Ħajja ta’ frott bnin. Omelija tal-Isqof Joe Galea Curmi

Omelija, Quddiesa 4 ta’ Ottubru 2020, Is-27 Ħadd tas-Sena, Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan

Ħajja ta’ frott bnin

Min mhuwiex midħla tar-raba’ jew mhuwiex fl-industrija tal-inbid, forsi llum ma tantx tinteressah għalqa ta’ dwieli. Ma kienx hekk fi żmien Ġesù, għax l-ideja ta’ għalqa ta’ dwieli kienet għan-nies xi ħaġa għażiża. Għalhekk Alla jqabbel ir-rabta tiegħu mal-poplu Lhudi proprju ma’ din l-attenzjoni u mħabba għall-għalqa tad-dwieli. Setgħu jifhmu n-nies li hemm kien qed jgħid kemm hu jgħożż il-poplu tiegħu li hu għażel.

Imma għalkemm din kienet l-għażla ta’ Alla, il-poplu mhux dejjem ta dak il-frott li Alla stenna mill-għalqa tiegħu. Fil-fatt dak li jolqtok fil-kelma ta’ Alla llum hu l-ilment għall-għalqa ta’ dwieli  fejn ma kienx hemm il-frott. Fl-Ewwel Qari, smajna li stenna li jkollu għeneb tajjeb minflok kellu għeneb qares, mhux għeneb bnin. Alla bagħat diversi nies biex jgħinu lill-poplu Lhudi imma minflok frott bnin sab frott qares. U fl-Evanġelju, Ġesù jispjega kif Alla bagħat qaddejja differenti imma daru n-nies kontriehom, fosthom lil Ibnu stess li rrifjutawh u qatluh. Ġesù ried juri hawnhekk li hu kellu jibni komunità ġdida li tqum wara li hu jirxoxta, biex tkun tassew l-għalqa tad-dwieli tiegħu li tagħmel il-frott.

X’inhu l-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù bit-tixbiha li juża llum? Tista’ tgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna. Ħa nsemmi tliet punti ċari fil-kelma ta’ Alla llum.

L-ewwelnett: Alla minna l-Insara, dixxipli tiegħu, jistenna l-frott. Fil-ħajja tagħna jistenna li aħna nagħmlu l-frott. San Pawl isemmi fit-Tieni Qari x’inhu dan il-frott, meta jgħid: kull ma hu veru, ġust, xieraq, jiġbed l-imħabba, safi, kulma hu virtù, kulma jogħġob lil Alla – dak kollu li hu sewwa, dak hu l-frott li għandna nagħmlu f’ħajjitna. Huwa meta aħna, dak li nemmnu tassew li hu tajjeb ngħixuh fil-ħajja tagħna, u n-nies li jiltaqgħu magħna jistgħu jħossuh. Qed ngħid għal dawk il-valuri bħalma huma l-imħabba, l-għaqda, ir-rispett lejn xulxin, il-fedeltà, l-onestà, il-ġustizzja, il-verità, il-maħfra. Dawn mhumiex xi ħaġa astratta, imma tista’ tarahom jew ma tarahomx fil-ħajja tan-nies. Għahekk minna li nemmnu fih, Alla jistenna li nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna.

Jgħid ukoll Ġesù li Alla jibagħtilna diversi għajnuniet, nies li jgħinuna fil-ħajja tagħna. Dawk il-qaddejja li bagħat tul is-snin huma simbolu tan-nies li b’xi mod jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Dawn huma don ta’ Alla. Aħna għandna napprezzaw lin-nies li jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Jekk naħsbu ftit, insibu diversi nies fil-ħajja tagħna – min jidher iktar u min inqas, imma jkunu bil-mod tagħhom jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Għalhekk, meta niftakru f’dawn in-nies, aħna għandna napprezzaw dawn id-doni li jagħtina Alla, u nkunu grati lejh, u nuru wkoll apprezzament lil dawk in-nies li jgħinuna biex ħajjitna tista’ tagħmel il-frott.

Ħaġa oħra li hi importanti ħafna li jgħid Ġesù hi din: Alla qatt ma jimponi fuqna. Innutaw dak li jgħid fl-Evanġelju meta jibgħat diversi qaddejja u n-nies jirrifjutawhom – Alla ma jġigħelx lilna biex nagħmlu t-tajjeb bilfors. Jistedinna, jgħinna, jibgħat nies li jgħinuna, imma ma jġegħilniex nagħmlu t-tajjeb bilfors. Minna jiddependi jekk aħna naċċettawhx u allura jekk inkunux nistgħu nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna. Imma li jurina Ġesù hu li jekk aħna nirrifjutaw lilu u lin-nies li jibgħat, min ibati? Aħna li nbatu. Meta aħna nirrifjutawh, aħna li nbatu; u jekk ħajjitna ma tagħmilx frott, aħna li nbatu. Għalhekk Ġesù juża tixbiha oħra, filwaqt li jikkwota silta mill-Iskrittura stess: ”Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Dik ġiet imwarrba mill-bennejja imma fil-fatt kienet l-aktar ġebla importanti. Ġesù qed jgħid għalih stess. Għalhekk, anke fil-ħajja tagħna, meta aħna nirrifjutaw lil Alla, aħna li nbatu; meta aħna nirrifjutaw lin-nies li Alla jibagħtilna biex jgħinuna, aħna li nbatu fl-aħħar mill-aħħar. Inkunu qegħdin nibnu mhux fuq il-ġebla li hi soda imma fuq ir-ramel.

Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel illum, ispirata mill-kelma ta’ Alla, hi biex aħna fil-ħajja tagħna nkunu qalbna miftuħa għad-doni li Alla jagħtina, għall-persuni li jgħinuna, biex il-ħajja tagħna tagħmel tassew il-frott, u biex qatt ma nirrifjutaw lil Alla. Niftakru li hu jrid jagħtina dil-ġebla tax-xewka biex fuqha nibnu ħajjitna; u meta nibnuha hekk, ħajjitna tkun tassew mibnija fis-sod u nistgħu nagħmlu l-frott. Nitolbuh lill-Mulej din il-grazzja biex, bl-għajnuna u bil-qawwa tiegħu, aħna niftħu qalbna għalih ħalli ħajjitna tkun ħajja ta’ frott bnin.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading