Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II f’Nairobi.


PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA. OMELJIA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Nairobi (Kenya), 7 ta’ Mejju 1980

Meqjumin Huti fl-Episkopat, 
Għeżież Ħuti fi Kristu.

1. Qegħdin niltaqgħu hawn illum biex nagħtu tifħir u glorja lil Missierna ċelesti. Iltqajna hawn f’din il-pjazza flimkien, irġiel u nisa ta’ estrazzjonjiet differenti, bdanakollu ilkoll magħqudin fih, “li fih il-ħwejjeġ kollha għandhom konsistenza” (Kol 1,17), ilkoll magħqudin madwar il-mejda tal-kelma ta’ Alla u madwar l-altar tas-sagrifiċċju.

Qalbi mimlija gratitudni lil Alla għal dan il-jum u għall-okkażjoni li għandi li niċċelebra l-Ewkaristija flimkien magħkom, li mkanta tifħir lill-Mulej talli rrikonċilja miegħu l-ħwejjeġ kollha, “ waqt li ġab il-paċi bid-demm ta’ salibu” (Kol 1, 20) Fil-jum li fih Ġesù ġie msallab huwa qal lil Pilatu: “Għal dan jien twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nixhed għall-verità” (Ġw 18,37). Ġesù ma ġiex biex jagħmel ir-rieda tiegħu imma dik tal-Missier ċelesti. Bi kliemu, bl-azzjonijiet tiegħu, bl-istess eżistenza tiegħu huwa ta xhieda għall-verità. F’Ġesù ġiet megħluba t-tiranija tal-ingann u tal-falsità, it-tiranija tal-gidba u tal-iżball, it-tiranija tad-dnub. Għaliex Kristu huwa l-kelma ħajja tal-verità divina li huwa wiegħed: “Jekk tibqgħu fidili għal kelmti tkunu tassew dixxipli tiegħi; issiru tafu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8,31-32).

2. Il-Knisja rċeviet mingħand Kristu l-istess missjoni: li tikkultiva mħabba profonda u qima għall-verità u tamalgama bil-fidi l-intuwizzjoni tal-għarfien u tal-għaqal uman; f’kull ħaġa tagħti xhieda lill-verità. Fiż-żminijiet kollha u fil-pajjiżi kollha l-Knisja tipproċedi f’din il-missjoni. Fiduċjuża fil-fatt li jekk Alla huwa s-sors suprem ta’ kull verità, ma jistax ikun hemm oppożizzjoni bejn l-għaqal naturali u l-verità tal-fidi.

Il-fidili kollha, għeżież ħuti, għandhom id-dmir li jesponu l-missjoni tal-Knisja fil-konfront tal-verità. Għalhekk fl-enċiklika tiegħi iddikjarajt li “ir-responsabiltà tal-Knisja għall-verità divina għandha tkun dejjem iktar, u  b’diversi modi,  użatha minn kulħadd, inklużi l-ispeċjalisti fid-diversi dixxiplini, ir-rappreżentanti tax-xjenzi naturali u tal-ittri, it-tobba u l-ġuristi, l-artisti u t-tekniċi, l-għalliema tad-diversi gradi u fid-diversi speċjalizzazzjonijiet. Bħala membri tal-Poplu ta’ Alla, dawk kollha għandhom il-parti propja fil-missjoni profetika ta’ Kristu u għas-servizz tal-verità divina (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 19). Fil-komunjoni tal-fidili u speċjalment fi ħdan il-komunità nisranija lokali, attenzjoni speċjali għandha tingħata lil din ir-responsabiltà li tingħata xhieda lill-verità. Fil-messaġġ tiegħu lill-Afrika, il-predeċessur tiegħi Pawlu VI ndirizza kelma speċjali lill-intellettwali ta’ dan il-kontinent, propju għaliex kien persważ mill-importanza tal-missjoni tagħhom għas-servizz tal-verità. U din il-kelma għadha tidwi wkoll illum: “L-Afrika għandha bżonnkom, tal-istudju tagħkom, tar-riċerka tagħkom, tal-arti tagħkom u tat-tagħlim tagħkom… Intom il-priżma li permezz tagħha l-idejat il ġodda u t-tibdil kulturali jistgħu jkunu interpretati u spjegati lil kulħadd. Kunu sinċieri, fidili għall-verità u lejali” (Pawlu VI, Africae Terrarum, 32, die 29 oct. 1967: Insegnamenti di Paolo VI, V [1967] 595).

