Id-drittijiet tal-bniedem huma kruċjali għall-missjoni tal-Knisja


Kardinal Elett mill-Filippini jgħid li d-drittijiet tal-bniedem huma kruċjali għall-missjoni tal-Knisja.

Il-Kardinal elett, Jose Advincula, wieħed mit-tlettax il-kardinali li dan l-aħħar ġew appuntati mill-Papa Franġisku, qal li jemmen li drittijiet tal-bniedem huma ċentrali għall-missjoni tal-knisja. “Il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem qatt ma huma għażla, imma huma fil-qalba tal-missjoni ta’ kull Knisja. Id-dinjità tal-persuna umana hija ċ-ċavetta għal problemi soċjali li jħabbtu wiċċhom kull nazzjon”, hekk stqarr Mons. Advincula fi stqarrija.

Hu qal li dan kien minnu, speċjalment għas-saċerdoti, għax ħafna minn dawn id-drittijiet kienu fil-‘qalba’ tat-tagħlim tal-knisja. “Il-Knisja ma tistax sempliċiment tinjora d-drittijiet tal-bniedem, għax hemm dimensjoni morali fihom. Id-dritt għall-ħajja, pereżempju, huwa konsistenti mat-tagħlim tal-Knisja li hemm dinjità fil-persuna umana”.

Il-Kardinal elett, Jose Advincula

Il-Kardinal elett qal lill-aħbarijiet tal-Vatikan li “l-poverta hija waħda mir-raġunijiet li għandna problemi soċjali” kif ukoll jara li l-edukazzjoni “bħala l-mod kif tiżviluppa n-nies sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu aktar sabiex jgħixu ħajja aktar diċenti”.

F’Lulju tas-sena 2019, l-Arċisqof ta’ Capiz, ippubblika ittra pastorali fuq is-suwiċidju. Huwa qal li l-mexxejja tal-Knisja qatt ma jkollhom it-tweġibiet kollha dwar għaliex iseħħu s-suwiċidji, iżda xorta jistgħu jipprovdu kumdità lill-merħla tagħhom, u talab għalihom “biex jikkultivaw kultura ta’ preżenza”“Meta nafu b’nies li qed jesperjenzaw dipressjoni, għandna nersqu lejhom”, qal Mons. Advincula. “Anke jekk m’aħniex esperti tas-saħħa mentali, ħafna drabi dak li għandhom bżonn in-nies dipressi huma nies oħra li huma lesti li jisimgħu mingħajr ma jiġġudikaw”.

Mons. Jose Advincula, Arċisqof ta’ Capiz, flimkien ma’ Mons. Mario Grech u ħdax oħra ser jiġu maħtura kardinali fil-konsistorju li ser issir is-Sibt 28 ta’ Novembru, fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit:

https://cruxnow.com/church-in-asia/2020/11/philippine-cardinal-designate-says-human-rights-are-key-to-church-mission/