Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa tal-Gradwazzjoni tal-Istudenti tal-Ħames Sena


Omelija fil-Quddiesa tal-Gradwazzjoni tal-Istudenti tal-Ħames Sena
tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù
Knisja parrokkjali ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri
It-Tlieta 14 ta’ Ġunju 2016

ŻGĦAŻAGĦ LI “JIKSRU L-LIĠI”

Għeżież ħbieb żgħażagħ, meta llum qegħdin ittemmu l-kors akkademiku fis-Seminarju Minuri tagħna, il-parir tiegħi huwa wieħed: kunu lesti biex “tiksru l-liġi”, biex tkunu ¬outlaws jew persuni fuorilegge. Naturalment kif sejjer infissrilkom dan, mhux fis-sens ordinarju tal-kelma.

Iċ-ċiviltà tagħna temmen ħafna bil-liġijiet. Kollox huwa ddettat mil-liġi. Għall-kotra, li tkun ġust ifisser li timxi skont il-liġi, u l-kunċett ta’ ġustizzja huwa wieħed legali. Meta naħsbu li tkun saret inġustizzja, nirrikorru għand il-qrati, fejn suppost hemm l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għalhekk, jekk wieħed ikollu ħtija, ikollu jħallas. Imma l-esperjenza tgħallimna li mhux kull meta kienet applikata l-ittra tal-liġi tkun saret ġustizzja. Ħafna drabi ninsew li the law can be an ass u l-applikazzjoni tagħha tikkawża inġustizzja flok ġustizzja. Ċiċerun kien jgħid li “summum ius, summa injuria” – fis-sens li meta jkun hemm applikazzjoni riġida tal-liġi, taf issir inġustizzja.

Barra minn hekk, normalment aħna nimxu bil-prinċipju tal-proporzjon jew tal-ekwilibriju. Ngħidu aħna, jekk wieħed imur għand ħanut tal-merċa biex jixtri l-ħalib, għal kaxxa ħalib li joffri tal-ħanut, ix-xerrej iħallas il-prezz ġust. Hekk ukoll meta nitkellmu dwar is-servizzi: jekk ħaddiem jaħdem jumejn, huwa għandu d-dritt li jirċievi ħlas proporzjonat għall-enerġija li jkun applika fix-xogħol. Għad jgħaddi ż-żmien u ħafna minnkom tilħqu u tibdew taqdu n-nies skont il-professjoni tagħkom. Ħafna drabi meta wieħed jiġi biex jitħallas tal-parir jew tal-għajnuna professjonali li jkun ta, huwa jkejjel it-tariffa li jitlob bil-prinċipju tal-proporzjon, fis-sens li jieħu f’kunsiderazzjoni kemm investa flus biex kiseb il-lawrja, kemm għamel sagrifiċċju biex studja, u l-bqija. Allura l-prezz ikun proporzjonat għal dan kollu.

Ġesù jridna mmorru ’l hinn mil-liġi: “Smajtu xi ntqal: Ħobb lil għajrek u obgħod lill-għadu tiegħek. Imma jien ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom”. Ġesù qed jistedinna biex immorru “kontra” din il-liġi. Nifhem li mhix sfida ħafifa. Forsi wieħed jasal biex ma jobgħodx lill-għadu tiegħu, imma riġlejh jeħlu mal-art xħin jiġi biex jagħmel il-pass l-ieħor u jħobbu. Imma mal-Vanġelu m’hemmx logħob jew kompromessi. Għal Ġesù l-kelma “għadu” ma teżistix. Liġi oħra ta’ Mosè kienet il-lex talionis: “għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Hawnhekk ukoll għandna applikazzjoni perfetta tal-prinċipju tal-proporzjonalità li f’dan il-każ jiġġustifika li wieħed ipatti lil min ikun għamillu d-deni. Imma l-orjentament li jagħtina Ġesù jxejjen dan il-prinċipju: “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll… jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek” (ara Mt 5:38-42).

Fi kliem ieħor, Ġesù jistedinna biex inkunu ġenerużi bħalma l-Missier għandu jdejh miftuħa ma’ kulħadd – “hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex”. Dan il-kliem ta’ Ġesù jwaqqa’ prinċipju ieħor li tant niddelittaw bih: il-prinċipju tal-meritokrazija. Alla ma jafx jagħżel bejn min hu tajjeb u min hu inqas tajjeb, min hu sinjur jew fqir, min jiflaħ iħallas jew le, min hu kulur jew ieħor, b’saħħtu jew diżabbli, u nistgħu nibqgħu nsemmu. Hu ma jarax jekk għandniex merti jew le. Hu sempliċement iħobbna għax aħna lkoll uliedu.

Għalhekk, meta wasaltu biex tħallu l-iskola tas-Seminarju Minuri, nawguralkom li dak Ġesù li ltqajtu miegħu fil-klassi, fil-kurituri, fil-grawnd u fil-kappella tas-Seminarju – dak Ġesù li għamiltu esperjenza tiegħu fis-snin tal-formazzjoni (għax allaħares l-iskola ma għenitkomx tal-inqas tixirfu fil-misteru ta’ Ġesù!) – ikun ta’ ispirazzjoni għalikom biex meta ’l quddiem tilħqu ċerta stabbiltà fil-ħajja, bi mġibitkom intom tiżbqu l-ittra tal-liġi pożittiva u tibdlu l-prinċipji tal-proporzjon u tal-meritokrazija bil-kmandament tal-imħabba. Hekk tagħmlu verament differenza. It-twemmin Nisrani mhux kif jikteb Nietzsche, “il-morali ta’ min hu dgħajjef u li jeqred il-ferħ tal-ħajja”. Għall-kuntrarju, il-Vanġelu jagħmilna ħielsa, jgħinna nfarrku l-katina tal-vjolenza u fuq kollox jispirana nagħmlu għażliet li jgħinuna ngħixu f’soċjetà fraterna.