3. Hemm bżonn li nibdew ix-xhieda tagħna għall-verità billi nikkultivaw il-ġuħ għall-kelma ta’ Alla, xewqa li nirċievu u li jkollna għal qalbna l-messaġġ ħaj tal-Vanġelu fil-milja kollha tiegħu. Meta tisimgħu attentament il-leħen tas-Salvatur u mbagħad tqegħduh fil-prattika, intom tkunu qegħdin tieħdu sehem tassew fil-missjoni tal-Knisja għas-servizz tal-verità. Intom tixhdu lid-dinja l-fidi soda tagħkom fil-wegħda magħmula minn Alla permezz ta’ Iżaija: “Bħalma x-xita u l-borra jinżlu mis-sema u ma jerġgħux lura hemm mingħajr ma jkunu saqqew l-art, mingħajr ma jkunu rrendewha fertili u ġegħluha tnbbet, sabiex tagħti ż-żerriegħa liż-żerriegħ u l-ħobż x’nieklu, hekk se tkun il-kelma maħruġa minn fommi: ma terġax lura għandi mingħajr effett, mingħajr ma tkun operat dak li nixtieq u mingħajr ma tkun wettqet dak li għalih inkun bgħattha” ( 55,10-11). Intom tistgħu tkunu messaġġiera tal-verità biss kemm-il darba tkunu qabel xejn semmiegħa tal-Kelma ta’ Alla.

4. Meta Pilatu staqsa lil Ġesù jekk kienx sultan, it-tweġiba tiegħu kienet ċara u bla ambigwità: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18,35). Kristu ġie biex iġib il-ħajja u l-fidwa lil kull esseri uman: il-missjoni tiegħu ma kinitx ta’ ordni soċjali, ekonomika jew politika. B’mod simili Kristu ma tax lill-Knisja missjoni soċjali, ekonomika jew politika, imma reliġjuża (cf. Gaudium et Spes, 42). Ikun bdanakollu żbaljat li dak li jkun jaħseb li ndividwalment in-nisrani ma għandux ikun involut f’dawn is-setturi tal-ħajja soċjali. F’dan ir-rigward, is-Santi Padri tal-Konċilju Vatikan II kienu  espliċiti ħafna: “Id-distakk  li wieħed josserva f’ħafna bejn il-fidi li jipprofessaw u l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, għandu jkun meqjus fost l-iktar żbalji gravi ta’ żmienna…In-nisrani li jittraskura l-impenji tiegħu temporali jittraskura id-dmirijiet tiegħu lejni il-proxxmu, anzi lejn Alla stess, u jqiegħed fil-periklu is-salvazzjoni eterna tiegħu propja” (Ivi, 43).

L-insara, għalhekk, u speċjalment intom membri tal-lajkat, intom imsejħa minn Alla biex tinteressaw ruħkom mid-dinja biex tibdluha skont il-Vanġelu. Fit-twettiq ta’ tali dmir, l-impenn personali tagħkom lejn il-verità u l-onestà jokkupa post important, għaliex is-sens ta’ responsabiltà lejn il-verità jikkostitwixxi wieħed mill-punti fundamentali ta’ konverġenza bejn il-Knisja u s-Soċjetà, bejn il-Knisja u kull raġel jew mara  (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 19). Il-fidi nisranija ma tagħtikomx soluzzjonijiet diġa lesti għall-problemi kumplessi tas-soċjetà kontemporanja imma tagħtikoom  penetrazzjoni profonda tan-batura umana u tal-esiġenzi tagħha, waqt li ssejħilkom biex tgħidu l-verità fil-karità, biex tassumu r-responsabiltà tagħkom bħala ċittadini u biex taħdmu flimkien mal-proxxmu tagħkom, biex tibnu soċjetà li fiha l-valuri ġenwini umani huma mitmugħa u approfonditi permezz ta’ viżjoni nisranija kondiviża tal-ħajja.

5. Wieħed mis-setturi li għandu importanza vera fis-soċjetà u fil-vokazzjoni globali ta’ kull persuna umana huwa dak tal-kultura: “Huwa propju tal-persuna umana li ma tistax tilħaq livell ta’ ħajja verament u pjenament uman jekk mhux permezz tal-kultura, billi jiġifieri jikkultiva l-ġid u l-valuri tan-natura. Għalhekk kull darba li jkollha x’taqsam il-ħajja umana, in-natura u l-kultura huma  estremament marbutin b’mod strett” (Gaudium et Spes, 53). Nisrani jrid b’mod ferrieħ jikkollabora biex jippromwovi l-vera kultura, għaliex jaf li l-bxara t-tajba ta’ Kristu ssaħħaħ fil-bniedem il-valuri spiritwali li huma fil-qalb tal-kultura ta’ kull poplu u ta’ kull perijodu storiku. Il-Knisja, li tħossha f’postha f’kull kultura, minġħajr ma b’mod esklussiv tikkontrolla l-ebda waħda minnhom, tinkuraġġixxi lil uliedha subien u bniet, li joperaw fl-iskejjel, fl-universitajiet u fi stituzzjonijiet oħra ta’ tagħlim, biex jagħtuhom l-aħjar tal-attività propja. Waqt li jarmonizzaw dawk il-valuri li jikkostitwixxu l-wirt uniku ta’ kull poplu jew grupp bil-kontenut tal-Vanġelu, in-nisrani jgħin lil niesu biex jiħqu l-vera libertà u l-ħila li jiffaċċjaw l-isfidi ta’ żmienhom propju. Kull nisrani, magħqud ma’ Kristu fil-misteru tal-magħmudija, jisforza lilu nnifsu biex jikkonferma ruħu mal-pjan tal-Missier għal Ibnu: “Iġbor fil-qosor fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, dawk tas-sema kif ukoll dawk tal-art” (Ef 1,10).

6. Sfida oħra mportanti għan-nisrani hija dik tal-ħajja politika. Fi ħdan l-Istat iċ-cittadini għandhom id-dritt u d-dmir li jieħdu sehem, ladarba nazzjon tistà tassikura l-ġid komuni ta’ kulħadd, il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tal-membri diversi tiegħu, biss kemm-il darba ċ-ċittadini, b’libertà sħiħa u b’responsabiltà komprensiva jagħtu l-kontribut propju volenturuż u diżinteressat għall-ġid ta’ kulħadd.

Id-dmirijiet taċ-ċittadini nsara tajbin jinvolvu ferm iktar milli tevita l- korruzzjon, ferm iktar milli ma tisfruttax lill-oħrajn: id-dmirijiet tagħhom jinkludu b’mod pożittiv il-kontribuzzjoni għall-istabiliment tal-liġijiet ġusti u ta’ strutturi li jqisu ċerti valuri umani. Jekk l-insara jsibu ruħhom fl-inġustizzja jew fi kwalunkwè ħaġa li tmur kontra l-imħabba, il-paċi u l-għaqda fis-soċjetà, għandhom jistaqsu: “Fejn fallejt il-mira? X’għamilt ħażin? Xi ttraskurajt li nagħmel minn dak li l-verità tal-vokazzjoni tiegħi sejħitli biex nagħmel? Dmibt minħabba l-ommissjoni?”

7. Illum hawn fil-Kenya, bħal ma għamilt bosta drabi qabel, nixtieq nindirizza messaġġ speċjali lill-koppji miżżewġin u lill-familji. Il-familja hija l-komunità umana fondamentali: iċ-ċellula ewlenija u vitali ta’ kull soċjetà. Għalhekk il-qawwa u l-vitalità ta’ kull pajjiż tikkorrispondi biss għall-qawwa u għall-vitalità tal-familja fi ħdanu. Ebda grupp m’għandu tant impatt fuq il-pajjiż bħall-familja. Ebda grupp m’għandu dmir hekk influwenti fuq il-futur tad-dinja.

Għalhekk il-koppji nsara għandhom missjoni insostitwibbli fid-dinja tallum. L-imħabba ġeneruża u l-fedeltà tar-raġel u tal-mara toffri stabbiltà u tama lil dinja immaniġġjata mill-mibegħda u mid-diviżjoni. Bil-perseveranza tagħhom li ttul għall-ħajja kollha f’imħabba vivifikanti huma juru l-karattru sagru u infranġibbli tar-rabta sagramentali taż-żwieġ. Fl-istess ħin il-familja nisranija hija dik li tippromwovi d-dinjità u l-valuri tal-ħajja umana sa mill-waqt tal-konċepiment.

Il-familja nisranija hija wkoll is-santwarju domestiku tal-Knisja. F’familja nisranija jinsabu diversi aspetti tal-Knisja fit-totalità tagħha, bħal ma huma l-imħabba mutwa, l-attenzjoni għall-kelma ta’ Alla, it-talb komuni. Id-dar hija l-post li fih il-Vanġelu jigi riċevut u migħux, u li minnu jiġi rradjat. Barra minn hekk il-familja toffri xhieda ta’ kuljum, ukoll siekta, lill-verità u lill-grazzja tal-kelma ta’ Alla. Għal tali mottiv iddikjarajt fl-enċiklika tiegħi: “Il-miżżewġin… għandhom bil-qawwiet kollha tagħhom  jagħmlu kull ma jistgħu biex jipperseveraw fl-għaqda taż-żwieġ, billi jibnu b’din ix-xhieda ta’ mħabba l-komunità familjari u billi jedukaw il-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal-bnedmin, kapaċi li jikkonsagraw ukoll huma ħajjithom kollha għall-vokazzjoni propja, jiġifieri għal dak is-“servizz irjali” li tiegħu l-eżempju u l-mudell l-iktar sabiħ kienu offruti lilna minn Ġesù Kristu”(Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 21).

8. Għeżież uliedi, il-familji kollha li jikkostitwixxu l-Knisja u l-individwi kollha li jikkostitwixxu l-familji, aħna lkoll flimkien aħna msejħin biex nimxu ma’ Kristu, waqt li nirrendulu xhieda għall-verità fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna ta’ kuljum. Waqt li nagħmlu hekk, aħna nistgħu nimlew s-soċjetà bil-ħmira tal-Vanġelu, li hu biss jistà jittrasformaha fis-saltna ta’ Kristu, is-saltna tal-verità u tal-ħajja, is-saltna tal-qdusija u tal-grazzja, is-saltna tal-ġustizzja, tal-imħabba u tal-paċi.

Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb