Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XXII ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Kollox bih u għalih kien maħluq.
Kol 1, 15-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ġesù Kristu hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,il-kbir fost il-ħlejjaq kollha;
għax fih kien maħluq kollox,
fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet,
Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox.
Hekk Alla għoġbu
li tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.4.5

R/. (2ċ): Idħlu quddiem il-Mulej b’għana ferrieħi

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, imbagħad isumu dakinhar.
Lq 5, 33-39

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u l-kittieba tagħhom qalu lil Ġesù: “Id-dixxipli ta’ Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!”. U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar”.

Qalilhom ukoll parabbola: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta’ l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. Iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda. U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek: “Il-qadim tajjeb!””.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: