Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XXX ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Jekk il-ħtija tagħhom sfat ta’ ħafna ġid għad-dinja, kemm ser tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll!
Rum 11, 1-2a.11-12.25-29

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, nistaqsi jien: “Forsi Alla ċaħad il-poplu tiegħu?”. Żgur li le! Għax jien ukoll Iżraeli, min-nisel ta’ Abraham, mit-tribù ta’ Benjamin. Alla ma ċaħdux lill-poplu tiegħu, li hu kien għażlu sa minn qabel. Mela, ngħid jien, jaqaw tfixklu biex waqgħu għal kollox? Żgur li le! Imma bis-saħħa tal-ħtija tagħhom waslet is-salvazzjoni għand il-pagani biex il-Lhud tiġihom l-għejra għalihom. Jekk, mela, il-ħtija tal-Lhud sfat ta’ ħafna ġid għad-dinja, u l-waqgħa tagħhom ta’ ħafna ġid għall-pagani, kemm se tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll!

Ma rridx li ma tkunux tafu, ħuti, dan il-misteru, li ma tmorrux taħsbu li intom xi għorrief; l-ebusija tal-qalb li waqgħet fuq parti minn Iżrael tibqa’ sakemm tidħol il-milja tal-pagani; u hekk Iżrael kollu jkun salv. Kif inhu miktub:
“Għad joħroġ minn Sijon il-Feddej;
ineħħi l-ħażen minn Ġakobb.
U dan ikun il-patt tiegħi magħhom:
meta nneħħilhom dnubiethom”.

Skont l-Evanġelju huma għedewwa minħabba fikom; skont l-għażla huma maħbuba minħabba missirijiethom. Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 93 (94), 12-13a.14-15.17-18

R/. (14a): Il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,
li tgħallmu l-liġi tiegħek,
biex isserrħu f’jiem l-għawġ. R/.

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,
ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,
u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. R/.

Li kieku l-Mulej ma tanix l-għajnuna,
għal ftit ma dħaltx fis-skiet tal-mewt.
Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli,”
biex tjubitek, Mulej, tweżinni. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.
Lq 14, 1.7-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan”, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktar ’il fuq”. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. 11Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d