Il-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Sir Anthony Mamo


Wasalna lejn l-aħħar tax-xahar t’Ottubru, ix-xahar iddedikat lill-Ommna Marija. Wieħed mit-titli sbieħ li nagħtu lill-Verġni Imbierka hu Omm tal-Grazzja.

Nhar is-Sibt, 12 ta’ Settembru 2020, ġiet iċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Bħala Franġiskan Kapuċċin ma nistax ma nifraħx b’dan il-fatt. Dan l-għaliex, aħna l-Kapuċċini, għandna bosta knejjes iddedikati lill-Madonna tal-Grazzja. Fil-gżira Għawdxija l-Knisja ta’ l-uniku kunvent li għandna hemmhekk hi proprju iddedikata lill-Madonna tal-Grazzja. Imbagħad, ġewwa San Giovanni Rotondo, fejn għex San Piju, il-Knisja hi iddedikata wkoll lil Ommna Marija tal-Grazzja.

F’dan il-jum jiena qomt imħeġġeġ imħeġġeġ biex niċċelebra din il-festa. Għalkemm fil-kappella tal-Isptar Sir Anthony Mamo konna ftit, tlieta kollox, minħabba r-restrizzjonijiet tal-covid-19, biss din il-ġemgħa ċkejkna liturġika aktar tagħtni kuraġġ u ferħ kbir biex niċċelebra din il-quddiesa bl-entużjażmu li jaf jagħti l-Ispirtu s-Santu! Dawn iż-żminijiet partikulari ta’ pandemija aktar tefgħuni biex nitlob u nistudja bir-reqqa kollha l-fidi għażiża Nisranija Kattolika tiegħi! U hawn hi s-sejba li l-Mulej tani fuq il-Madonna tal-Grazzja!

Il-festa tal-Madonna tal-Grazzja hi qadima ħafna u tmur saħansitra għas-seklu tlettax fil-belt ta’ Faenza, fl-Italja. F’din il-belt kien hemm diġà Knisja tad-Dumnikani li kienet iddedikata lill-Madonna tal-Grazzja. Tant kemm Ommna Marija għexet sewwa t-titlu tagħha b’rabta ma’ din il-belt li, bit-talb tagħha Faenza ħelset mill-qilla tal-pesta fl-1416. Għalhekk, din il-ġrajja, kattret fuq li kattret id-devozzjoni tan-nies tal-belt lejn il-Madonna għall-grazzja kbira li kienet qalagħtilhom. Bħala radd-il ħajr ta’ din il-grazzja kbira, kull sena, sewwa sew fit-tieni Ħadd ta’ Mejju, bdiet issirilha festa kbira.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja xterdet ħafna fl-Italja filwaqt li fis-seklu sittax il-festa tal-Madonna tal-Grazzja nsibuha iċċelebrata f’ħafna djoċeżijiet ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, fi ġranet differenti. F’pajjiżna, id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja hi antika ħafna. F’Ħaż-Żabbar insibuha teżiżti saħansitra minn qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565. Fil-fatt, kien hemm kappella dedikata lill-Madonna tal-Grazzja. Din il-kappella kienet meqjuma ħafna kif jidher mid-dokumenti ta’ dak iż-żmien. Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja ma kinitx biss f’Ħaż-Żabbar iżda nsibuha wkoll imxerrda, tista’ tgħid, ma’ Malta kollha. Il-festa tagħha kienet issir nhar il-Vitorja, għajr fl-Isla fejn kienet issir il-Ħadd ta’ wara. Fil-Kalendarju liturġiku tal-provinċja ekkleżjastika Maltija, kif ġie mwettaq mill-Kongregazzjoni tal-Kult wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni, il-festa għal Ħaż-Żabbar ġiet iffissata fit-12 ta’ Settembru.

Kif għedt diġà aktar ‘il fuq, f’Għawdex ukoll din id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja hi mxerrda ħafna. Kif aċċennajt fil-bidu ta’ din il-kitba, il-Knisja tagħna l-Kapuċċini f’Forn il-Ġir hi ċ-ċentru ta’ din id-devozzjoni. F’dan l-imkien, fl-1608 kienet inbniet kappella dedikata lill-Madonna tal-Grazzja qrib knisja oħra dedikata lil Sant’Agata. Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja xterdet sewwa f’Għawdex wara l-ħelsien mit-terremot tal-11 ta’ Jannar 1693 li kien għamel ħerba sħiħa mill-belt ta’ Noto fi Sqallija u kkawża ħafna ħsara f’pajjiżna.

Fl-1921 il-Papa Benedittu XV, fuq talba tal-Kardinal Desiderju Ġużeppi Mercier ta, għall-poplu kollu tal-Belġju, l-uffiċċju u l-Quddiesa tal-Verġni Marija, medjatriċi tal-grazzji kollha, biex tiġi iċċelebrata fil-31 ta’ Mejju. Is-Santa Sede kienet tat l-istess permess lil ħafna djoċesijiet u istituti reliġjużi li talbuha għalih. Tant kemm ingħataw permessi li t-tifkira ta’ Marija, Medjatriċi, tista’ tgħid, bdiet issir kullimkien.

Il-Konċilju Vatikan it-Tieni, fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, fl-1964, fisser il-ħidma tal-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja u wera b’mod ċar xi tfisser u x’qawwa għandha l-kelma “medjatriċi”: Is-sehem ta’ Marija bħala omm bl-ebda mod ma jdallam jew inaqqas il-medjazzjoni ta’ Kristu, iżda juri kemm hi qawwija. Għaliex kull influwenza ta’ salvazzjoni tal-Verġni Mqaddsa fuq il-bnedmin mhix ġejja minn xi ħtieġa iżda mir-rieda ta’ Alla u toħroġ mill-kotra imfawwra tal-merti ta’ Kristu, tistrieħ fuq il-medjazzjoni tiegħu, tiddependi għalkollox u tieħu l-qawwa minnha. Din l-influwenza tal-Madonna bl-ebda mod ma tfixkel l-għaqda immedjata ta’ dawk li jemmnu ma’ Kristu, anzi tħaffifha (nru.60).

Imbagħad, fl-1971, il-Kongregazzjoni għall-Kult divin approvat il-Quddiesa bit-titlu: Verġni Marija omm u Medjatriċi tal-grazzja. It-teoloġija, kif imfissra fit-talb f’din il-Quddiesa, jaqbel b’mod perfett mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan it-Tieni. Din il-quddiesa tfakkar fl-istess waqt kemm il-ħidma ta’ omm u kemm il-ħidma ta’ medjazzjoni tal-Verġni Marija. Fi żmienna din il-Quddiesa f’ħafna postijiet qed titqaddes fit-8 ta’ Mejju.

Il-Quddiesa tagħti ġieħ l-ewwel nett, u kif jixraq, lil Kristu, li kif insibu fil-prefazju, hu veru Alla u veru bniedem, il-medjatur waħdieni dejjem ħaj biex jidħol għalina. Barra minhekk, il-Quddiesa tfakkar ukoll lill-Verġni Marija, kif jerġa’ jgħidilna għal darba oħra l-prefazju, bħala omm u medjatriċi tal-grazzja, l-għaliex, Alla l-Missier, fil-pjan provvidenzjali tiegħu, għamilha omm u sieħba tal-Feddej.

Omm il-grazzja hi l-Verġni Marija l-għaliex, fil-ġuf safi tagħha nisslet lil Kristu veru Alla u veru bniedem u tagħthulna bħala l-awtur tal-grazzja. Medjatriċi tal-grazzja hi l-Verġni Marija għaliex issieħbet ma’ Kristu biex tinkisbilna l-aqwa u l-ogħla grazzja, dik tal-fidwa u tas-salvazzjoni, tal-ħajja ta’ Alla u ta’ sebħ bla tmiem.

Għalhekk, f’din il-Quddiesa, u kif jgħidilna tant tajjeb il-prefazzju tagħha, il-“medjazzjoni” tal-Verġni Marija tfisser “il-wiri ta’ l-imħabba tagħha ta’ omm”, “interċessjoni u maħfra, talb u grazzja, rikonċiljazzjoni u sliem”. U jekk dawn huma l-kwalitajiet sbieħ tal-medjazzjoni tagħha kemm hu għaqli li nitolbuha r-Rużarju kuljum u noffruh għall-ħtiġijiet ta’ ħutna, l-aktar il-midinbin li fosthom hemm aħna biċ-ċert u ċ-ċertikat! Għax liema talba tista’ aktar turi l-imħabba tagħha ta’ omm, li titlob għalina u għall-maħfra ta’ dnubietna, u liema talba tista’ tabilħaqq hi ta’ grazzja, rikonċiljazzjoni u sliem, daqs ir-Rużarju?

Kemm kellu raġun bil-kbir id-devotissmu ta’ Marija Santissma, San Ġwann Pawlu II, meta qalilna, fl-ittra appostolika tiegħu dwar ir-Rużarju mqaddes, Rosarium Virġinis Mariae:

Hemm ċirkustanzi storiċi li jkomplu juruna kemm hu meħtieġ li ngħidu r-Rużarju. L-ewwel waħda fosthom hi l-ħtieġa kbira li nitolbu lil Alla għad-don tal-paċi. Kien hemm diversi drabi meta il-Predeċessuri tiegħi u jien ipproponejna r-Rużarju bħala talba għall-paċi. F’dan il-millennju li beda bl-attakk ikrah tal-11 ta’ Settembru 2001 u li fih kuljum nisimgħu b’sitwazzjonijiet ġodda mdemma u vjolenti f’tant postijiet fid-dinja, li niskopru mill-ġdid ir-Rużarju jfisser li nikkontemplaw il-misteru ta’ Dak li hu «s-sliem tagħna», li minn «tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna, il-mibegħda ta’ bejnietna» (Efes 2, 14). Ma nistgħux nitolbu r-Rużarju mingħajr ma nħossu l-impenn preċiż li nagħtu s-sehem tagħna għall-paċi, b’ħarsa speċjali lejn l-art fejn għex Ġesù, li hi daqshekk imġarrba u tant għażiża għal qalb tan-nisrani” (nru.6).

Ħa nitolbu r-Rużarju kuljum ħalli nippermettu lil Marija tħaffilna l-għaqda tagħna ma’ Kristu Binha u Ħuna!

Patri Mario Attard OFM Cap