OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Kumasi (Ghana), 9 ta’ Mejju 1980
PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Kumasi (Ghana), 9 ta’ Mejju 1980
Għeżież ħuti,
1. Illum huwa jum ta’ ferħ kbir, u jiena ilni żmien twil nistenna dan il-jum. Xtaqt niġi u ngħid lill-katekisti kemm inħobbhom, kemm il-Knisja tinħtieġhom. Illum huwa wkoll jum ta’ sinifikat profond għaliex Ġesù – l-Iben ta’ Alla, il-Mulej tal-istorja, is-Salvatur tad-dinja – huwa preżenti f’nofsna. Permezz tal-Vanġelu mqaddes tiegħu huwa jkellimna b’dak il-kliem li darba ndirizza bih lid-dixxipli tiegħu. “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jiena ordnajtilkom. Hawn jien magħkom sal-aħħar taż-żminijiet…” (Mt 28,18-20).
2 Dan l-amar u din il-wegħda ta’ Ġesù kienu l-ispirazzjoni għall-evanġelizzazzjoni tal-Ghana u tal-Afrika kollha, waqt li orjentaw il-ħajja ta’ dawk li kkollaboraw għall-kawża tal-Vanġelu. B’mod partikolari dan il-kliem kien stampat fil-qalb tal-katekisti numerużi fis-seklu l-ieħor. U llum feħsiebni nuri l-istima profonda tal-Knisja għall-dawk il-ħaddiema devoti għas-servizz tal-Vanġelu. Nesprimi l-gratitudni tal-Knisja Kattolika kollha għall-katekisti li jinsabu hawn preżenti llum, għall-predeċessuri tagħhom fil-fidi, għall-katekisti kollegi tagħhom fil-kontinent Afrikan: gratitudni għall-għajnuna offruta fir-reklutaġġ ta’ dixxipli ta’ Kristu; għall-għajnuna mogħtija lill-poplu fit-twemmin li Ġesù Kristu huwa Bin Alla; għall-għajnuna fl-istruzzjoni ta’ ħuthom fil-ħajja tiegħu u hekk jibnu ġismu, il-Knisja. Din l-attività katekistika kienet spjegata bil-kelma u bl-eżempju, u d-dedikazzjoni ta’ katekisti bla numru u l-attakkament tagħhom profond mal-persuna ta’ Ġesù Kristu jibqgħu kapitoli ta’ glorja fl-istorja ta’ din l-art u ta’ dan il-kontinent.
3. Il-Knisja tagħraf f’dawn il-katekisti persuni msejħa biex jeżerċitaw dmir ekkleżjali partikolari, sehem speċjali għar-responsabiltà biex jaraw li l-Vanġelu javanza. Nara fihom xhieda tal-fidi, servi ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu, kollaboraturi effikaċi fil-missjoni li tistabilixxi, tiżviluppa u żżid il-ħajja tal-komunità nisranija. Fl-istorja tal-evanġelizzazzjoni ħafna minn dawn il-katekisti kienu, fil-fatt, għalliema tar-reliġjon, gwidi tal-komunità tagħhom, missjunarji żelanti lajċi, mudelli tal-fidi. Huma għenu fedelment lill-missjunarji u lill-kleru lokali, waqt li appoġġjaw il-ministeru bit-twettiq ta’ dmirhom karatteristiku. Il-katekisti għamlu bosta servizzi marbutin mat-tixrid tal-għarfien ta’ Kristu, bil-fundazzjoni tal-Knisja, bil-konnessjoni dejjem iktar profonda tal-qawwa trasformatriċi u riġeneratriċi tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ ħuthom. Assistew lill-poplu f’ħafna mill-esiġenzi umani, waqt li kkontribwew għall-iżvilupp u għall-progress.
4. F’dan kollu huma b’mod espliċitu għarrfu l-isem u l-persuna ta’ Ġesù Kristu, it-tagħlim tiegħu, ħajtu, il-wegħdi tiegħu u s-saltna tiegħu. Il-komunitajiet li huma għenu biex jinbnew kienu bbażati fuq l-istess elementi li jinsabu fil-Knisja primittiva: dwar it-tagħlim u l-fraternità tal-Appostli, dwar l-Ewkaristija, u t-talb (cf. At 2,42). B’dan il-mod id-dominju ta’ Kristu kien jiġi ffavorit f’komunità wara l-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Permezz tax-xogħol ġeneruż tagħhom, l-amar ta’ Kristu kien jitwettaq b’mod kontinwu u l-wegħda tiegħu vverifikata.
5. Il-Knisja hija mhux biss grata għal dak li twettaq mill-katekisti tal-imgħoddi, imma hija fiduċjuża għall-ġejjieni. Minkejja ċ-ċirkostanzi ġodda, l-esiġenzi l-ġodda u l-ostakli l-ġodda, l-importanza ta’ dan l-apostolat kbir ma tibqax nieqsa, għaliex se jkun dejjem meħtieġ l-iżvilupp ta’ fidi inizjali u l-gwida tal-poplu lejn il-milja tal-ħajja nisranija. Għarfien krexxenti tad-dinjità u importanza tad-dmir ta’ katekista huwa konsegwenza tal-insistenza tal-Konċilju Vatikan II dwar il-fatt li l-Knisja kollha hija nvoluta fir-responsabiltà tal-Vanġelu. Bil-kollaborazzjoni biss tal-katekisti tagħha l-Knisja tistà b’mod adegwat twieġeb għall-isfida minni deskritta fl-eżoratzzjoni apostolika dwar il-katekeżi ta’ żmienna: “Il-Knisja f’dan is-seklu XX li riesaq lejn tmiemu, hija mistiedna minn Alla u mill-ġrajjiet – li huma appelli oħra min-naħa ta’ Alla – biex iġġedded il-fiduċja tagħha fl-azzjoni kateketika bħala dmir assolutament primarju tal-missjoni tagħha. Hija mistiedna biex tikkonsagra għall-katekeżi l-aħjar riżorsi ta’ bnedmin u ta’ enerġiji, mingħajr mas tqanċeċ fl-isforzi, fix-xogħol u fil-mezzi materjali, biex torganizzaha aħjar u biex tifforma staff kwalifikat, Dan mhux sempliċi kalkolu uman, imma atteġġjament ta’ fidi” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 15).
6 Is-Sagra Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-popli, Isqfijiet numerużi u konferenzi episkopali ivvaloriżżaw b’qawwa l-importanza tal formazzjoni tal-katekisti, u f’dan huma denji tal-iktar eloġju wiesà. Id-destin tal-Knisja fl-Afrika huwa bla dubju marbut mas-suċċess ta’ din l-inizjattiva. Nixtieq għalhekk ninkoraġġixxi bis-sħih dan ix-xogħol meraviljiuż. Il-futur tal-attività katekista se jiddependi fuq programmi profondi ta’ tħejjija, li jinkludu struzzjoni dejjem ikbar għall-katekisti, li jagħtu prijorità lill-formazzjoni spiritwali u duttrinali tagħhom, waqt li jippermettulhom li jisperimentaw b’xi mod is-sens awtentiku tal-komunità nisranija li huma jkunu msejħa biex jibnu.
Is-sussidji tal-katekeżi jimmeritaw huma wkoll l-attenzjoni dovuta, inkluż materjal effikaċi katekistiku li jżomm preżenti l-bżonn li jinkarna l-Vanġelu f’kulturi lokali determinati.
Għalhekk il-Knisja kollha hemm bżonn li tħossha nteressata biex tiffaċċja d-diffikultajiet u l-problemi relatati għas-sosten tal-programmi katekistiċi. B’mod speċjali, l-komunità ekkleżjali kollha trid turi l-istima propja għall-vokazzjoni mportanti tal-katekista, li għandu jħossu appoġġjat mill-propja ħutu.
7. Fuq kollox, biex ikun assikurat is-suċċess ta’ kull attività katekistika, huwa meħtieġ li jibqà ċar b’mod kristallin l-iskop stess tal-katekeżi: Il-katekeżi hija xogħol ta’ fidi li jmur ‘il hemm minn kull ħaġa teknika; hija impenn tal-Knisja ta’ Kristu. L-oġġett primarju u essenzjali tagħha huwa l-misteru ta’ Kristu; l-iskop tagħha definittiv huwa li tqiegħed lin-nies f’komunjoni ma’ Kristu (cf. Ġwanni Psawlu II, Catechesi Tradendae, 5). Permezz tal-katekeżi tkompli l-attività ta’ Ġesù għalliem; huwa jwassal permezz ta’ ħutu l-adeżjoni ma’ persuntu, u permezz ta’ kelmtu u s-sagramenti tiegħu jiggwidahom lejn il-Missier u lejn il-milja tal-ħajja fit-Trinità Qaddisa.
8. Miġburin hawn illum biex niċċelebraw is-sagrifiċċju ewkaristiku, nesprimu l-fiduċja tagħna fil-qawwa tal-Ispirtu Santu sabiex ikompli jqajjem u jsostni, għall-glorja tas-saltna ta’ Alla, ġenerazzjonijiet ġodda ta’ katekisti, trażmettituri fidili tal-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u xhieda ta’ Kristu u ta’ Kristu Msallab.
9. Illum il-Knisja toffri lill-katekisti s-sinjal tal-imħabba ta’ Kristu, is-simbolu l-kbir tar-redenzjoni: is-salib tas-Salvatur. Għall-katekisti ta’ kull żmien is-salib jikkostitwixxi l-kredenzjali tal-awtentiċità u l-miżura tas-suċċess. Il-messaġġ tas-salib huwa fis-sewwa, “il-qawwa ta’ Alla” (1Kor 1,18).
Għeżież katekisti, għeżież ħuti: fit-twettiq ta’ dmirkom, fil-komuniksazzjoni ta’ Kristu, ftakru l-kliem ta’ pijunier tal-katekeżi fir-rabà seklu, San Ċirillu ta’ Ġerusalem: “Il-Knisja ksattolika hija mkabbra bl-azzjonijiet kollha ta Kristu, imma l-ikbar glorja tagħha tinsab fis-salib” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 13).
B’dan is-salib, bil-kurċifiss li intom illum se tirċievu bħala sinjal tal-missjoni tagħkom fil-Knisja, imxu ‘l quddiem b’mod fiduċjuż u mimlijin ferħ. U ftakru wkoll li Marija hija dejjem qrib ta’ Ġesù, maġembu, hija dejjem qrib is-salib. Hija tiggwidakom qawwijin u sħah lejn ir-rebħa tal-qawmien mill-imwiet u tgħinkom biex tikkomunikaw lill-oħrajn il-misteru paskwali ta’ Binha.
Maħbubin katekisti tal-Ghana u tal-Afrika kollha: Kristu qiegħed isejħilkom għas-servizz tiegħu; il-Knisja qiegħda tibgħatkom. Il-Papa qiegħed iberikkom u jirrakkomandakom lis-Sultana tas-sema. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb