Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Festa tal-Madonna tal-Fiduċja


Omelija fil-Festa tal-Madonna tal-Fiduċja
Kappella tal-Ispigolatriċi, ix-Xagħra
Is-Sibt 6 ta’ Frar 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦAL ALLA EBDA BNIEDEM MA HU FALLUT

Fil-ħajja ġieli jiġrilna li nagħmlu l-proġetti tagħna imma dawn ifallu; ġieli jiġri li mhux biss il-ħidmiet tagħna jfallu, imma aħna stess inħossuna persuni falluti u nitilfu kull tama fil-ħajja. Hekk ġralu Pietru. Ħareġ biex jistad. Kien bniedem tas-sengħa u ħila, imma wara ħafna taħbit ma qabad xejn. Nimmaġinaw meta nirritornaw lejn id-dar b’idejna battala, bil-“kannestru” vojt.

Imma quddiem il-bniedem fallut, il-Mulej Ġesù huwa dak li jerġa’ jkebbsilna l-fjamma tat-tama fil-qalb tagħna. Aħna rridu nemmnu fil-Kelma tiegħu, kif għamel Pietru, u noqogħdu għaliha minkejja li din tkun tidher illi tikkuntrasta ħafna mal-ħsibijiet, mal-proġetti u mal-viżjoni tagħna: “La qiegħed tgħid int, mela, nitfa’ x-xbiek, avolja ftit ilu għamilt hekk u tfajt ix-xbiek u tellajthom vojta”.

Hija din l-attitudni li aħna għandu jkollna quddiem Alla. L-istess attitudni li kellha Marija, l-Omm tal-Fiduċja. Meta l-anġlu għamlilha l-proposta biex hi tkun omm, hi staqsiet kif iseħħ dan fl-assenza ta’ raġel. Imma l-anġlu jgħidilha biex toqgħod għall-Kelma. U Marija tistqarr: “Ħa jkun minni skont Kelmtek”. Aħna nafu kif issarrfet dik l-Iva ta’ Marija. Dak li kien jidher li huwa impossibbli għall-bniedem sar possibbli f’din ix-Xebba ta’ Nazareth.

Alla hu sorprendenti kif jittratta magħna l-bnedmin. Fit-tliet qari tal-lum smajna dwar tliet persuni midinbin. Il-profeta Isaija jistqarr: “Jaħasra għalija, mitluf jien, jien bniedem b’xofftejh imniġġsa, u ngħix f’nofs poplu b’xofftejh imniġġsa”. Min-naħa tiegħu l-Appostlu Pawlu jgħid: “Fl-aħħar deher ukoll wara kulħadd, lili, qisni twelidt mormi wara kulħadd għax jien l-inqas wieħed fost l-Appostli illi ma jisħoqqlix nissejjaħ appostlu għax kont naħqar il-Knisja ta’ Alla”. U dak li fuqu Kristu bena l-Knisja tiegħu, Pietru jgħidlu: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jien raġel midneb”.

U fejn hi s-sorpriża ta’ Alla? Lill-bniedem li huwa konxju mil-limitazzjonijiet tiegħu, mid-dgħufija tiegħu, mid-dnub tiegħu, Alla ma jiskartahx. Alla ma jaqtgħux minn miegħu imma jiġri warajh. Il-Mulej Ġesù jipprova jibni relazzjoni speċjali miegħu.

Fil-fatt lil Isaija, minkejja li huwa bniedem imniġġes, ma jikkundannahx, ma jagħtihx is-sentenza tal-mewt, imma jurih il-glorja tiegħu – il-ġmiel tiegħu.

Pawlu jirrikonoxxi li “bil-grazzja ta’ Alla jien dan li jien”. Pawlu ma jgħidx li nbidel bil-ħila tiegħu, imma li hu dak li hu frott l-imħabba b’xejn ta’ Alla. Hija l-grazzja tiegħu li ħadmet fih u għenitu joħroġ mid-dnub tiegħu.

Ma’ Pietru “midneb” Ġesù juri l-qawwa tiegħu, u minn sajda falluta Hu jagħmel miraklu ta’ sajda kbira. Araw ftit kemm jissorprendina Alla, kif jaħdem magħna l-bnedmin, min fi grad u min f’ieħor! Aħna mniġġsin, aħna midinbin. Biex ma naqtgħux qalbna, għeżież tiegħi, minkejja d-dgħufija tagħna! Hekk taħdem il-grazzja ta’ Alla. Alla ma jaqta’ qalbu minn ħadd. Għalih ebda bniedem ma huwa fallut.

Jien naħseb illi quddiem din il-ħidma straordinarja ta’ Alla, aħna mhux biss għandna nagħmlu l-qalb dwarna nfusna, imma rridu wkoll nikkoreġu l-mod kif inħarsu lejn min hu midneb. Kieku sew illi aħna jkollna l-istess għajnejn li għandu Kristu quddiem il-midneb, li jkollna l-istess attitudni li kellu (u għandu) Kristu quddiem il-midneb. Ngħiduha kif inhi, aħna xi drabi x’attitudni nieħdu quddiem bnedmin imniġġsa? Ħafna drabi naqtgħuhom minn magħna, u jekk jista’ jkun nitfgħuhom mhux fuq wara, imma ’l barra. Ma’ dawn ħutna kliemna ma tantx ikun ħelu, imma jkun kliem ta’ twiddib u stmerrija.

Stejjer illi smajna u forsi għadna nisimgħu. M’ilux kien hemm missier li qalli li għandu t-tifel li ma jistax jersaq għall-konfessjonarju għaliex dak illi ġarrab darba meta resaq biex iqerr ma jinsiehx. Kemm hi differenti l-attitudni ta’ Ġesù! Qed insemmi l-konfessjonarju bħala eżempju għax huwa sinonomu ma’ dak il-post fejn jersaq il-midneb; imma fil-ħajja hemm ħafna mumenti fejn niġu wiċċ imb wiċċ mal-midneb. Kif nirrelataw ma’ bniedem illi għemilu huwa ħażin? Xi drabi naqtgħuh mill-komunità.

Kristu mhux hekk għamel. Alla lil Isaija jurih il-ġmiel biex dak il-ġmiel jgħammixlu għajnejh, jurih li hemm fih dalma (id-dnub), u hekk jibda l-proċess tal-konverżjoni, tal-indiema. Lil Pietru Ġesù jurih il-qawwa tiegħu b’dik il-qabda mirakuluża tal-ħut ħalli Pietru jintebaħ biċ-ċokon tiegħu u jibda dik il-mixja illi twasslu ħalli jinfatam mid-dnub tiegħu. Imma l-ewwel hemm esperjenza tal-grazzja, l-ewwel hemm esperjenza tal-ħbiberija illi Alla joffri b’xejn lilna l-bnedmin. Hi din il-qrubija ta’ Alla lejna l-bnedmin illi mbagħad twassalna biex aħna nsibu l-kuraġġ u l-qawwa biex nerġgħu lura lejn id-dar tal-Missier. Imma qabel ma nkunu qbadna t-triq biex immorru lura fid-dar ta’ Missierna, il-Missier ikun diġà ħaddanna miegħu. Hi dik it-tgħanniqa, dik it-tħaddina illi tagħtina l-qawwa biex aħna ninbidlu.

Fit-tliet każijiet, lil Isaija, Pawlu u Pietru Alla jafdalhom missjoni kbira. Alla jibgħathom fuq missjoni f’ismu. Alla kemm jaġixxi b’modi differenti minna! Għax meta xi ħadd jagħmilhielna darba, forsi tnejn u tlieta, żgur mhux ħa jkollna l-fiduċja fih li nafdawlu biċċa xogħol f’isimna! Għalhekk aħna lil Alla ma nifhmuhx. Imma Alla hekk jagħmel!

Dan huwa l-mod sorprendenti kif jaħdem Alla tagħna. Għalhekk f’din il-ġurnata fejn aħna qegħdin nagħmlu din it-tifkira tal-Madonna tal-Fiduċja, nitobuha lil Marija ħalli tnissel fina din il-fiduċja f’dan Alla li hu għani fil-ħniena, f’dan Alla li ma jistax ma jaħfirx, ma jistax ma jħobbx, speċjalment lill-midneb. Hu meta aħna niskopru dan u meta nagħmlu l-esperjenza ta’ din l-imħabba, il-ħniena u t-tjubija ta’ Alla, li nistgħu nħarsu lejn id-dar tagħna u npoġġuha fl-ordni.

Lilna li “d-dar” tagħna ħafna drabi tkun ta’ taħt fuq, Alla jrid idaħħalna f’daru biex naraw kemm huma sbieħ l-ordni u l-armonija; imbagħad tant nixxennqu għad-dar ta’ Alla li nirritornaw lejn djarna bix-xewqa li nagħmluha sabiħa. Hekk jagħmel Alla l-Imbierek. Imma aħna bil-kontra nirraġunaw: l-ewwel irrid nirranġa d-dar tiegħi, imbagħad nidħol fid-dar tiegħek. Le, l-ewwel idaħħalna fl-intimità tiegħu, naturalment jekk aħna rridu, imbagħad dik l-intimità, dik il-ħbiberija tagħna miegħu, dik il-fiduċja li hu juri fina, imbagħad dik tagħtina d-dawl biex aħna nkunu nistgħu npoġġu darna, il-ħajja tagħna f’postha.

Inqiegħdu dan kollu, li mhux diskors ħafif, taħt il-ħarsien tal-Omm tal-Fiduċja biex ma nħallu xejn jaqtgħalna qalbna minn din l-esperjenza.