabtu l-bennejja jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar” (ara Salm 126). Għax ir-Rużarju, daqskemm huwa talba sempliċi huwa riflessjoni profonda dwar kemm Ġesù jħobbna u jieqaf magħna. Meta bit-talba tas-Sliema aħna nsellmu lil Marija Ommna, hi tgħinna nikbru fl-għarfien u fl-għaqda ma’ Ġesù.

Issa li bdejna x-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju, jien ukoll nixtieq infakkarkom f’din il-għodda għażiża! Nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn dawk il-familji li għadhom kuljum jinġabru flimkien biex jgħidu r-Rużarju. Jien konxju li llum sar diffiċli li titolbu flimkien. Għalhekk inħeġġiġkom biex bħala familja tibqgħu ssibu l-ħin biex flimkien issejħu fuqkom il-wens ta’ Alla u tal-Madonna. It-talb jagħtina s-saħħa biex ninbnew fis- sod. Dawk li għandhom għal qalbhom din it-talba tar-Ruzarju jixbhu lill-bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. “Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id- dar, iżda ma ġġarfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat” (ara Mt 7,24-25).

Għaddew 50 sena minn meta kien inkurunat il-kwadru tal-Madonna ta’ Ruzarju meqjum fil-knisja ta’ Pompej fir-Rabat. Biex infakkru din il-grajja, nhar il-Ħadd li ġej, 9 ta’ Ottubru, ser niċċelebraw il-Ġublew Marjan tal-Ħniena b’manifestazzjoni u quddiesa djoċesana fir-Rabat. Nistieden lil kulħadd, partikularment lill-familji, biex niltaqgħu flimkien għal din iċ-ċelebrazzjoni. Il-manifestazzjoni tibda fi Pjazza Santu Wistin fl- 4.00pm. Minn hemm nitilqu purċissjoni lejn il-knisja ta’ Pompej, fejn niċċelebraw il- quddiesa flimkien fil-beraħ.

Nitlob lill-Verġni Mqaddsa tar-Rużarju ta’ Pompej biex tfawwarkom bil-ħniena ta’ Binha Ġesù.

Mogħtija mill-Kurja, ir-Rabat, Għawdex, illum, is-Sibt, 1 ta’ Ottubru 2016, Tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

Mario Grech

Biex tinqara fil-weekend li ġej, 1 u 2 ta’ Ottubru 2016.