Ordinazzjoni ta’ 8 Isqfijiet Afrikani minn Ġwanni Pawlu II

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA (2 – 12 ta’ MEJJU 1980)

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II FL-OKKAŻJONI TAL-ORDINAZZJONI
TA’ TMINN ISQFIJIET ĠODDA
. Kinshasa (Zaire) – Il-Ħadd 4 ta’ Mejju 1980

Għeżież ħuti fi Kristu.

F’dan il-jum ta’ ferħ kbir, f’din iċ-ċirkostanza sollenni nindirizza qabel xejn lilkom li se tirċievu l-grazzja tal-episkopat: “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja… imma nsejħilkom ħbieb” (Ġw 15, 15). Dan qal Ġesù lill-Appostli, dan ngħid ukoll jien lilkom.

1. Diġa minn żmien ilu intom kontu assoċjati b’mod intimu mal-ħajja ta’ Kristu. Il-fidi tagħkom żviluppat ruħha fuq din l-art Afrikana, fil-familja tagħkom jew fil-komunità nisranija tagħkom u din ipproduċiet il-frott tagħha. Intom segwejtu lil Kristu li stedinkom biex tikkonsagraw ruħkom interament għall-missjoni tiegħu. Intom irċivejtu s-saċerdozju ministerjali propju tal-kleru biex tkunu dispensaturi tal-misteri ta’ Alla. Intom għamiltu minn kollox biex teżerċitawh b’għerf u b’kuraġġ.

U issa ġejtu magħżula biex “tirgħu l-merħla li tagħha l-Ispirtu Santu għamilkom għassiesa”, bħal ma jgħid San Pawl lill-anzjani ta’ Efesu, Isqfijiet biex  tippresjeduha f’isem u minflok Alla u timxu quddiemha. Intom tirċievu kif jerġà jgħid San Injazju ta’ Antijokja, “il-ministeru tal-komunità”. Għal dan, bħall-appostli, intom mogħnija  minn Kristu b’effużjoni speċjali tal-Ispirtu Santu li tirrendi fertili il-ministeru tagħkom (cf. Oratio consecratoria in Ordinatione Episcopi); intom imlibbsa bil-milja tas-saċerdozju, sagrament li jistampa fikom il-karattru sagru tiegħu; hekk, b’mod eminenti u viżibbli, intom iżżommu minflok Kristu stess, Duttur, Saċerdot u Ragħaj re (cf. Lumen Gentium, 20 21). Iżżu ħajr lill-Mulej! U kantaw: “alleluia”!

Huwa ferħ kbir u unur għall-komunitajiet fejn għandkom għeruqkom jew li jirċevukom bħala rgħajja, għaż-Żaire, il-Burundi, is-Sudan, Ġibuti, u wkoll il-komunitajiet reliġjużi li ffurmawkom; Intom “itteħidtu minn fost il-bnedmin u ġejtu stabbiliti biex tintervienu favur il-bnedmin fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla” (Lh 5, 1). Meta l-Knejjes żgħażagħ jaraw lil uliedhom jassumu l-opra tal-evanġelizzazzjoni isiru Isqfijiet ta’ ħuthom, dan huwa sinjal partikolaement elokwenti tal-maturità u tal-awtonomija ta’ dawn il-Knejjes! F’dan il-jum, noqogħdu attenti li ma ninsewx ukoll il-merti tal-pijunieri kollha li ħejjew mill-bogħod jew mill-qrib lil dawn ir-responsabbli ġodda u b’mod partikolari lis-saċerdoti u l-Isqfijiet missjunarji. Ukoll għalihom ejjew niżżu ħajr lill-Mulej!

2. Li jaġixxi permezz tal-ministeru tagħna huwa Kristu rxuxtat, igglorifikat minn id Alla u mqiegħed minn Missieru fil-pussess tal-Ispirtu Santu mwiegħed (cf. At 2, 33), dak Kristu li aħna nikkuntemplaw b’ferħ speċjali f’dan iż-żmien paskwali. Infatti huwa hu l-bidu, huwa hu r-ras tal-ġisem li hija l-Knisja  (cf. Kol 1, 18). Fl-Ispirtu Santu, Kristu jkompli l-opra tiegħu permezz ta’ dawk stabbiliti bħala rgħajja u li ma jaqtgħux jittrażmettu dan id-don spiritwali permezz tal-impożizzjoni tal-idejn. Huma “n-nebbieta taż-żerriegħa apostolika” (cf. Lumen Gentium, 20, ubi citatur Tertullianus). B’dan il-mod il-linja tal-episkopat tkompli għaddejja bla ma taqtà sa mill-oriġni.

