Il-Papa jitlob għall-vittmi tat-terroriżmu


Il-Papa Franġisku jitlob għall-vittmi tal-attakk bla difiża tal-mibgħeda u t-terrur

Fl-aħħar tal-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, li lbieraħ saret fil-Bibjoteka tal-Palazz Apostoliku minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, il-Papa Franġisku dawwar ħarstu u talab għall-vittmi tal-attakk imdemmi, li f’dawn l-aħħar ġranet ċappas bid-demm l-art Ewropeja. Hu stqarr li dawn l-attakki huma “att deplorabbli li l-għan hu li jikkomprometti l-kolaborazzjoni fraterna bejn ir-reliġjonijiet”.

Waqt li kien qed jindirrizza lill-pellegrini bil-lingwa Taljana, l-Qdusija Tiegħu qal li, “waqt li f’dawn il-ġranet qed nitolbu għall-mejtin, ejjew niftakru fil-vittmi bla saħħa tat-terroriżmu li wassal għal eskalazzjoni tal-moħqrija li qed tinfirex fl-Ewropa”. Hu għamel referenza diretta lejn dak li ġara fl-attakk serju li seħħ fil-Bażilika fil-belt ta’ Nizza u għall-attakk imdemmi tat-Tnejn filgħaxija fit-toroq ta’ Vjenna.

Fit-30 t’ Ottubru, tlett min-nies mietu f’attakk b’sikkina fil-Bażilika ta’ Notre Dame f’Nizza, u fit-2 ta’ Novembru, erba’ persuni nqatlu qrib is-Sinagoga prinċipali ta’ Vjenna. Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li dawn l-attakki “kkawżaw stmerrija u għajb fost il-popolazzjoni u fost dawk li jimpurtahom mill-paċi w d-djalogu”. Il-Papa Franġisku fda fil-ħniena t’ Alla lil dawk kollha li nqatlu traġikament u esprima l-qrubija spiritwali tiegħu mal-familji tagħhom u ma’ dawk kollha li qed ibatu. 

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-11/pope-general-audience-victims-attacks-terrorism-vienna-nice.html