Iżra’!…


Il-Ħadd li għadda l-vanġelu tal-quddiesa kellimni fuq li kellimni. Anzi! Biex inkun eżatt, aqta’ kemm daħħalni fija nnifsi u ġagħlni nirrifletti! Dan l-għaliex Ġesù, l-Imgħallem tal-għalliema, tħaddet fuq is-siwi li wieħed jiżra’.

Il-kuntest ta’ dan id-diskors tassew hu interessanti. Ġesù, li għall-ewwel mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm (Mt 13:1) hekk kif nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies … kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha (Mt 13:2). Mela, taħtu kellu l-baħar! U nafu x’jiġri fil-baħar le? Hemm kull xorta ta’ kurrenti! U kif ukoll għadd ġmielu ta’ rjieħ li jiġu minn kull naħa! Madankollu, anki jekk il-baħar hu dak li hu, l-Imgħallem tal-Imgħallmin, għax hu Alla nnifsu li sar bniedem bħalna, għażel li jgħaddilna din il-benna ta’ tagħlim minn fuq il-baħar. Minn post mill-aktar insigur!

U x’għamel? Mhux ovvja! Kif ra lin-nies li kienu qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt (Mt 13:2) hu qagħad bilqiegħda. U int tgħidli: Imma dak qagħad bilqiegħda għax għejja bilwieqfa! Le ħabib! Jekk niġu f’dan l-għajjiena kienu dawk ta’ bilwieqfa. Jiġifieri l-imħabbtin u l-imtaqqlin! Dawk ta’ fejn ix-xatt. Dawk li ma kienux jafu x’se jaqbdu jagħmlu b’ħajjithom. Dawk li quddiemhom, u fil-konfużjoni li kellhom, kienu imħawdin waħda nobis! Kienu max-xatt! Mal-preċipizju! Kienu, biex nuża kelma li nużaw ħafna illum, ANZJUŻI!

U għax Ġesù rahom BŻONNJUŻI, għax tabilħaqq kienu fil-bżonn, kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha (Mt 13:2). U hekk ipprattika waħda mill-opri tal-ħniena mill-aktar importanti: Għallem lil min ma jafx! Dak li għamel mela meta qagħad bilqiegħda! Mhux għax għejja imma l-għaliex qalb dawk il-folol tan-nies u li kienu hekk kbar (Mt 13:2), ta’ persuni mħawda u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu bihom infushom, Ġesù beda jħobbhom u jieħu ħsiebhom billi jgħallimhom. U, interessanti din, li għallimhom mhux b’ħafna ippuppar! Le! Imma IDDJALOGA magħhom! Tant hu hekk li beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli (Mt 12:3).

Fuq daqshekk biss lili Ġesù diġà affaxxinani u rebaħni għalih! Għax Ġesù lili jaffaxxinani, l-ewwel u qabel kollox, għax fih nara din il-kapaċità enormi li jaddatta ruħu! Sintendi. Mhux li jbiegħ il-prinċipji tiegħU! Dawk qatt u qatt! Imma jaf idur u jdur ma’ min iħobb! Bħalma ngħidu eżattament fil-ġawhra tal-Ilsien Malti għal xi ħadd li ħabb lil xi ħadd ieħor tassew: Kemm dar bih! Kemm daret biha! JAF IDUR! Sakemm, bħalma darba għallimni wieħed mill-familjari ta’ pazjent li illum m’għadux magħna, isib dak il-punt dgħajjef fil-qalb u li minnu jista’ jidħol.

Issa, ma’ dawn in-nies bla skola, Ġesù jmur għall-aqwa ktieb komuni: il-ĦAJJA! Jeżiżti ktieb ieħor aqwa minn dan? U, il-kotba kollha li għandna fil-librerija, mhumiex huma wkoll xhieda ta’ dan il-ktieb li ma jitħassar qatt? Jiġri x’jiġri minni u minnek? Mela Ġesù jdur billi jisposta ruħu u minn bilqiegħda fuq ix-xatt imur joqgħod bilqiegħda fuq id-dgħajsa. Ma ninsewx li nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies (Mt 13:2).

U għax Ġesù hu s-Sajjied tas-sajjieda, x’jagħmel? Jibda’ jaqbad lin-nies b’diskorsu! Għalhekk, b’għaqal kbir, juża lingwaġġ li impossibbli biex ma tifhmux. F’dawk iż-żminijiet raba’ kien hemm kemm tagħtik il-viżta t’għajnejk. Żgur li f’Iżrael ta’ dak iż-żmien ma kienx hemm il-bini u l-iżvilupp ta’ Iżrael tallum. Mela, meta tħaddet magħhom bil-lingwaġġ tal-biedja ma setgħux ma jifhmuhx. L-għaliex kien qed ikellimhom fuq xi ħaġa li kienu jarawaha b’għajnejhom u jmissuha b’idejhom.
Is-sabiħa hi li għalkemm kien juża’ lingwaġġ sempliċi u li kien jifhmu kulħadd mhux kulħadd kien jifhmu. Ovvja! Għax jekk persuna tkun moħħha fiha nnifsha, u, l-għaxqa tagħha kif ħa tisloħ lil ta’ madwarha u kemm se tibqa’ inkullata mas-siġġu tal-poter basta tkun on top hi, allura diskors Ġesù kien jgħaddi minn fuq rasha. U ma jħallix frott! Iżda Ġesù għallimna li Alla tagħna mhux Alla fqir imma business man mill-kbar nett! Alla tagħna u l-business magnet suprem! Li, moħħu, biex jinvesti, jinvesti u jinvesti!… U jinvesti fir-riżorsi umani, jiġifieri fin-nies!

Ġesù jbellaħni għax jitħaddet u jifimha bħall-industrijalisti l-kbar tallum. Jew, biex inkun aktar eżatt, l-industrijalisti jaħsbuha bħalu. Moħħu biex is-sold mhux biss jagħmlu tnejn imma bil-miljuni! Għalhekk, ta’ għaref tal-għorrief li hu, kollox għandu dikjarat ħalli ħadd ma jkun jista’ iħammġu. U jitfa’ il-programm taż-ŻERA’! Jiżra! Ftit ftit! Bil-mod il-mod! U b’ħafna sabar!

U hekk jgħallem lili u lilek biex niżirgħu bil-ġid. B’kelma tajba, b’għemejjel ta’ karità moħbija, billi niftħu għajnejn xulxin bl-imħabba, immorru għall-quddiesa tal-Ħadd, nitolbu r-Rużarju u l-Ħniena Divina, u, iva, NIPPOWSTJAW FUQ FACEBOOK messaġġi sbieħ li jfejqu u mhux jgħawwru l-uġiegħ fil-qlub! Għax il-folol hekk kbar ta’ nies (Mt 13:2) li qiegħdin lkoll wieqfa fuq ix-xatt (Mt 13:2), għax anzjużi, konfużi u ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom, għandhom bżonn min juriehom ftit. Min jagħtihom ftit tama.

Tihielhom int din it-tama! Iżra’ il-kelma ta’ Ġesù li tfejjaq għax twassal għall-virtù! Iżra’!…

Patri Mario Attard OFM Cap