Il-Papa Franġisku joħroġ Motu proprio dwar it-twaqqif ta’ istitut tal-Ħajja Kkonsagrata.
Il-Papa Franġisku, b’Ittra Appostolika ħareġ motu proprio, bl-isem ‘Authenticum charismatis’, fejn immodifika Canon 579 tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika dwar it-twaqqif tal-istituti tal-Ħajja Kkonsagrata. B’din l-emenda, istituti ġodda ta’ Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika għandhom jirċievu approvazzjoni bil-miktub mis-Sede Appostolika, li waħedha għandha ġudizzju finali rigward it-twaqqif tagħhom.
B’referenza għall-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium No.130, l-Ittra Appostolika tinnota “li sinjal żgur tal-awtentiċità tal-kariżma huwa l-karattru ekkleżjali tagħha, l-abbiltà li tkun integra b’mod armonjuż fil-ħajja tal-poplu qaddis u fidil t’ Alla għall-ġid ta’ kulħadd”. Id-dixxerniment dwar l-ekkleżjalità u l-affidabilità tal-kariżmi huwa responsabbilità ekkleżjali tar-Rgħajja tal-Knejjes partikolari. Dan li qed tinnota l-Ittra Appostolika, hu espress “f’kura għall-forom kollha ta’ ħajja kkonsagrata u fil-kompitu li tevalwa n-neċessità li jiġu stabbiliti istituti ġodda ta’ ħajja kkonsagrata u dawk ta’ soċjetajiet ta’ ħajja appostolika”.
Is-Sede Appostolika għandha r-responsabilità li takkumpanja lill-Isqfijiet fil-proċess ta’ dixxerniment li jwassal għar-rikonoxximent ekkleżjali ta’ istitut jew soċjetà ġdida li għandhom dritt djoċesan. Imma għandha wkoll r-responsabilità li teżamina sabiex tiddixxerni l-awtentiċità tal-iskop tal-fondazzjoni tagħhom u biex tevita l-proliferazzjoni ta’ istituzzjonijiet simili għal xulxin, bir-riskju konsegwenti ta’ frammentazzjoni ta’ ħsara fi gruppi żgħar wisq.
Il-Motu proprio l-ġdid jagħmel espliċitu li l-Isqfijiet Djoċesani biss jistgħu jwaqqfu validament istituti tal-ħajja kkonsagrata b’digriet formali, u dan issir biss meta jkun ingħata permess bil-miktub mis-Sede Appostolika.
Ara l-Motu proprio bit-Taljan …
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: