Nhar is-Sibt 10 t’Ottubru 2020, hu jum li mhu ħa ninsieh qatt fl-istorja ta’ ħajti! Kien il-jum meta, fl-4.30 pm, Carlo Acutis, iż-żgħażugħ Taljan ta’ 15-il sena, ġie ibbeatifikat fil-Bażilika ta’ San Franġisk f’Assisi.
Fil-5.00 pm, f’dak il-jum, kont qed inqaddes fis-sala Paediatric/Adoloscent. U, il-quddiesa, iċċelebrajnieha bil-ferħ u l-hena ta’ qalbna f’ġieħ dan il-Beatu kbir. Carlo miet b’lewkimja akuta nhar it-12 t’Ottubru 2006. Għalhekk, aħna l-pazjenti tal-onkoloġija, aktar u aktar aħna li aħna pazjenti tal-imatoloġija, inħossuh wieħed minna! Ħuna! Li jifhimna! Iħobbna! Iħarisna! Jimxi magħna! U jitlob għalina! Kemm kien umli l-maħbub tagħna l-Beatu Carlo! Kemm hi sabiħa l-umiltà hux! Għax, mill-umiltà li vera tnixxi l-karità! U, bl-ilsien Taljan, lil Carlo ma nistax ma ngħidlux, bi tbissima għal tbissima: Carissimo Carlo, l’umiltà è la chiave della santità! Jiġifieri, għażiż Carlo, l-umiltà hi ċ-ċavetta tal-qdusija!
Il-ferħ li ħassejt f’qalbi nhar il-beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis tassew li ma jitfissirx! L-ewwel nett, il Beatu Carlo jgħallimni l-importanza li nħobb l-Ewkaristija. Il-quddiesa ta’ kuljum ma kien jitlifha qatt! Barra minhekk, kien għamel website biex minnha jxandar il-mirakli ewkaristiċi. Imħabbet Carlo lejn l-Ewkaristija kienet tant kbira li kien jgħid: “L-Ewkaristija hi l-highway għas-sema”. F’dan nara kemm Carlo kien veru ħabib tal-qalb ta’ San Franġisk, li tant kien iħobb li kien iżuru kull sena f’Assisi! Kemm joqgħodu ħelwin u preċiżi fuq fomm Carlo kliem San Franġisk fl-ewwel twissija tiegħu: Araw, kuljum jumilja ruħu (FiI 2:8), bħal meta mit-tron irjali (Għerf 18:15) ġie fil-ġuf tal-Verġni. Kuljum hu jiġi għandna f’dehra umli. Kuljum jinżel minn ħdan il-Missier (Ġw 1:18) fuq l-altar f’idejn is-saċerdot (nru.16-18).
Meta kien l-aħħar li mort nisma’ il-quddiesa? Jew immur biss għal xi okkażjoni? Ejja illum, bl-eżempju qaddis ta’ dan iż-żgħażugħ, nagħmel il-pass u nerġa’ nibda’ immur għall-quddiesa! Ħa nirċievi lil ALLA fija!
Imħabbet il-Beatu Carlo lejn l-Ewkaristija ħadietu fuq l-Internet. Carlo kien computer programer mustaċċun. Minn l-età ta’ disa’ snin beda jitgħallem kif jipprogramma. U Carlo, minflok ma kien jaħli l-ħin fic-chatting jew jinġarr mal-ħażen online kien juża’ l-Internet biex iressaq lin-nies lejn Ġesù. Carlo, illum, qed jgħid lili u lilek biex il-Facebook nużawh ħa nwasslu l-vanġelu ta’ Kristu, il-messaġġi tiegħu u tal-qaddisin tiegħu, il-Bibbja, u, sintendi, lil maħbuba Ommu u Ommna Marija u mhux nitilfu l-paċi ta’ qalbna fil-gossip u fil-ħniżrijiet tad-dnub. Ejjew nixxerjaw fuq il-Facebooks tagħna il-films tal-qaddisin. Biżibilju hemm fuq YOU TUBE! Ejjew inxerrdu fuq il-Facebook il-links tar-Rużarju u tal-Kurunella tal-Ħniena Divina li l-YOU TUBE hu miżgħud bihom!
Carlo kien iqerr ta’ spiss! U kien iqerr għand is-saċerdot, li jirrappreżenta lil Kristu u lill-Knisja tiegħu u mhux ma’ xi kurċifiss inkella mal-baħħ! Ejjew immorru għall-qrar ħa nsibu mill-ġdid dik il-paċi ta’ qalbna li tlifna! Ejjew immorru f’din l-oażi tal-ħniena ħa nerġgħu nsibu l-paċi li tant għandna bżonn!
U Carlo kien iħobb il-fqar. Kemm kien jgħin fil-kċina tal-fqar! U l-fqar dejjem magħna qiegħdin ħbieb! L-ewwel fqar huma dawk li jħokku magħna tafux! Dawk li jħossuhom depressed. Imtaqqlin. Moħħhom mifqugħ bl-inkwiet. Dawk li tilfu t-tama. Dawk jaħasra li jaħsbu li bniedem jew bniedma jistgħu jimlew il-vojt f’qalbhom u mhux Ġesù! Għalhekk jispiċċaw ittraduti, imweġġgħin, imkissrin, u mormijin! Le! Ejjew inħobbu lil Ġesù l-ewwel! Għax Hu biss jista’ jagħtina l-imħabba li qed infittxu u ĦADD IŻJED! Hu BISS jimla’ il-vojt ta’ qalbna!
Għalija, il-Beatu Carlo Acutis hu dawl kbir f’ħajti! Miet fl-istess data li jien, Ġesù, daħħalni Kapuċċin, jiġifieri fit-12 t’Ottubru. Twieled nhar it-3 ta’ Mejju, jum qabel jien ġejt salvat minn mewta ċerta fl-4 ta’ Mejju 2012. Is-sena li twieled, fl-1991, jiena wkoll kont qed ngħallem id-duttrina lil tifel bil-lewkimja, li ukoll miet fit-12 t’Ottubru, fl-età ta’ 6 snin! Bħal Carlo, dan it-tifel hu qaddis bil-provi! Carlo kien iħobb lil San Franġisk u jien Franġiskan Kapuċċin. Carlo miet b’acute leuchimia u jien inbati mill-kundizzjoni tal-myloploriferative disorder fil-mudullun. Carlo evanġelizza bl-Internet u jien, il-Mulej, qed jagħtini l-grazzja li nimxi triqtu. Għadni lura ħdejn Carlo! Carlo kien qaddis. U jien lanqas ħdejn subgħajh iż-żgħir ta’ saqajh ma noqgħod! Imma ferħan b’Carlo f’ħajti! U, tant kemm jien ferħan li, lill-pazjenti tagħna taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li jien ukoll wieħed minnhom, għedtilhom fil-quddies kollu li qaddist f’jum il-beatifikazzjoni tiegħu u l-għada u kull jum li jgħaddi minn fuqna: “Nitolbu lil Carlo għall-fejqan tagħna! Lil Carlo nitlobu! Lil Carlo!”
Bkejt ħafna f’kamarti tal-kappillan fl-Onkoloġija nhar is-Sibt 10 t’Ottubru 2020. Imma, dmugħi, kien wieħed ta’ ferħ kbir! B’Carlo erġajt sibt il-ferħ kbir li jien, mingħajr ma jistħoqqli għax midneb kbir, Patri Franġiskan Kapuċċin! Li, il-ħolma tiegħu, ta’ 49 sena, hi din: LI NIBQA’ NAQDI SAL-AĦĦAR NIFS TA’ ĦAJTI LIL ĠESÙ LI HU PREŻENTI F’ĦUTNA L-MORDA FIĊ-ĊENTRU TAL-ONKOLOĠIJA SIR ANTHONY MAMO! Dan biss nara f’ħajti! U xejn aktar!
Grazzi għażiż Carlo! Taf kemm inħobbok! U ħa nibqa’ ngħajjatlek ħa tgħinni! Imma, u bil-għajnuna ta’ Ġesù, li għalina hu l-kollox, insieme ce la faremo! Flimkien naslu! Ti voglio bene! INĦOBBOK! Itlob għalija ħabib u ħija u għall-pazjenti kollha li jbatu minn dak li batejt int u qed inbati jien! X’barka int għalija u għalina Beatu Carlo Acutis!
Patri Mario Attard OFM Cap