Qari tal-Quddies tat-Tnejn u Tletin Ħadd matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.
1 Slat 17, 10-16

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.

Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”.

Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”. U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10

R/. (1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej jħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

QARI II
Kristu offra lilu nnifsu darba biss.
Lhud 9, 24-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.

Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12, 38-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12, 41-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed fit-tempju biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu