PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FL-AFRIKA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ouagadougou (Alto Volta), 10 ta’ Mejju 1980
Għeżież ħuti fi Kristu.
1. “L-imsejknin u l-foqra jfittxu l-ilma… jien, il-Mulej nismagħhom… nibdel id-deżert f’lag tal-ilma…” (Iż 41,17-18). “… l-ilma li jien nagħtihom isir… sors ta’ ilma li joħroġ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4,14).
Hawn hu t-tagħlim kontenut fil-kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna; hawn hu t-tagħlim li l-Mulej jagħtina!
Jiena l-ilma ħaj, qal ukoll il-Mulej. Jiena n-nixxiegħa tal-ilma li jagħti l-ħajja. U intom ġejtu hawn dalgħodu biex timlew minn din in-nixxiegħa, biex tisimgħu l-kelma ta’ Alla proposta minn min il-providenza divina eleġġiet biex ikun il-kap tal-Knisja tiegħu, biex ikun, bħal San Pietru, il-portavuċi tiegħu fost il-fidili kollha. F’għaqda mal-Isqfijiet, is-suċċessuri tal-Appostli. B’emozzjoni profonda nitfà ħarsti fuqkom ħuti rġiel u nisa tal-Knisja li tinsab fl-Alta Volta. Illum qiegħda titwettaq xewqa ta’ qalbi: li niġi biex nixhed fostkom, ġo pajjiżkom dwar l-imħabba ta’ Alla Missierna u ta’ Ibnu Ġesù Kristu, dwar imħabbithom għal kull wieħed u waħda minnkom. Nistgħu ngħidu, nistgħu nxandru: Alla jħobbni!, mhux dan forsi ferħ kbir li għandu jimlielna ruħna? Iva, Alla jħobbkom, kulfejn tinsabu: fil-bliet, fl-irħula u fil-familji tagħkom, fis-suq bħal f’għal għonq il-mogħdijiet: Alla jħobbkom kullimkien u dejjem!
Il-preżenza tagħkom tixhed ukoll l-imħabba tagħkom lejn il-Knisja li tittrażmettilkom dan il-messaġġ ta’ mħabba. Meta nħares lejkom, inħossni mkabbar bikom b’mod profond, għaliex naf li lqajtu l-messaġġ tal-imħabba bil-ferħ u bi gratitudni: għaliex naf l-attakkament tagħkom mal-Knisja u naf li tridu tkunu, b’ġenerożità u kuraġġ, xhieda tal-Vanġelu.
2. Il-waqfa tiegħi fostkom se tkun qasira, qasira wisq għalija, li xtaqt niltaqà magħkom kullimkien; fil-parroċċi, fl-iskejjel u fid-djar; qasira wisq ukoll għalikom; naf, infatti, li ħafna, għalkemm dan xtaquh, dalgħodu ma jistgħux ikunu preżenti: min għax jgħix ‘il bogħod, il-morda jew il-batuti, dawk li jinsabu fuq ix-xogħol, u dawk ukoll li għadhom żgħar wisq!
Insellem ukoll b’imħabba lil ħija il-Kardinal Paul Zoungrana, li kien wieħed minn l-ewwel tliet saċerdoti ta’ pajjiżkom u li issa huwa ir-ragħaj kbir u fidil ta’ din l-Arċidijoċesi ta’ Ouagadougou. Insellem flimkien miegħu lil ħuti fl-episkopat, kif ukoll lil ħuti tad-dijoċesijiet l-oħra kollha: Ouagadougou, Koupela, Bobo-Dioulasso, Diebougou, Fada N’Gourma, Kaya; Koudougou, Nouna-Dedougou u Ouahigouya!
Irrid insellem wieħed wieħed lil ħuti fis-saċerdozju, u qassisin li ġew hawn mill-bogħod, għas-servizz tal-Vanġelu f’nofskom. U lilkom ilkoll, reliġjużi rġiel u nisa, u katekisti, li twettqu b’tant dedikazzjoni d-dmir tal-evanġelizzazzjoni. U likom, nisa nsara: parti kbira mill-ġejjieni u mit-tamiet futuri, għall-Knisja u għall-poplu tagħkom, hija nvestita wkoll fikom: ommijiet ta’ familja u tfajliet, li intom jew li se tkunu responsabbli flimkien ma’ żwieġkom tal-edukazzjoni ta’ wliedkom. Insellem lill-anzjani, il-missirijiet ta’ familja li jaħdmu iebes għall-għeżież tagħhom, l-irġiel, iż-żgħażagħ u t-tfal. Insellmilkom ilkoll, ukoll lilkom li ġejtu hekk numerużi mit-Togo, insellmilkom f’isem l-imħabba li tgħaqqadna fi Knisja waħda, fil-familja kbira ta’ Alla!
3. Fil-Vanġelu li smajna flimkien, Ġesù kellimna dwar l-għatx u l-ilma. Huwa kien waqaf maġemb bir, bir fond ħafna li l-patrijarka Ġakobb kien ħaffer b’ħafna xogħol għall-familja u għall-merħliet. In-nies kienet tmur biex timla l-ilma minn dak il-bir, u hemm Ġesù ltaqà ma’ mara mis-Samarija li kienet marret timla l-ilma meħtieġ għad-dar. Kellha bżonn l-ilma minħabba l-għatx tagħha imma, bla ma kienet taf, kien għad għandha iktar għatx tal-verità, taċ-ċertezza li jkollha, minkejja d-dnubiet, post fl-imħabba ta’ Alla. Kellha l-għatx tal-kelma ta’ Ġesù u ta’ dik il-ħajja li hu biss jistà jagħtina.
Aħna lkoll, bħal dik il-mara, bil-għatx tal-verità li tiġi mingħand Alla. Verità fuqna nfusna, fuq is-sinifikat ta’ ħajjitna, fuq dak li nistgħu u għandna nagħmlu, sa minn issa u kulfejn inkunu, biex inwieġbu għal dak li Alla jistenna minn kull wieħed u waħda minna, biex nagħmlu parti tassew mill-familja tiegħu u ngħixu ta’ wlied Alla. Jiena naf id-diffikultajiet tagħkom u l-faqar estrem ta’ bosta minnkom, tant numerużi, u naf ukoll il-ġenerożità tagħkom fis-servizz tal-Mulej; għal dan, lilkom li intom wlied Alla minħabba l-magħmudija u tal-appartenenza tagħkom lill-Knisja, nistà nfakkar l-istedina ta’ Ġesù: “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu…” (Mt 6,33)! Iva, għalina l-insara, hawn hu l-essenzjali!
4. Madankollu waqt li nimmeditaw il-Vanġelu, ma nistgħux ninsew li jekk l-abitanti tas-Samarija reġgħu lura lejn djarhom iġorru f’qalbhom il-kelma tas-salvazzjoni, l-ilma li jirriżulta għall-ħajja ta’ dejjem, huma komplew ukoll jimlew l-ilma meħtieġ għall-ħajja ta’ ġisimhom. Il-bnedmin għandhom l-għatx tal-imħabba, tal-karità fraterna, imma hemm popolazzjonijiet sħaħ li għandhom l-għatx tal-ilma ndispensabbli għal ħajjithom, f’din l-art tal-Alta Volta, fiż-żona ta’ Sahel. Għalkemm il-problema tad-deżertifikazzjoni progressiva, qiegħda tamponi ruħha wkoll f’reġġjuni oħra tal-globu, hawn it-tbatijiet tal-popolazzjoni tas-Sahel li tagħha id-dinja hija xhud, jimbuttawni biex nitlellem dwarhom.
Sa mill-oriġini Alla afda lill-bniedem in-natura li huwa ħalaq. Ried jinqeda bil-ħolqien għal promozzjoni umana, integrali u solidali, li tippermetti lill-bniedem li jilħaq id-dimensjoni spiritwali sħiħa, ta’ dan huwa jirrendi glorja lil Alla. Il-bniedem mela għandu jisforza lilu nnifsu li jirrispetta l-ħolqien u li jiskopri l-liġijiet sabiex is-servizz lill-bniedem ikun assikurat. Progressi kbar twettqu fil-kamp tal-ekoloġija, sforzi kbar twettqu. Imma baqà ħafna xi jsir biex nedukaw lill-bnedmin biex jirrispettaw lin-natura, biex jippreservawha u jtejbuha, u wkoll biex inaqqsu jew jevitaw il-konsegwenzi tal-katastrofi msejħa “naturali”.
Huwa hemm fejn is-solidarjetà umana għandha turi ruħha billi tgħin lill-vittmi u lill-pajjiżi li ma jistgħux jiffaċċjaw bżonnijiet hekk gravi u urġenti li jistgħu jirrovinaw l-ekonomija tagħhom. Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja nternazzjonali, speċjalment lejn dawk il-pajjiżi li spiss ħafna jintlaqtu minn diżastri simili, meta għall-kuntrarju oħrajn jinsabu f’kondizzjonijiet ġejografiċi jew klimatiċi li meta tqabbilhom nistgħu ngħidulhom privileġġjati. Hija wkoll kwistjoni ta’ karità għal dawk li jemmnu li kull bniedem huwa ħuna u kull mara hija oħtna, li t-tbatijiet tagħhom għandhom jinħassu u mtaffija minn kulħadd. Is-solidarjetà, fil-ġustizzja u fil-karità, m’għandha tagħraf la fruntieri u linqas limiti.
5. Minn hawn, minn Ouagadougou, miċ-ċentru ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi li jistgħu jissejħu l-pajjiżi tal-għatx, inħoss li huwa lili permess li nindirizza lil kulħadd, fl-Afrika u ‘l hemm minn dan il-kontinent, appell sollenni biex ma nagħlqux għajnejna quddiem dak li seħħ u li qiegħed iseħh fir-reġġjun ta’ Sahel.
Mhux possibbli li jien niddeskrivi mill-ġdid l-istorja u l-partikolari ta’ din it-traġedja li, wara kollox, kollha għadhom f’moħħkom. Imma jeħtieġ li talinqas infakkar iż-żmien li ħadna biex nindunaw bid-dramm imħejji mis-siċċità persistenti; imbagħad il-moviment ta’ solidarjetà li nfirex fil-livelli kollha: lokali, nazzjonali, reġgjonali u nternazzjonali. Sar ħafna, kemm miċ-ċittadini u mill-gvernijiet interessati, kif ukoll mid-diversi stituzzjonijiet internazzjonali. F’din l-opra ta’ solidarjetà l-Knisja wkoll kellha parti kbira; l-attività tagħha kienet sostnuta u segwita b’attenzjoni mill-Isqfijiet tagħkom u mill-Papa Pawlu VI li, imkwetat sa mill-bidu mill-kobor bla qies tal-katastrofi, ma ekonomizzax l-appelli u l-għajnuna tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-kunsill pontificju “Cor Unum”, li tiegħu jiena kuntent ferm li nsellem hawn lill-President, l-għażiż Kardinal Bernardin Gantin, li aċċetta li jħalli l-Afrika fejn twieled u l-arċidijoċesi ta’ Cotonou, fil-Benin, biex jiġi jaħdem Ruma mal-Papa. Niżżu ħajr mela, illum lil dawk kollha li ġew jgħinu lil ħuthom fil-miżerja u ssagrifikaw ruħhom għalihom. Jalla jkunu jistgħu jum wieħed jisimgħu mingħand il-Mulej: “…kelli l-għatx u sqejtuni…” (Mt 25,35)! Permezz tagħhom, infatti, Alla ta t-tweġiba li smajna fil-qari tal-quddiesa: “Jiena…ma nabbandunahom qatt (Iż 41,17)!
6. Bdanakollu, kemm vittmi li għalihom l-għajnuna waslet tard wisq! Kemm żgħażagħ li l-iżvilupp tagħhom kien imtellef jew kompromess! Imma l-periklu mhuwiex evitat. Sa mill-bidu tal-ġrajjiet dolorużi li jikkostitwixxu d-dramm tas-Sahel, il-kondizzjonijiet tal-futur kienu ġew studjati fir-reġġjun tagħkom bejn iktar gvernijiet bl-għajnuna tal-Ġnus Magħquda. Kienu elaborati pjanijiet biex jeħduha kontra s-siċċità, il-kawżi tagħha u l-konsegwenzi tagħha; biex jipproġettaw rimedji effikaċi bħall-irrigazzjoni, it-tħaffir tal-bjar, ir-rijafforestazzjoni. Il-kostruzzjoni ta’ mħażen tal-qamħ, l-introduzzjoni ta’ kulturi varji, u oħrajn.
Imma l-bżonnijiet huma mmensi jekk wieħed irid iwaqqaf l-avanzata tad-deżerrt u wkoll, b’mod progressiv, iġegħlha tirtira; u jekk irridu li kull raġel, kull mara u kull tifel tas-Sahel ikollhom l-ilma u l-ikel biżżejjed, ikollhom ġejjieni dejjem iktar denn ta’ esseri uman.
7. Għal tali skop, minn dan il-post, mill-kapitali tal-Alto Volta, nestendi appell lid-dinja kollha. Jiena, Ġwanni Pawlu II, Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ Pietru, ngħolli waqt li nitlob leħni għaliex ma nistax niskot waqt li ħuti rġiel u nisa jinsabu fil-periklu. Jiena hawn il-leħen ta’ dawk li m’għandhomx leħen: il-leħen tal-innoċenti li mietu għaliex ma kellhomx ħobż u ilma; il-leħen tal-missirijiet u l-ommijiet li raw lil uliedhom imutu mingħajr ma jifhmu, jew li jaraw dejjem f’uliedhom il-konsegwenzi tal-ġuħ issapportut; il-leħen tal-ġenerazzjonijiet futuri li m’għandhomx jgħixu iktar bit-theddida terribbli mminenti. Nagħmel dan l-appell lil kulħadd!
Ma nistennewx li s-siċċità terġà tiġi, tal-biżà u devastatriċi! Ma nistennewx li r-ramel iġib mill-ġdid il-mewt! Ma nippermettux li l-ġejjieni ta’ dawn il-popli jkun dejjem mhedded! Is-solidarjetà tal-bieraħ, bl-estensjoni u l-effikaċja tagħha wriet li huwa possibbli nisimgħu biss il-leħen tal-ġustizzja u tal-karità, u mhux dak tal-egoiżmu individwali u kollettiv.
Isimgħu l-appell tiegħi!
Nitlob lilkom, organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tkomplu x-xogħol notevoli diġa mwettaq, u li tħaffu l-implimentazzjoni perseveranti tal-programmi ta’ intervent diġa elaborat. Nitlob lilkom, responsabbli tal-Istati, biex tagħtu għajjut ġeneruż lill-pajjiżi tas-Sahel sabiex sforz ġdid, kospikwu u kostanti jkun jistà jimponi rimedju b’mod ferm iktar validu għad-dramm tas-siċċità. Nitlob lilkom, organizzazzjonijiet mhux statali, biex tirduppjaw l-isforzi tagħkom: kunu afu tqanqlu kurrent ta’ ġenerożità personali tal-irġiel, tan-nisa, tat-tfal, sabiex ilkoll ikunu jafu li l-frott tal-privazzjoni tagħhom jistà jservi tassew biex jassikura l-ħajja u l-possibiltajiet futuri ta’ ħuthom subien u bniet. Nitlob lilkom, bnedmin tax-xjenza u tekniċi, istituti tar-riċerka, biex torjentaw l-attivitajiet tagħkom lejn l-istudju ta’ mezzi tat-taqtigħat ġodda kontra d-deżertifikazzjoni; ix-xjenza ma tistax jewwilla tipprogredixxi ugwalment jew titqiegħed għas-servizz tal-ħajja tal-bniedem? Din tistà u għandha jkollha skopijiet oħra li mhumiex ir-riċerka ta’ strumenti tal-mewt, ħallieqa ta’ deżerti ġodda, jew ukoll is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet artifiċjali mqanqla mir-riklamar. Għalhekk, nitlob ukoll lilkom li taħdmu fil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, ġurnalisti tal-istampa, tar-radju u tat-televiżjoni: tkellmu dwar din il-problema skont il-vera dimensjoni tagħha, dik tal-persuna umana handikappata u mfarrka. Mingħajr ma tfittxu effetti inutili, kunu afu tindikaw s-soluzzjonijiet possibbli, dak li sar u dak li fadal isir. Li tkunu tafu tqajmu u tistimulaw l-ġenerożità u r-rieda tajba ma jidhrilkomx li huwa dmir sabiħ?
Ilkoll, nitlobkom, isimgħu dan l-appell, isimgħu l-ilħna tas-Sahel u tal-pajjiżi kollha vittma tas-siċċità, mingħajr ebda eċċezzjoni. U lilkom ilkoll ngħid: “Alla jirrendilkom mertu!”
8. Imma rrid ukoll nindirizza, b’mod speċjali, lil ħutkom kattoliċi tad-dinja, lil dawk il-pajjiżi aktar iffortunati. Jalla huma jimmeditaw is-sentenza magħrufa ta’ San Vinċenz de’ Paoli, wieħed mill-eroj tal-karità u tal-imħabba għall-foqra. Lil min kien jistaqsih, fi tmiem il-ħajja, x’kien setà jagħmel iktar għall-proxxmu, kien iwieġbu: “Iktar minn hekk”. Dejjem ried jagħmel “iktar” hija l-glorja tal-karità nisranija, ta’ dik l-imħabba li għandna għal xulxin u li l-Ispirtu Santu jsawwab fi qlubna. Għalhekk ngħidilkom: issa, dawk li fid-dinja għandhom il-ġuħ u l-għatx jinsabu wara biebkom! Il-mezzi moderni jippermettu li nmorru ngħinuhom. M’għandkomx mela tistrieħu biss fuq ir-responsabiltajiet politiċi nazzjonali u internazzjonali. ‘Il fuq mid-dmir universali tas-solidarjetà, il-fidi tagħkom għandha ġġegħelkom teżaminaw il-possibiltajiet reali tagħkom, bniex teżaminaw personalment u fil-familja, jekk spiss ferm tqisux meħtieg dak li huwa superfluwu. Huwa l-Mulej li jistedinkom biex tagħmlu iktar.
9. Lilkom ilkoll, nesprimi l-fiduċja tiegħi. Din hija msejsa fuq l-imħabba tal-Mulej li jgħaqqadna, dwar is-sehem tagħna, fl-immensità tad-dinja, għas-sagrifiċċju uniku, infatti ilkoll nieklu l-istess ħobż u naqsmu l-istess kalċi (cf. 1Kor 10,17). Jalla l-Mulej, li sejrin issa nitolbu flimkien u li minn hawn u ftit ieħor se jiġi b’mod sagramentali fostna sabiex inkunu nistgħu nirċevuh, jgħinna navanzaw f’imħabbtu u jalla jqanqal fil-qlub kollha l-ilma tal-ħajja eterna! Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb