Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fil-Merħba lir-Relikwa Insinji ta’ Driegħ San Ġorġ


Riflessjoni fil-Merħba lir-Relikwa Insinji
ta’ Driegħ San Ġorġ minn Ferrara
Għasar Solenni
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 15 ta’ Ġunju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

DRIEGĦ IMLIBBES BIL-MIŻERIKORDJA

Kien wasal iż-żmien li Iżakk jgħaddi d-dritt tal-primoġenitura lil ibnu l-kbir Għesaw. Billi Iżakk ma kienx għadu jara, biex jagħraf lil Għesaw ried imisslu driegħu li kien muswaf. Imma ġara li Ġakobb ried jisraq dan id-dritt lil ħuh u għalhekk dawwar ġild kollu xagħar ma’ driegħu u resaq quddiem missieru (minn dejjem kien hemm aħwa li jisirqu l-wirt ta’ ħuthom!). Biex ikun ċert li dak li kien hemm quddiemu kien Għesaw, Iżakk ivverifika jekk id-driegħ kienx muswaf u meta ħass ix-xagħar, tah il-barka.

Aħna llum għandna fostna r-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ Martri. Kif nistgħu nkunu ċerti li dan tassew huwa d-driegħ tiegħu? Għalija l-provi mhumiex l-investigazzjonijiet xjentifiċi li jsiru fil-laboratorji, imma li dan id-driegħ huwa mlibbes bil-miżerikordja ta’ Alla! Hija xewqa tiegħi li f’dan il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, permezz tal-miġja ta’ din ir-Relikwa, aħna nħallu l-miżerikordja ta’ Alla tmissna bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ. Din hija l-karatteristika li għandha tikkonvinċina li dan id-driegħ mhux biss driegħ ta’ San Ġorġ, imma huwa l-estensjoni tad-driegħ ta’ Alla l-Ħanin.

Il-fatt li San Ġorġ kien tribun fil-milizja tar-Rumani, ħafna drabi kkundizzjonana biex id-driegħ ta’ dan il-qaddis ta’ Lidda nassoċċjawh mal-qawwa kavallereska, u għalhekk huwa driegħ li ġarr l-armi biex seta’ jeħodha kontra dawk li kienu jippersegwitaw lill-Insara. Għalhekk bir-raġun ħafna jaraw fid-driegħ tiegħu għelm ta’ qawwa kumbattiva li tbatti – strument li biex jiddefendi, ifieri. Imma llejla jien nixtieq li lil San Ġorġ narawh minn lenti differenti u nikkontemplawh bħala ministru tal-miżerikordja ta’ Alla. Jien konvint li fuq l-eżempju ta’ Kristu, San Ġorġ ħaddem dirgħajh biex ifarraġ, jagħmel il-qalb u jdewwaq il-ħlewwa tal-miżerikordja divina.

Għalhekk dan id-Driegħ li llejla qegħdin inqimu għandu jfakkarna f’dak il-għadd ta’ drabi meta San Ġorġ uża dirgħajh biex iwieżen lil ħutu l-Insara li, quddiem l-isfidi li kienet qed tippreżentalhom il-kultura l-ġdida impurtata minn Ruma, bdew jaqtgħu qalbhom fil-mixja tagħhom wara Ġesù. Min jista’ jgħid kemm dawk id-dirgħajn mibruma imma kollha ħlewwa refgħu nies li tfixklu jew indarbu u waqgħu għall-mewt mal-art! Ifakkarna f’dawk l-okkażjonijiet meta Ġorġi tagħna kien jidlek il-balzmu fuq il-ġrieħi ta’ ħutu l-Insara li kienu maħbutin u jinfaxxahomlhom. Ifakkarna kemm dan il-martri tal-Kappadoċja xxotta d-dmugħ iġelben fuq il-ħaddejn tal-Insara mgħattna bit-toqol tal-ħajja imma mhux imkissra.

Illum ukoll neħtieġu t-tmellisa ta’ dan id-driegħ ta’ San Ġorġ. Għax min minna xi darba jew oħra ma jsibx postu f’xi kategorija minn dawn li semmejt? Aħna lkoll dgħajfin – mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment, – u għalhekk għandna bżonn dan id-driegħ ta’ San Ġorġ li jwennisna, jagħmlilna kuraġġ, jerfagħna meta naqgħu u jimbuttana ’l quddiem. Min ma għandux xi ġerħa fil-ħajja personali jew familjari tiegħu – xi drabi anki ġerħat li ma jibbastawx jagħlqu – u ma jeħtieġx l-għajnuna ta’ San Ġorġ li bi driegħu japplikalna l-mediċina ta’ Alla u jfejjaqna? Ilkoll ngħaddu minn ġrajjiet li jbikkuna, xi drabi anki dmugħ tad-demm; imma bil-ħlewwa tipika tiegħu, San Ġorġ joħroġ driegħu biex jiġbor id-dmugħ tagħna. Dan huwa d-driegħ kollu miżerikordja ta’ San Ġorġ.

Kif jgħidilna Santu Wistin, id-driegħ ta’ Alla huwa Ġesù Kristu li dewwaqna t-tjubija tal-Missier u fejjaqna mid-dnub li huwa l-agħar ġerħa li jista’ jkollu l-bniedem. “Sidna Ġesù Kristu huwa d-driegħ imqaddes ta’ Alla u l-leminija ta’ Alla. […] U min jiġi mfejjaq u mrebbaħ permezz ta’ dan id-driegħ? Min hu mfejjaq fil-ġewwieni tiegħu. U min hu li jiġi mfejjaq fil-ġewwieni tiegħu? Min jemmen f’Ġesù u, imfejjaq minn ġewwa, jiġi mibdul fi bniedem ġdid sakemm anki l-ġisem tiegħu, li bħalissa huwa suġġett għat-taħsir, jasal fl-aħħar għall-perfezzjoni” (In Psalmum 97 Enarratio). Imma mbagħad mal-medda taż-żmien, Ġesù saħħar għal warajh liż-żagħżugħ Ġorġi u ried li d-driegħ tiegħu ikun l-id it-twila tiegħu u l-leminija (tal-Mulej Ġesù) li permezz tiegħu taslilna l-grazzja.

Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ, biex jekk illum Hu jsejħilna, inħalluh juża dirgħajna biex ikunu wkoll għodda ħalli l-miżerikordja tiegħu tmiss lil ħutna, anki lil min xħin jarana jdawwar wiċċu jew jagħtina dahru, anki lil dawk li ma jifhmuniex meta fil-kuxjenza nkunu ċerti li għandna nieħdu ċerti deċiżjonijiet. Jekk id-driegħ tagħna jrid ikun driegħ awtentiku, għandu jkun driegħ imlibbes bil-miżerikordja. Dan huwa l-messaġġ li nixtieq inħallilkom f’dawn it-tlett ijiem li ser iddum fostna din ir-relikwa.

Kif insibu fl-Iskrittura Mqaddsa, l-erwieħ tal-ġusti qegħdin f’idejn Alla. Aħna mhux biss ninsabu fil-pala tal-id ta’ Alla, imma wkoll fuq wiċċ l-idejn tal-maħbub tagħna San Ġorġ. Kif idejn Kristu jogħġbu lill-Missier għax huma jdejn bil-pjagi, hekk ukoll dan id-driegħ huwa merfugħ ’il fuq għax huwa driegħ tal-martri Ġorġi. Nitolbu għalhekk lil San Ġorġ biex kif id-driegħ tiegħu kien strumentali biex l-Insara għelbu l-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, kif ukoll biex l-antenati tagħna rebħu fuq it-Torok, ikun dan l-istess driegħ qaddis li jgħinna nħossu fuq spallejna t-taptipa tal-ħbiberija ta’ Alla.