Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna għall-Ġurnata Missjunarja 2020 …
Din is-sena, milquta mill-pandemija COVID-19, kellna l-opportunità naraw lil ħafna missjunarji Maltin u Għawdxin fil-komunitajiet tagħhom jagħtu l-assistenza possibbli u immaġinabbli għal popolazzjonijiet kbar milquta b’mod ħażin ħafna mill-pandemija.
Nixtieq nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tas-solidarjetà li wera mal-missjunarji tagħna. Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja 2020, jitkellem dwar id-disponibbilità anke f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli.
Waqt li aħna nifirħu li għandna soċjetà li turi solidarjetà qawwija, ejjew ma ninsew qatt niftakru f’pajjiżi oħrajn, f’komunitajiet Insara oħrajn, li forsi għaddejjin ukoll mhux biss minn mumenti diffiċli imma anke minn mumenti ta’ persekuzzjoni.
Insellem lill-missjunarji mhux biss Maltin u Għawdxin imma lil dawk ta’ madwar id-dinja kollha. Peress li l-Papa jfakkarna b’insistenza li l-Mulej jibgħatna madwar id-dinja biex inkunu xhieda tiegħu, ma ninsewx li nistgħu nkunu xhieda tal-Mulej u missjunarji anke fl-ambjent fejn qegħdin.
Nieħu l-opportunità li nitlob lill-komunitajiet Insara tagħna, lid-djoċesijiet tagħna, biex inkomplu nsostnu l-ħajja missjunarja tal-Knisja. Ma ninsewx li aħna wkoll mibgħutin mill-Mulej biex inkunu xhud tiegħu sa truf tal-artijiet kollha.
Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
2 ta’ Settembru 2020