L-Erbgħa, 28 ta’ Ottubru 2020: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fil-Pontifikal ta’ Jum Għawdex. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.
[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/919499539″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”false” /]

Omelija tal-E.T. Mons. Anton Teuma
Iċ-ċkunija, l-għaqal u l-bżulija huma tliet valuri fundamentali għalina llum u għal ta’ warajna, li jikkaratterizzaw ħafna lill-poplu Għawdxi.
Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal ta’ Jum Għawdex fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ottubru.
“Waħda mill-karatteristiċi ta’ pajjiż hi li l-wirt li nirċievu minn ta’ qabilna ngħadduh bla mittiefes, anzi aħjar, lil ta’ warajna… It-taqlib tal-ħajja li qed ngħixu fih spiss jitfagħna fin-nostalġija tal-passat, biex hemm insibu kenn u nagħmlu memorja, imma aħna nafu li dan mhux biżżejjed biex inħallu wirt ħaj u mhux mejjet, wirt tad-demm u l-laħam u mhux tal-ġebel”.
Dwar il-fatt li aħna żgħar l-Isqof qal li dan minn dejjem kien motivazzjoni biex l-Għawdxin ‘jiġġieldu’ għall-identità tagħhom. Skont l-Isqof Teuma, dan il-valur illum qed jintilef u minflok qed tfiġġ “il-gidba ta’ dak li jidher”, fejn irridu nippreżentaw mhux dak li hu, imma dak li hu ikbar minn dak li aħna. Din is-suppervja ġġagħalna nbatu minn “dellirji ta’ omnipotenza” li jixħtuna f’baħar kbir ta’ nkwiet, għax ninsew min aħna tassew.
Iċ-ċkunija tpoġġilna ħafna saqajna mal-art, u f’dan is-sens “in-nefħa l-kbira li kienet telgħet għal rasna, il-Covid qed jifqagħhielna”. Iċ-ċkunija hi realiżmu u umiltà, għax aħna ġejjin mill-art, kif tfisser il-kelma humus, u fina Alla poġġa n-nifs tiegħu. Finalment iċ-ċkunija tiftaħna għall-ieħor u żżommna f’komunjoni.
L-Għawdxi hu magħruf għall-għaqal, tenna l-Isqof. Li tkun għaqli jfisser li taħsibha sew qabel tagħmel xi ħaġa u ma tħallix l-emozzjonijiet jiġru bik. “Sa ftit ilu l-għarbiel li minnu konna nippruvaw ngħaddu l-ġudizzju tagħna kienu l-valuri ta’ Kristu, meta issa l-kriterji qed isiru dak li jaqbilli jew dak li ekonomikament hu ta’ profitt. Inkunu nitilfu xi ħaġa aħna l-Għawdxin jekk nitilfu dan l-għaqal u l-kapaċità li nirriflettu”.
Tant aħna mkaxkrin minn kurrenti differenti, li m’għandniex ċans nieqfu nieħdu nifs u naħsbu fuq minn xiex għaddejjin. Għalhekk hu saħaq li “l-impulsi tagħna rridu nagħrbluhom f’din l-għaġna tal-valuri Nsara – il-verità, il-maħfra, l-imħabba, is-solidarjetà, il-paċenzja, il-ħniena… Dawn għandhom ikunu l-valuri li jservu ta’ toqob tal-għarbiel li minnhom ngħaddu l-emozzjonijiet tagħna, b’tali mod li naġixxu skont dak li jrid il-Mulej u mhux dak li jidhrilna aħna”. Ix-xitan faċli jdaħħalna fl-ingann li l-verità hi f’idejna, u dan imur kontra l-għaqal.
Dwar il-bżulija, bħala eżempju l-Isqof semma kif sal-lum f’Għawdex għadek tilmaħ nies li minn filgħodu kmieni jbakkru jħejju l-bhejjem għar-raba’. Imma anki hawn dieħla l-mentalità tal-easy money, li jekk jista’ jkun naqla’ bla ma nagħmel xejn. Dan huwa suwiċidju soċjali, morali u ekonomiku bil-mod il-mod, għax qed ngħaddu liż-żgħar tagħna “l-valur tal-flus li ma fihomx valur”.
Iċ-ċkunija, l-għaqal u l-bżulija, tliet karatteristiċi tant importanti fil-ħajja tal-Għawdxin, huma valuri li rridu ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, biex ma nirriskjawx li lil uliedna “ngħaddulhom lil Għawdex ċimiterju mimli monumenti flok belt ħajja b’valur sodi”, temm jgġħid l-Isqof ta’ Għawdex.
Jum Għawdex, fl-anniversarju tal-ġurnata li fiha l-Għawdxin taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saver Cassar seħħilhom ibarru l-Franċiżi minn gżirithom fl-1798, ġie ċċelebrat b’Pontifikal Solenni fil-Katidral ta’ Għawdex, li għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom l-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra, flimkien ma’ Dr Samuel Azzopardi, President tar-Reġjun ta’ Għawdex u s-sindki Għawdxin.
Wara l-quddiesa fil-Katidral, f’ċerimonja fi Pjazza Indipendenza ngħata Ġieħ Għawdex lill-membri parlamentari Chris Said u Justyne Caruana.