It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
QARI I
Isimgħu, slaten, u tgħallmu l-għerf.
Għerf 6, 1-11
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Isimgħu mela, slaten, u ifhmu;
tgħallmu, intom li taħkmu sa truf l-art;
agħtu widen, mexxejja tal-kotra,
li tiftaħru bl-għadd tal-ġnus tagħkom!
Hu l-Mulej li takom is-setgħa,
mingħand l-Għoli l-qawwa tagħkom;
hu jgħarbel l-għemejjel tagħkom, u jifli bir-reqqa l-fehmiet tagħkom.
Għalkemm intom qaddejja ta’ saltnatu,
ma qtajtux il-ħaqq sewwa,
u ma żammejtux mal-Liġi;
anqas ma mxejtu skont ir-rieda ta’ Alla.
Bil-biża’ u bil-ħeffa se jiġi jżurkom,
għax bl-aħrax jiġġudika ’l min hu fl-għoli.
Iż-żgħir isib mogħdrija u ħniena,
imma l-kbir bil-kbir jaqlagħha.
Għax sid kulħadd ma jħarisx lejn l-uċuħ,
lanqas ma jibża’ mill-kobor ta’ xi ħadd.
Iż-żgħir u l-kbir għamilhom hu,
u xorta waħda jieħu ħsiebhom ilkoll;
imma s-setgħana jgħarbilhom bir-reqqa.
Għalikom mela, mexxejja, dan kliemi,
biex titgħallmu l-għerf u ma taqgħux.
Għax dawk li jħarsu l-kmandamenti mqaddsa bil-qdusija,
jingħaddu mal-qaddisin;
u min tgħallimhom ikollu lilhom jaqbżu għalih.
Ħa jkollkom mela xewqa għal kliemi,
ixxennqu għalihom u titgħallmuhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 81 (82), 3-4.6-7
R/. (8a): Qum, o Alla, agħmel ħaqq mill-art
Agħmlu l-ħaqq mal-miskin u l-iltim;
mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa!
Eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar,
minn id il-ħżiena salvawhom. R/.
Jien għedt li allat intom,
ulied l-Għoli lkoll kemm intom.
Imma bħal kull bniedem intom tmutu,
bħal kull wieħed mill-kbarat taqgħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Tess 5, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Iżżu ħajr lil Alla f’kollox:
dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.
Lq 17, 11-19
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.
Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu