9 ta’ Novembru
Id-Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran
Festa
QARI I
Eżek 47: 1-2. 8-9. 12
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Imbagħad, l-Anġlu ħadni lura ħdejn il-bieb tas-santwarju; u ara, kien hemm l-ilma ħiereġ minn taħt l-għatba tas-santwarju lejn il-lvant – għax is-santwarju kien iħares lejn il-lvant. U l-ilma kien ħiereġ min-naħa tal-lemin tal-għatba, in-naħa tan-nofsinhar tal-altar. Imbagħad ħariġni mill-bieb tat-tramuntana u mexxieni madwar, minn barra, sal-bieb ta’ barra li jħares lejn il-lvant; u l-ilma kien inixxi min-naħa tal-lemin tal-għatba.
U qalli: «Dan l-ilma ħiereġ lejn in-naħa tal-lvant u nieżel lejn l-Għaraba; u meta jasal fil-Baħar il-Mejjet b’dak l-ilma mielaħ, l-ilma jsir ilma ħelu. U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; u jkun hemm kotra kbira ta’ ħut, għax, minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara. Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar ta’ kull ġens ta’ frott; il-weraq tagħhom ma jidbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx. Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju, u l-frott tagħhom ikun ikel, u l-weraq duwa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
45: 2-3. 5-6. 8-9
R/. Tifraħ il-belt ta’ Alla!
Kenn u qawwa hu Alla għalina,
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed,
jew jiġġarrfu l-muntanji f’nofs ta’ baħar. R/.
Hemm xmara li s-swieqi tagħha
iferrħu l-belt ta’ Alla,
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx;
jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ. R/.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb!
Ejjew, araw x’għamel il-Mulej,
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art. R/.
QARI II
1 Kor 3: 9b-11.16-17
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Intom il-bini ta’ Alla. Skont il-grazzja li tani Alla, bħala bennej għaqli, jiena qegħedt il-pedament. Ħaddieħor jibni fuqu; imma jqis kull wieħed kif jibni fuqu. Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu.
Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara 2 Kronaki 7:16
R/. Hallelujah
Għażilt u qaddist din id-dar,
jgħid il-Mulej,
biex ismi jkun fiha għal dejjem.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġw 2:13-23
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed
1u lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom:
«Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!» Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.”
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: «X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?»
Ġesù weġibhom: «Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.» Għalhekk il-Lhud qalulu: «Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?» Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.
Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.