Intom mela tidħlu fil-kulleġġ episkopali li jissuċċedi l-kulleġġ tal-Appostli. Intom se taħdmu ma’ ġemb u flimkien mal-maġġuri tagħkom: iktar minn ħamsin Żairisti diġa miġburin fil-korp episkopali wara l-ewwel ordinazzjoni Veskovili fl-1956, u l-pajjiżi l-oħra hawn rappreżentati li jinsabu f’sitwazzjoni simili. Intom se taħdmu f’komunjoni ma’ ħutkom imxerrda mad-dinja kollha, waqt li tiffurmaw entità waħda fi Kristu, magħqudin madwar l-Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ San Pietru. Intom se tkunu marbutin ħafna ma’ din il-komunjoni ndispensabbli minħabba li intom ordnati minn dak li lilu l-Ispirtu Santu afdalu, bħal Pietru, il-kariga li jippresiedi għall-għaqda, Iva, iżżu ħajr lill-Mulej! U kantaw: “alleluia”!

3. Intom qegħdin tirċievu grazzja kbira biex teżerċitaw kariga pastorali esiġenti. Intom tafu t-tliet aspetti li s-soltu jiġu ndikati bħala “maġisteru duttrinali, saċerdozju tal-kult sagru, ministru tat-tmexxija” (cf. Lumen Gentium, 20). Il-kostituzzjoni konċiljari “Lumen Gentium” (Ivi, 18-27) u d-digriet “Christus Dominus” (cf. Christus Dominus, 11-19) jibqgħu l-karta tal-ministeru tagħkom li spiss għandkom timmeditaw.

Intom qabel xejn intom responsabbli tal-predikazzjoni tal-Vanġelu, li l-ktieb tiegħu se jkun imqiegħed fuq raskom waqt it-talba konsagratorja u wara mqiegħed mill-ġdid f’idejkom. Hawn fl-Afrika, lill-irġiel tal-Knisja jitolbuhom qabel kollox: tuna l-kelma ta’ Alla. Din hija tassew ħaġa tal-għaġeb li tara l-għatx tal-kompatrijoti tagħkom għall-Vanġelu: huma jafu li dak li tippreżentaw huwa messaġġ ta’ ħajja. Minħabba dan intom mintomx se tkunu weħedkom. Is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-katekisti tagħkom, il-lajċi tagħkom huma wkoll evanġelizzaturi li tassew jixirqilhom, ta’ kuljum, tenaċi, tant qrib il-poplu, kultant saħansitra pijunieri, fil-postijiet u fl-ambjenti fejn il-Vanġelu  għadu ma ppenetrax għal kollox. L-irwol tagħkom se jkun li ssostnu ż-żelu tagħhom, li tarmonizzaw l-apostolat tagħhom, li tgħassu sabiex ix-xandir, il-predikazzjoni u l-katekeżi jkunu fidili għas-sens veru tal-Vanġelu u għad-duttrina dommatika u etika kollha li l-Knisja esprimiet tul il-kors tal-għoxrin seklu tagħha  nibdew mill-Vanġelu. Hemm bżonn tfittxu fl-istess ħin li tagħmlu iva li dan il-messaġġ jilħaq tassew il-qlub u jibdel il-kondotti, billi nutilizzaw il-lingwaġġ li jixraq lill-fidili Afrikani tagħkom.

Bħalma l-liturġija lesta li tgħidilna li: ikun xi jkun “ippridkaw intom stess l-kelma ta’ Alla b’paċenzja kbira u b’interess li tedukaw”. Intom tinsabu fl-ogħla grad xhieda tal-verità divina u kattolika.  Intom qegħdin tirċievu l-inkarigu li tqaddsu l-Poplu ta’ Alla. F’dan is-sens intom missirijiet u tittrażmettu l-ħajja ta’ Kristu bis-sagramenti li intom tiċċelebraw jew li tagħhom tafdaw lis-saċerdoti tagħkom l-amministrazzjoni regolari denja u fertili. Ikollkom għal qalbkom it-tħejjija tal-fidili tagħkom għal dawn is-sagramenti u li tinkuraġġuhom biex jgħixuhom fil-perseveranza. It-talb tagħkom ma jaqtax jakkumpanja lill-poplu tagħkom fit-triq tal-qdusija. Intom tikkontribwixxu biex tħejju bil-grazzja tal-Mulej Knisja bla tebgħa u bla tikmixa, li xxandar lil Ġerusalem il-ġdida li dwarha jitkellem l-Apokalissi, “l-Għarusa mħejjija għall-Għarus tagħha” (Ap 21, 2).

4. Fl-aħħarnett intom tirċievu t-tmexxija pastorali ta’ dijoċesi jew tipparteċipaw bħala Isqfijiet awżiljarji.

Kristu jagħtikom l-awtorità biex tħeġġu, biex tqassmu l-ministeri u s-servizzi skont il-bżonnijiet u l-ħiliet, biex tgħassu għat-twettiq tagħhom,  biex jekk ikun meħtieġ terġgħu tibdew bi ħniena lil dawk li tbegħdu, tgħassu l-merħla kollha u tiddefenduha bħal ma kien jgħid San Pawl (At 20, 29-31), tqanqlu spirtu dejjem iktar missjunarju. Fittxu f’kollox il-komunjoni u l-edifikazzjoni tal-ġisem ta’ Kristu. Intom iġġorru bi dritt tajjeb fuq raskom il-marka tal-mexxej u f’idkom il-bastun tar-ragħaj.

Ftakru li l-awtorità tagħkom, skont Ġesù, hija dik tar-ragħaj li jaf in-nagħaġ tiegħu u huwa b’sebà mitt għajn għal kull waħda; dik tal-Missier li jimponi ruħu għall-ispirtu tiegħu ta’ mħabba u ta’ dedikazzjoni; dik tal-funzjunarju lest li jagħti kont lil sidu; dik tal-“ministru” li jinsab f’nofs dawk tiegħu “bħala dak li jaqdi” u huwa lest li jagħti ħajtu. Il-Knisja dejjem irrakkomandat lill-kap tal-komunità nisranija l-attenzjoni speċjali tal-foqra, tad-dgħajfa, ta’ dawk li jbatu, tal-emarġinati ta’ kull tip. Hija tqis li tagħti sosten speċjali lis-saċerdoti u lid-djakni, sħabkom ta’ servizz: dawn huma għalikom aħwa, ulied, ħbieb (cf. Christus Dominus, 16).

L-amministrazzjoni rigoruża li hija afdata lilkom titlob min-naħa tagħkom, bl-awtorità, il-prudenza u l-għaqal tal-“anzjani”, l-ispirtu ta’ sens ta’ ġustizzja u ta’ paċi, il-fedeltà tal-Knisja li tagħha iċ-ċurkett tagħkom huwa s-simbolu; purezza eżemplari ta’ duttrina u ta’ ħajja. Din hija, fl-aħħar minn l-aħħar, li tmexxi kleru, reliġjużi u lajċi għall-qdusija tal-Mulej Sidna; din hija li tmexxihom biex jgħixu l-kmandament il-ġdid tal-imħabba fraterna li Ġesù ħallielna bħala t-testment tiegħu (Ġw 13, 34). Għal dan il-Konċilju riċenti jfakkar lill-Isqfijiet kollha d-dmir primordjali tal-“wiri tal-eżempju tal-qdusija permezz tal-karità, l-umiltà u s-sempliċità tal-ħajja tagħhom” (cf. Christus Dominus, 15). San Pietru kien kiteb lill-“anzjani”: “Irgħu l-merħla ta’ Alla. . . Uru ruħkom mudelli tal-merħla” (1 Pt 5, 2-3).

5. B’dan il-mod intom taslu għall-ġid tal-erwieħ, għas-salvazzjoni tagħhom. B’dan il-mod intom issegwu l-edifikazzjoni tal-Knisja diġa b’mod hekk tajjeb mħawla fil-qalb tal-Afrika u b’mod partikolari f’kull wieħed mill-pajjiżi tagħkom. Hekk intom tkunu qegħdin tagħmlu parti prezzjuża tal-vitalità tal-Knisja universali, billi ġġorru miegħi u mal-għaqda tal-Isqfijiet l-ansjetà tal-Knejjes kollha f’ kull wieħed mill-pajjiżi tagħkom. Hekk intom tkunu qegħdin tagħtu parti prezzjuża lill-vitalità. 

Barra minn dan, waqt li tiffurmaw il-kuxjenzi skont il-liġi ta’ Alla u waqt li tedukawhom għar-responsabiltajiet u għall-komunjoni fil-Knisja, intom tikkontribwixxu biex tiffurmaw iċ-ċittadini onesti u kuraġġużi li tagħhom il-pajjiż għandu bżonn, għedewwa tal-korruzzjoni, tal-gideb u tal-inġustizzja, artiġġjani tal-qbil u tal-imħabba fraterna bla fruntieri, fakkara ta’ żvilupp armonjuż u b’mod speċjali tal-kategoriji l-iktar foqra. Waqt li tagħmlu dan, intom teżerċitaw il-missjoni tagħkom, li hija ta’ ordni spiritwali u morali: din tippermettilkom li tippronunzjaw ruħkom dwar l-aspetti etiċi tas-soċjetà kull darba li d-drittijiet fundamentali tal-persuni, il-libertajiet fundamentali u l-ġid komuni jesiġu dan. Dan kollu fir-rispett tal-awtoritajiet ċivili li, fuq il-pjan politiku, u fir-riċerka tal-mezzi biex jippromwovu l-ġid komuni, għandhom il-kompetenzi tagħhom u r-responsabiltajiet speċifiċi. Hekk intom tippreparaw b’mod profond il-progress soċjali, il-ġid u l-paċi tal-għażiża art twelidkom u timmeritaw l-istima tal-koċittadini tagħkom. Intom il-pijunieri tal-Vanġelu u tal-Knisja u l-pijunieri tal-istorja ta’ pajjiżkom.

6. Ħuti l-għeżież, dan l-ideal m’għandux jegħlibkom. Għall-kuntrarju, għandu jattirakom, iservikom ta’ trampolin u ta’ tama. Bla dubju, aħna nġorru dawn it-teżori kollha ġo ġarar tal-fuħħar (cf. 2 Kor 4, 7), inkluż dak li qiegħed ikellimkom u li lilu huwa riservat l-isem ta’ “qdusija tiegħu”. Trid verament propju l-umiltà biex tissaporti dan l-isem! Imma waqt li tissottomettu b’mod umli l-persuna kollha tagħkom lil Kristu li qiegħed isejħilkom biex tirrapreżentawh, intom sikuri mill-grazzja tiegħu, mill-qawwa tiegħu, mill-paċi tiegħu. Bħal San Pawl, “jiena nafdakom lil Alla u lill-kelma tal-grazzja tiegħu” (At 20, 32). Jalla Alla jkun igglorifikat fikom!

7. U issa nindirizza b’mod iktar dirett lil dawk kollha li jdawrukom bis-simpatija tagħhom, bit-talb tagħhom, Għeżież ħuti rġiel u nisa ta’ Kinshasa taż-Żaire,  tal- Burundi, tas-Sudan, ta’ Ġibuti: ilqgħu bil-ferħ lil ħutkom li qegħdin isiru missirijietkom u r-rgħajja tagħkom. Ikollkom rispett lejhom, l-imħabba, l-ubbidjenza li għandu jkollkom lejn il-ministri ta’ Kristu li huwa triq, verità u ħajja. Isimgħu x-xhieda tagħhom għaliex huma ġejjin għandkom bħala xhieda ewlenin tal-Vanġelu, Il-messaġġ tagħhom huwa l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu. Iftħu rwieħkom għall-barkiet ta’ Kristu, għall-ħajja ta’ Kristu li huma jġorru. Segwuhom fit-toroq li huma sa jfasslulkom sabiex  il-kondotta tagħkom tkun denja tad-dixxipli ta’ Kristu. Itolbu għalihom. Magħhom intom se tibnu l-Knisja fl-Afrika, intom se tiżviluppaw diversi komunitajiet insara, f’komunjoni stretta mal-Knisja universali li tagħha rċivejtu u se tkomplu tirċievu l-ilma tal-ħajja, f’relazzjoni konfidenti mas-Sedja ta’ Pietru, bidu ta’ għaqda, imma bis-saħħa u l-għana spiritwali u morali li l-Vanġelu jkun diġa nebbet mill-erwieħ Afrikani tagħkom.

Permezz tal-providenza divina din is-siegħa sollenni tmiss ukoll l-Afrika tal-lingwa Ingliża u b’mod partikolari s-Sudan. Fil-persuna tal-Isqof awżiljarju l-ġdid ta’ Juba, insellem lill-Arċidjoċesi kollha u lill-ulied maskili u femminili kollha tal-Knisja f’din l-art. Grazzi u sliem lilkom ilkoll f’isem Ġesù Kristu, Bin Alla, Ġesù Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb, ta’ din il-Knisja kollha tiegħu biex  tkompli teżerċita l-attenzjoni pastorali permezz tal-ministeru tal-Isqfijiet.  Jalla l-imħabba tas-Salvatur tkun f’qabkom illum u dejjem.

U intom, għeżież ħbieb li ma taqsmux il-fidi nisranija imma li bqajtu takkumpanjaw lill-kattolċi għal din iċ-ċelebrazzjoni liturġika, ilqgħu il-grazzi tiegħi u l-istedina tiegħi biex ukoll intom tikkunsidraw dawn l-Isqfijiet il-ġodda bħala kapijiet reliġjużi, difensuri tal-bniedem, kostrutturi tal-paċi.

U issa ejjew inħejju ruħna għar-rit tal-ordinazzjoni. Bħall-Appostlu Pawlu quddiem l-“anzjani” ta’ Efesu li lilhom kien għamel ir-rakkomandazzjonijiet pressanti tiegħu, aħna sejrin nitolbu. Ikun imbierek il-Mulej li jtawwal b’dan il-mod l-opra tiegħu fostna! Jalla l-Appostli kollha jinterċedu għalina! Jalla l-Verġni Marija, Omm is-Salvatur, Omm il-Knisja. Reġina tal-Appostli tinterċedi għalina! Aħna se nikkonsagrawhom dawn il-qaddejja ġodda tal-Knisja. Niżżu ħajr lill-Mulej fil-fidi, il-karità u t-tama. Amen. Alleluia!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d